Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/6


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

(Kawża C-253/09)

2009/C 233/10

Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u K. Ritzné Talabér, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ungerija

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara li, billi pprovdiet, fir-rigward ta’ xiri ta’ abitazzjoni li tinsab fl-Ungerija bħala sostituzzjoni ta’ abitazzjoni li tinsab fi Stat ieħor trattament inqas favorevoli għal dak mogħti fix-xiri ta’ abitazzjoni li tinsab fl-Ungerija bħala sostituzzjoni ta’ abitazzjoni li tinsab f’dan l-istess Stat, ir-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE u l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta’ din il-kawża hija l-liġi fiskali Ungeriża li, sabiex tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli li għandha titħallas fil-mument ta’ xiri ta’ abitazzjoni li tinsab fil-pajjiż, tippermetti biss li jitnaqqas mill-valur tal-abitazzjoni mixtrija l-prezz tal-abitazzjoni mibjugħa jekk din tinsab ġewwa l-pajjiż.

Din il-liġi tmur kontra l-moviment liberu tal-persuni u l-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE u l-Artikoli 28 u 32 tal-Ftehim ŻEE.

L-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju huwa li jiffaċilita liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-eżerċizzju ta’ attività professjonali ta’ kwalunkwe tip fi kwalunkwe post fil-Komunità, u fl-istess ħin, jipprekludi kwalunkwe miżura li b’konsegwenza tagħha ċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru tal-Komunità li, filwaqt li jagħmlu użu mid-dritt tal-moviment liberu tagħhom, jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet li jimpedixxu jew jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà anki meta jiġu applikati mingħajr riferiment għaċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati.

Madankollu, il-liġi fiskali Ungeriża li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tikkostitwixxi dispożizzjoni li għandha dawn il-karatteristiċi. Fil-fatt, minħabba l-esklużjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini barranin jew Ungeriżi li, filwaqt li jagħmlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, jirrisjedu għal xi żmien fi Stat Membru ieħor u hemmhekk jixtru abitazzjoni, ikollhom inqas inċentivi sabiex jixtru abitazzjoni fl-Ungerija meta pparagunati ma’ dawk li jirrisjedu fl-Ungerija u jkunu xtraw abitazzjoni ġdida minflok dik li diġà kellhom fil-pajjiż. B’dan il-mod, il-liġi Ungeriża tista’, evidentement, tipproduċi l-effett li jiddisswadi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli jistabbilixxu ruħhom fl-Ungerija. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-persuni, li eventwalment ikunu diġà ħallsu taxxi għal ammont simili fl-Istat tar-residenza preċedenti tagħhom meta jkunu xtraw l-abitazzjoni tagħhom, isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jkunu xtraw l-abitazzjoni tagħhom preċedentement fl-Ungerija. Konsegwentement, dawn il-persuni għandhom jingħataw l-istess trattament. Peress illi, madankollu, il-liġi Ungeriża tqiegħed f’sitwazzjoni iktar ta’ żvantaġġ dawk il-persuni li jixtru fl-Ungerija abitazzjoni li tissostitwixxi l-abitazzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor meta pparagunati ma’ dawk li wkoll ikunu xtraw abitazzjoni u diġà kellhom abitazzjoni fil-pajjiż, din tittratta sitwzzjonijiet oġġettivament identiċi b’mod mhux ugwali u, b’dan il-mod, tikkostitwixxxi liġi diskriminatorja.

L-unika talba magħmula mill-Gvern tar-Repubblika tal-Ungerija ma tistax tiġġustifika tali ksur tad-dritt Komunitarju.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-oġġezzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koeżjoni tas-sistema fiskali, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, ma nstabet l-ebda relazzjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ bażi taxxabbli stabbilita, fejn din, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi rekwiżit biex il-ħtieġa invokata sabiex tiġi ggarantita l-koeżjoni tas-sistema fiskali tkun tista’ tikkostitwixxi limitazzjoni ġġustifikata tal-eżerċiżżju tal-libertajiet fundamentali. Mill-aspett ekonomiku, ma teżisti ebda relazzjoni diretta bejn ix-xiri ta’ abitazzjoni oħra u l-obbligu li titħallas it-taxxa, u l-bejgħ tal-ewwel abitazzjoni u t-taxxi mħallsa preżentement, elementi li l-leġiżlatur Ungeriż biss jorbot ma’ xulxin.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument mill-Gvern Ungeriż li sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra u t-taxxi mħallsa fil-mument tax-xiri tagħhom u l-prevenzjoni tal-abbużi mwettqa eventwalment f’dawn l-operazzjonijiet jinħolqu diversi diffikultajiet amministrattivi, il-Kummissjoni tindika li d-diffikultajiet amministrattivi potenzjali bl-ebda mod ma jistgħu jiġġustifikaw il-ksur tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt Komunitarju. Ir-Repubblika tal-Ungerija ċertament għandha l-possibbiltà li timponi rekwiżiti partikolari sabiex titlob l-informazzjoni meħtieġa, iżda dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għan imfittex.