Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

24.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 256/12


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-311/09)

2009/C 256/23

Lingwa tal-kawża: Il-Pollak

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li, bl-impożizzjoni tal-VAT fuq il-provvista ta’ servizzi internazzjonali ta’ trasport bit-triq minn persuni suġġetti għat-taxxa li jkunu stabbiliti jew li jkollhom il-post ta’ residenza permanenti tagħhom barra mill-Polonja skont kif stipulat fl-Artikoli 35(1), (3), (4) u (5) tal-Kapitolu 13 tar-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi tas-27 ta’ April 2004, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 73, 168 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud; (1)

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont il-prinċipji ddefiniti fid-Direttiva 2006/112.

Skont il-Kummissjoni, l-impożizzjoni u l-kalkolu tal-VAT fuq servizzi internazzjonali ta’ trasport bit-triq ipprovduti minn persuni suġġetti għat-taxxa li huma stabbiliti jew għandhom il-post ta’ residenza permanenti tagħhom barra mill-Polonja skont kif stipulat fl-Artikoli 35(1), (3), (4) u (5) tal-Kapitolu 13 tar-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi tas-27 ta’ April 2004 huma inkompatibbli mal-Artikoli 73, 168 u 273 tad-Direttiva 2006/112. L-inkompatibbiltà mal-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 tikkonsisti fil-fatt li l-ammont taxxabbli huwa f’kull każ PLN 285, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni la d-distanza fil-fatt koperta b’karozza tal-passiġġieri u lanqas il-ħlas fil-fatt dovut għal servizz partikolari pprovdut. Is-sistema Pollakka tal-ġbir tal-VAT ma tippermettix persuna suġġetta għat-taxxa li tipprovdi servizzi internazzjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri li tnaqqas il-VAT fuq oġġetti akkwistati matul perijodu ta’ taxxa partikolari għall-finijiet tas-servizz taxxabbli ta’ trasport ta’ passiġġieri pprovdut (pereżempju fuq l-fjuwil), li jmur kontra l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112. Barra minn hekk, is-sistema Pollakka tal-ġbir tal-VAT hija inkompatibbli mal-Artikolu 273 tad-Direttiva minħabba li tistabbilixxi obbligu fuq il-persuni taxxabbli li jissottomettu dikjarazzjoni ta’ dħul li tindika l-ammont ta’ taxxa lill-uffiċċju tad-dwana fil-ħin meta l-karozza tal-passiġġieri tidħol b’passiġġieri fil-Polonja u li jħallsu din it-taxxa fl-uffiċċju tad-dwana “fil-mument li l-karozza tal-passiġġieri tidħol b’passiġġieri fit-territorju nazzjonali”, li jwassal għal formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri.

Skont il-Kummissjoni, is-sistema kkontestata tal-ġbir u l-kalkolu tal-VAT ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 281 jew l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112.


(1)  ĠU 2006 L 347, p. 1.