Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

27.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/24


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-539/09)

2010/C 51/39

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Caeiros u B. Conte, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob,

li jiġi stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1), (2) u (3) KE, l-Artikolu 140(2) u l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, kif ukoll l-Artikolu 10 KE, għaliex hija ma ppermettietx lill-Qorti tal-Awdituri li twettaq fil-Ġermanja verifiki rigward il-kooperazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif prevista mir-Regolament Nru 1798/2003 u mid-dispożizzjonijiet rilevanti meħuda għall-implementazzjoni tagħha,

li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-kawża tittratta r-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea li twettaq fil-Ġermanja verifiki rigward il-kooperazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif prevista mir-Regolament Nru 1798/2003 u mid-dispożizzjonijiet rilevanti meħuda għall-implementazzjoni tagħha.

Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248 KE u taħt ir-Regolament Nru 1605/2002 kif ukoll kisret id-dmir tagħha ta’ lealtà skont l-Artikolu 10 KE.

Il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’: il-Qorti tal-Awdituri għandha tikkontrolla l-finanzi tal-Unjoni Ewropea u tissuġġerixxi titjib. Għal dan il-għan, hija teħtieġ d-dritt li twettaq audits u verifiki komprensivi fir-rigward tal-oqsma u l-atturi kollha relatati mad-dħul u l-infiq tal-Unjoni Ewropea. Tali eżamijiet jistgħu jsiru wkoll fl-Istati Membri u dawn għandhom, skont l-Artikolu 248(3) KE, l-Artikolu 140(2) u l-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, kif ukoll skont id-dmir ta’ lealtà tal-Artikolu 10 KE jipprovdu sostenn komprensiv lill-Qorti tal-Awdituri fil-kompiti tagħha. Dan jinkludi ukoll id-dmir li jiġu awtorizzati l-verifiki kollha tal-Qorti tal-Awdituri li jservu sabiex jiġu eżaminati l-ġbir u l-użu tal-fondi Komunitarji.

Il-Qorti tal-Awdituri ġiet irrifjutata preċiżament dan mill-awtoritajiet Ġermaniżi f’dan il-każ.

Ir-Regolament Nru 1798/2003 jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tad-dħul Komunitarju. Dan ir-regolament huwa katina f’netwerk ta’ diversi miżuri li għandhom jiggarantixxu li l-Istati Membri jwettqu ġbir korrett tat-taxxa fuq il-valur miżjud u għaldaqstant li l-Komunità jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi proprji taħt l-aħjar kundizzjonijiet permezz tal-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni ta’ din tal-aħħar. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni jidrilha li huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Awdituri, inkarigata li tivverifika l-legalità u r-regolarità tad-dħul tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tkun tista’ tivverifika l-implementazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1987/2003. Dan jimplika li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista’ tivverifika jekk l-Istati Membri stabbilixxewx sistema effikaċi ta’ kooperazzjoni u ta’ għajnuna reċiproka amministrattiva u jekk huma ttrasponewx din is-sistema b’mod sodisfaċenti fil-prattika jew inkella, min-naħa l-oħra, hemmx meħtieġ titjib.

L-implementazzjoni prattika tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista mir-Regolament Nru 1798/2003 mhijiex mingħajr konsegwenzi fuq ir-riżorsi proprji tat-taxxa fuq il-valur miżjud li għandhom jinġabru mill-Istati Membri. Kooperazzjoni tajba f’dan il-qasam tipprekludi l-evażjoni fiskali u twassal awtomatikament għal żieda fid-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud u, bl-istess mod, ukoll għal żieda tar-riżorsi propji tal-Komunità f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni xierqa, l-Istat Membru mhux biss jikser l-obbligi li huwa għandu taħt ir-Regolament Nru 1798/2003, iżda wkoll l-obbligu tiegħu, li jirriżulta mid-Direttiva VAT, li jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġi ggarantit il-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud fit-territorju kollu li jaqa’ taħt is-sovranità tiegħu.