Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

22.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administradiven Sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Frar 2010 — Enel Maritsa Iztok 3 AD vs Direktor na Direktsiya “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsiya za prihodite

(Kawża C-107/10)

2010/C 134/30

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administradiven Sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Enel Maritsa Iztok 3 AD

Konvenut: Direktor na Direktsiya “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsiya za prihodite

Domandi preliminari

L-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu:

(1)

li, minħabba emenda leġiżlattiva introdotta bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi fiskali, it-terminu għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud jiġi estiż sad-data tal-adozzjoni ta’ avviż rettifikattiv, peress li tkun ġiet introdotta proċedura ta’ kontroll fiskali fir-rigward tal-persuna taxxabbli fi żmien 45 jum mid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni fiskali, mingħajr ma jkunu dovuti interessi matul dan il-perjodu fuq is-somma li għandha tiġi rimborsata, filwaqt li jkunu sodisfatti fl-istess waqt il-kundizzjonijiet segwenti:

(a)

qabel l-emenda inkwistjoni, it-terminu ta’ 45 jum previst mil-liġi għar-rimbors tat-taxxa jkun skada u l-interessi dovuti fuq is-somma jkunu bdew jiddekorru, indipendentement mill-fatt li ġiet introdotta l-proċedura għall-kontroll fiskali;

(b)

il-kontroll fiskali jikkonferma l-eżattezza tat-taxxa li għandha tiġi rimborsata kif speċifikata fid-dikjarazzjoni;

(c)

l-unika possibbiltà legali għall-persuna taxxabbli li tqassar it-terminu inkwistjoni hija billi tipprovdi sigurtà permezz ta’ likwidità, ta’ bonds tal-gvern, jew ta’ garanzija bankarja irrevokabbli u pagabbli fuq l-ewwel talba, għal perijodu determinat, ta’ ammont ekwiparabbli għas-somma li għandha tiġi rimborsata.

(2)

li l-liġi tipprovdi terminu għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ 45 jum mid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni fiskali dwar l-imsemmija taxxa, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi sospiż dan it-terminu, u sussegwentement li jiġi estiż billi tiġi introdotta proċedura ta’ kontroll fiskali matul it-terminu inkwistjoni, meta l-perijodu ta’ kalkolu ta’ din it-taxxa huwa ta’ xahar?

(3)

li r-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud isir permezz ta’ avviż rettifikattiv, billi ssir tpaċija tas-somma li għandha tiġi rimborsata mad-djun relatati mal-imsemmija taxxa kif ukoll ma’ taxxi oħra kkonstatati fl-istess avviż rettifikattiv u ma’ kreditu tal-Istat relatat ma’ perijodi ta’ impożizzjoni differenti, kif ukoll mal-interessi dovuti fuq dawn is-somom, ikkalkolati b’effett mid-data tal-adozzjoni tal-avviż rettifikattiv, filwaqt li l-kontroll jikkonferma l-eżattezza tat-taxxa li għandha tiġi rimborsata kif speċifikata fid-dikjarazzjoni u filwaqt li jkunu sodisfatti fl-istess waqt il-kundizzjonijiet segwenti:

(a)

matul il-proċedura ta’ kontroll fiskali, ma ġietx aċċettata s-sigurtà provviżorja fir-rigward tal-kreditu futur tal-Istat li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċedura sal-preżentata tad-dikjarazzjoni tat-taxxa,

(b)

it-tpaċija tal-kreditu tal-Istat mhijiex prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala mezz ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew bħala miżura kawtelatorja,

(c)

il-perijodi ta’ rikors jew ta’ ħlas, fuq bażi volontarja, tas-somom prinċipali u tal-interessi paċuti ma skadewx, peress li ġew evalwati permezz tal-istess avviż rettifikattiv, u li parti minnhom kienet diġà ġiet ikkontestata quddiem il-qorti.

(4)

li, filwaqt li l-kontroll ikkonferma l-eżattezza tat-taxxa li għandha tiġi rimborsata kif speċifikata fid-dikjarazzjoni fiskali, l-Istat iwettaq tpaċija mad-diversi djun fiskali kkonstatati fl-avviż rettifikattiv dwar il-perijodi preċedenti fid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni fiskali inkwistjoni, kif ukoll mal-interessi fuq dawn id-djun, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi avviż rettifikattiv milli fid-data tal-imsemmija dikjarazzjoni, filwaqt li l-Istat ma għandux iħallas interessi matul it-terminu legali għar-rimbors tas-somom dovuti u japplika l-interessi fuq it-taxxi paċuti bejn id-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni fiskali u d-data tal-adozzjoni tal-avviż rettifikattiv?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1. p. 23

(2)  ĠU L 347, p. 1