Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l-Italja) fit-23 ta’ Awissu 2010 — Ministero dell’Economia e delle Finanze, Agenzia delle Entrate vs 3 M Italia Spa

(Kawża C-417/10)

()

2010/C 288/41

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte Suprema di Cassazione (l-Italja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ministero dell’Economia e delle Finanze, Agenzia delle Entrate

Konvenuta: 3 M Italia Spa.

Domandi preliminari

(1)

Il-prinċipju li ma tistax tabbuża mid-dritt fil-qasam fiskali, kif iddefinit fis-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra 2006 p. I-1609) u tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service (C-425/06, Ġabra 2008 p. I-897), huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li japplika biss fil-qasam tat-taxxi armonizzati u fl-oqsma rregolati minn regoli tad-dritt Komunitarju sekondarju, jew jestendi, bħala ipoteżi ta’ abbuż tal-libertajiet fundamentali, għall-qasam tat-taxxi mhux armonizzati, bħat-taxxi diretti, meta l-intaxxar ikopri fatti ekonomiċi transnazzjonali, bħall-akkwist ta’ drittijiet ta’ tgawdija minn kumpannija tal-ishma ta’ kumpannija oħra, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz?

(2)

Indipendentement mir-risposta għad-domanda preċedenti, hemm interess Komunitarju fil-fatt illi l-Istati Membri jipprovdu strumenti xierqa biex jiġġieldu kontra l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi mhux armonizzati; tali interess jipprekludi n-nuqqas ta’ applikazzjoni, fil-kuntest ta’ miżura ta’ amnestija, tal-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt, irrikonoxxut ukoll bħala regola tad-dritt nazzjonali; f’każ bħal dan, hemm ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?

(3)

Il-prinċipji li jirregolaw is-suq wieħed jinkludu projbizzjoni milli, minbarra l-miżuri straordinarji ta’ rinunzja totali għal kreditu fiskali, tiġi stipulata miżura straordinarja li tirregola l-estinzjoni ta’ kawżi fiskali, b’applikazzjoni limitata fiż-żmien u bil-kundizzjoni li titħallas biss parti minima mit-taxxa dovuta?

(4)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u r-regolamentazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jostakolaw is-sistema ta’ estinzjoni ta’ kawżi fiskali li dwarha tittratta din il-kawża?

(5)

Il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju jipprekludi regola ta’ proċedura straordinarja u limitata fiż-żmien, li tneħħi l-istħarriġ tal-legalità (u b’mod partikolari l-istħarriġ tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju) minn idejn il-qorti tal-aħħar istanza, li għandha l-obbligu li tirrinvija domandi preliminari dwar validità u interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?