4.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 328/24 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja
(Kawża C-480/10)
()
2010/C 328/41
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u K. Simonsson, bħala aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet tal-parti rikorrenti
— |
tiddikjara li, billi llimita fil-prattika s-sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u |
— |
tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-regoli Svediżi dwar ir-raggruppament għall-finijiet tal-VAT huma kuntrarji għall-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, peress li l-applikazzjoni tagħhom hija llimitatata għal impriżi li huma attivi fil-qasam finanzjarju. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, sistemi nazzjonali ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT għandhom japplikaw fuq l-impriżi kollha li huma stabbiliti fi Stat Membru li japplika l-ftehim, irrispettivament tat-tip ta’ attività mwettqa mill-impriża.
Is-sistema komuni tal-VAT hija sistema uniformi. L-introduzzjoni ta’ sistema speċjali f’din is-sistema għandha konsegwentement, bħala prinċipju, titwettaq b’tali mod li s-sistema tkun applikabbli b’mod ġenerali.
Ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT li jindika li Stat Membru jista’ jillimita l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT fuq ċerti impriżi attivi f’ċertu qasam.
L-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT juri li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tapplika fuq l-impriżi kollha fl-oqsma kollha.
Barra minn hekk, ir-regoli Svediżi dwar is-sistema ta’ ragruppament għall-finijiet tal-VAT huma inkompatibbli mal-prinċipju tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ta’ trattament ugwali.