Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/20


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-524/10)

()

2011/C 30/33

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: M. Afonso, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi applikat skema speċjali għall-bdiewa fir-rigward tal-iskema introdotta bid-Direttiva tal-VAT (1), minħabba l-fatt li teżentahom mill-ħlas tal-VAT, billi applikat perċentwali fissa ta’ kumpens b’rata żero, filwaqt li għamlet kumpens negattiv sostanzjali fir-riżorsi proprji tagħha biex tkun tista’ tkopri l-VAT, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 296 sa 298 tad-Direttiva tal-VAT.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni Portugiża ma tipprovdix kumpens fiss għall-bdiewa permezz tal-VAT mħallsa fuq l-input. Meta saru kontrolli tar-riżorsi proprji għas-snin 2004 u 2005, fil-Portugall fit-13 u l-14 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet Portugiżi indikaw li l-VAT fuq l-input mhux imnaqqas mill-bdiewa suġġetti għall-iskema speċjali kien żdied b’madwar 5,3 % tal-bejgħ rispettiv fl-2004 u b’madwar 7,9 % fl-2005. Billi huma kkunsidraw li minħabba f’hekk il-VAT mitluba fis-settur tal-biedja kienet eċċessiva, l-awtoritajiet Portugiżi wettqu kumpens negattiv, ta’ madwar EUR 70 miljun fl-2004, fil-kalkoli tagħhom tal-bażi taxxabbli tar-riżorsi proprji. Wara li eżaminat fid-dettall il-kompatibbiltà mad-Direttiva tal-VAT tal-iskema speċjali applikata għall-bdiewa fil-Portugall, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Repubblika Portugiża mhux qed tosserva l-obbligi imposti bl-Artikoli 296 sa 298 tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, l-iskema komuni b’rata fista prevista mid-Direttiva tal-VAT tirrikjedi li tiġi stabbilita perċentwali ta’ kumpens adegwata dejjem sakemm id-data makroekonomika rilevanti tindika li l-VAT imħallsa fuq l-input mill-bdiewa li jaqgħu taħt din l-iskema speċjali ma tkunx żero jew kważi żero.

Jekk huwa minnu li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jistabbilixxu perċentwali fissi ta’ kumpens li jeċċedu l-oneru fiskali tal-VAT fuq l-input, peress li tali kumpensi eċċessivi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għas-setturi inkwistjoni, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlazzjoni Portugiża, li ma tipprovdi ebda kumpens favur bdiewa suġġetti għall-iskema speċjali, hija konformi mad-Direttiva tal-VAT. L-Istati Membri ma jistgħux liberament jinjoraw id-data makroekonomika u jiddeċiedu, sempliċement, li ma hemmx lok għall-ħlas ta’ xi tip ta’ kumpens għall-VAT fuq l-input mitlub. F’dan il-każ, l-Istat Membru japplika għall-bdiewa tiegħu skema speċjali sostanzjalment differenti, fl-istruttura u fl-għanijiet tiegħu, mill-iskema komuni b’rata fissa tal-bdiewa, skont kif previst fil-Kapitolu 2 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT.

Il-Kummissjoni tqis li l-iskema speċjali introdotta bil-leġiżlazzjoni Portugiża għat-tranżazzjonijiet magħmula mill-bdiewa ma tikkostitwix applikazzjoni korretta u koerenti ta’ din l-iskema komuni. Fil-verità, din il-leġiżlazzjoni hija sempliċement eżenzjoni mit-taxxa u, għaldaqstant, teskludi totalment mis-sistema tal-VAT il-bdiewa kollha li ma jagħżlux l-iskema normali ta’ tassazzjoni. Jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bdiewa koperti minn din l-iskema fil-preżent jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tas-settur agrikolu Portugiż, din l-għażla offruta mil-leġiżlatur nazzjonali tippreġudika serjament il-prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali tat-taxxa, li jipprovdi li l-VAT għandu jintalab bl-iktar forma ġenerali possibbli u l-ambitu tiegħu għandu jkopri l-fażijiet kollha ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tal-beni, kif ukoll tal-provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni applikabbli għat-tranżazzjonijiet magħmula mill-bdiewa ma hija prevista f’ebda dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT, u tmur direttament kontra kif inhu pprovdut fl-Artikolu 296(1) li jiippermetti biss lill-Istati Membri jagħżlu bejn tliet skemi ddefiniti sew fir-rigward tat-tassazzjoni tal-bdiewa: l-applikazzjoni ta’ skema normali, l-applikazzjoni ta’ skema speċjali prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu XII jew l-applikazzjoni ta’ skema komuni b’rata fissa prevista fil-Kapitolu 2 tal-istess titolu.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)