Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

19.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) fl-14 ta’ Diċembru 2010 — Littlewoods Retail Ltd et vs Her Majesty's Commissioners of Revenue and Customs

(Kawża C-591/10)

2011/C 89/12

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Littlewoods Retail Ltd et

Konvenuti: Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs

Domandi preliminari

(1)

Meta persuna taxabbli tkun ħallset ammont żejjed ta’ VAT, li nġabar mill-Istat Membru bi ksur tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-VAT, ir-rimedju pprovdut minn dan l-Istat Membru huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea jekk ir-rimedju inkwistjoni jikkonsisti (a) fil-ħlas lura tal-ammonti prinċipali mħallsa żejda, u (b) tal-interessi sempliċi fuq dawn l-ammonti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħat-Taqsima 78 tal-Value Added Tax Act 1994?

(2)

Jekk le, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jitlob li r-rimedju pprovdut mill-Istat Membru jipprovdi (a) il-ħlas lura tal-ammonti prinċipali mħallsa żejda, u (b) il-ħlas ta’ interessi komposti skont il-valur tal-użu tal-ammonti mħallsa żejda lill-Istat Membru u/jew tat-telf tal-valur tal-użu tal-ammont f’idejn il-persuna taxxabbli?

(3)

Jekk ir-risposta kemm għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda hija fin-negattiv, x’għandu jinkludi r-rimedju li d-dritt tal-Unjoni jitlob lill-Istat Membru jipprovdi, minbarra l-ħlas lura tal-ammonti prinċipali mħallsa żejda, fid-dawl tal-valur tal-użu tal-ammont imħallas żejjed u/jew tal-interessi?

(4)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-effettività jirrikjedi illi Stat Membru ma japplikax restrizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (bħat-Taqsimiet 78 u 80 tal-Value Added Tax Act 1994) fil-konfront ta’ azzjonijiet jew ta’ rimedji li kieku kienu jkunu disponibbli, fin-nuqqas ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, għall-persuna taxxabli sabiex issostni d-dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilit fir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel tliet domandi, jew huwa biżżejjed illi l-qorti nazzjonali ma tapplikax dawn ir-restrizzjonijiet fid-dawl biss ta’ waħda minn dawn l-azzjonijiet jew rimedji? Liema prinċipji oħra għandhom jiggwidaw lill-qorti nazzjonali sabiex tagħti effett lil dan id-dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’tali mod illi tikkonforma ruħha mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ effettività?