Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

5.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna (Il-Bulgarija) fid-29 ta’ Diċembru 2010 — “Balkan and Sea Properties” ADSITS vs Direttur tal-Uffiċċju ta’ Varna “Appelli u l-Amministrazzjoni tal-Eżekuzzjoni” (Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna)

(Kawża C-621/10)

2011/C 72/27

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administativen sad Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:‘Balkan and Sea properties’ ADSITS

Konvenuti: Direttur tal-Uffiċċju ta’ Varna ‘Appelli u l-Amministrazzjoni tal-Eżekuzzjoni’ (Direktor na Direktsia ‘Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto’ — Varna)

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 80(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jkun hemm provvista bejn persuni relatati, sa fejn il-korrispettiv ikun ogħla mill-valur tas-suq miftuħ, l-ammont taxxabbli huwa l-valur tas-suq miftuħ tat-tranżazzjoni biss jekk il-fornitur ma għandux dritt għal tnaqqis tal-VAT kollha dovuta fuq ix-xiri/il-bejgħ tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-provvista?

(2)

L-Artikolu 80(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta fornitur ikun eżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT kollha dovuta fuq prodotti u servizzi li kienu s-suġġett ta’ provvista sussegwenti bejn persuni relatati bi prezz ogħla mill-valur tas-suq miftuħ u d-dritt għal tnaqqis ma kienx korrett skont l-Artikoli 173 sa 177 tad-Direttiva, Stat Membru ma jistax jadotta miżuri fejn l-ammont taxxabbli jkun esklużivament il-valur tas-suq miftuħ?

(3)

L-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112/KE jikkostitwixxi lista eżawrjenti tal-każijiet li jirrappreżentaw iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri fejn l-ammont taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti jkun il-valur tas-suq miftuħ tat-tranżazzjoni?

(4)

Dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 27(3) taz-Zakon za danak varhu dobavenata soynost (Liġi dwar il-VAT) hija ammissibbli f’ċirkustanzi oħra minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 80(1)(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE?

(5)

F’każ bħal dan inkwistjoni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 80(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE għandha effett dirett u l-qorti nazzjonli tista’ tapplikaha direttament?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)