Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

14.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad — Varna (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Marzu 2011 — “EON ASSET MANAGEMENT” OOD vs Direktor na Direktsiya “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna

(Kawża C-118/11)

2011/C 145/21

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrative sad — Varna (il-Bulgarija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:“EON ASSET MANAGEMENT” OOD

Konvenut: Direktor na Direktsiya “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsiya za prihodite (Direttur tad-Direttorat “Appelli u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” għall-belt ta’ Varna fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tat-taxxa)

Domandi preliminari

(1)

F’liema sens għandu jiġi interpretat ir-rekwiżit imsemmi fl-espressjoni “jintużaw”, stipulat fl-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 (1), u fir-rigward tat-tnissil tad-dritt li titnaqqas it-taxxa imposta, meta għandu jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit: matul il-periojdu fiskali meta l-merkanzija jew is-servizzi ġew akkwistati, jew huwa biżżejjed li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt matul perijodu fiskali sussegwenti?

(2)

Dispożizzjoni bħall-Artikolu 70(1)(2) tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, li tippermetti l-esklużjoni inizjali ta’ merkanzija u servizzi ddefiniti bħala “intenzjonati għal tranżazzjonijiet bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli” mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT, hija ammissibbli fid-dawl tal-Artikoli 168 u 176 tad-Direttiva 2006/112?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li, sabiex juża l-possibbiltà mogħtija lilu li jeskludi d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għal ċerta merkanzija u servizzi, jibbaża ruħu fuq il-kategoriji ta’ spejjeż iddefiniti kif ġej: merkanzija jew servizzi intenzjonati għal tranżazzjonijiet bla ħlas jew għall-attivitajiet li ma humiex parti mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, bl-esklużjoni tal-każijiet stipulati fl-Artikolu 70(3) tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, issodisfa r-rekwiżit li kategorija ta’ merkanzija u ta’ servizzi tiġi ddefinita b’mod adegwat, jiġifieri li jiġu ddefiniti b’riferiment għan-natura tagħhom?

(4)

Skont ir-risposta mogħtija għat-tielet domanda: f’liema sens għandha tinftiehem id-destinazzjoni (l-użu preżenti jew fil-futur) tal-merkanzija jew tas-servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli: bħala pre-rekwiżit għat-tnissil tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT jew bħala bażi li tiġġustifika l-aġġustament tal-ammont tat-taxxa li għandha titnaqqas?

(5)

Jekk id-destinazzjoni (l-użu) għandha tiġi kkunsidrata bħala bażi li tippermetti li jiġi aġġustat l-ammont tat-taxxa li għandha titnaqqas, kif għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 173 tad-Direttiva 2006/112: din tipprovdi l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti fil-każijiet fejn merkanzija u servizzi jintużaw inizjalment għal attività mhux taxxabbli jew fejn ma jintużawx wara l-akkwist tagħhom, filwaqt li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u jkunu inklużi fl-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli matul il-perijodu wara l-akkwist?

(6)

Fil-każ li l-Artikolu 173 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġġustament previst japplika wkoll għall-każijiet fejn il-merkanzija jew is-servizzi, wara l-akkwist tagħhom, jintużaw inizjalment għal attività mhux taxxabbli, jew fil-każijiet fejn ma jintużawx, iżda li sussegwentement huma inklużi fl-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-limitazzjoni introdotta bis-saħħa tal-Artikolu 70(1)(2) tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, u tal-fatt li skont l-Artikolu 79(1)(2) tal-imsemmija liġi, il-possibbiltà li jsiru aġġustamenti hija limitata biss għal każijiet fejn merkanzija, li l-użu inizjali tagħha kien jissodisfa r-rekwiżiti tat-tnaqqis tat-taxxa, sussegwentement tintuża b’mod li ma jissodisfax iktar dawn ir-rekwiżiti tat-tnaqqis tat-taxxa, l-Istat Membru rrispetta l-obbligu tiegħu li jiddefinixxi d-dritt tal-persuni taxxabbli kollha li jnaqqsu t-taxxa imposta bl-iktar mod affidabbli u ġust?

(7)

Skont ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, skont ir-regoli li jillimitaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u ta’ aġġustament għall-ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas, introdotti permezz tal-Liġi Bulgara dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, f’ċirkustanzi simili għal dawk fil-kawża prinċipali, u fid-dawl tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112, persuna taxxabbli rreġistrata għall-VAT hija awtorizzata tnaqqas il-VAT imposta għal merkanzija jew servizzi li kienu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra, matul il-perijodu li fih ġew ipprovduti u meta t-taxxa saret dovuta?


(1)  ĠU L 347, p. 1