Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

13.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven Administrativen Sad (il-Bulgarija) fit-8 ta’ Ġunju 2011 — EMS-Bulgaria TRANSPORT Ltd vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” grad Plovdiv, pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-284/11)

2011/C 238/12

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven Administrativen Sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EMS-Bulgaria TRANSPORT Ltd

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” grad Plovdiv pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 179(1), l-Artikolu 180 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), diskussi fis-sentenza tat-8 ta’Mejju 2008, fil-Kawżi magħquda C-95/07 u C-96/07, Ecotrade SpA Agenzia delle Entrate — Ufficio di Genova 3, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux terminu ta’ esklużjoni bħalma huwa dak fil-każ preżenti, imsemmi fl-Artikolu 72(1) tal-liġi fuq il-VAT (fil-verżjoni fis-seħħ fl-2008), li jibqa’ għaddej sal-aħħar tax-xahar ta’ April 2009 f’dak li jikkonċerna biss id-destinatarji tal-provvisti li fuqhom it-taxxa kienet dovuta sal-1 ta’ Jannar 2009, minħabba l-paragrafu 18 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tikkompleta l-liġi fuq il-VAT fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri:

fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-persuna kkonċernata li wettqet akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li ma għandux jiġi rreġistrat skont il-liġi tal-VAT, għandha tirreġistra ruħha volontarjament, peress li hija ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni qabel l-eżerċizzju tad-dritt għall-kreditu ta’ taxxa;

id-dispożizzjoni legali l-ġdida, imniżżla fl-Artikolu 73a tal-liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’Jannar 2009, li tirrikonoxxi d-dritt għat-tnaqqis, li t-terminu msemmi fl-Artikolu 72(1) ġiex rispettat jew le, meta t-taxxa hija dovuta mid-destinatarju tal-provvista, peress li l-provvista ma hijiex moħbija u l-informazzjoni relattiva hija disponibbli fil-kontijiet tagħha;

l-emenda ulterjuri tal-Artikolu 72(1) tal-liġi fuq il-VAT, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, li skont din id-dritt għat-tnaqqis ta’ kreditu ta’ taxxa jista’ jkun eżerċitat matul il-perijodu fiskali li matulu dan jitnissel jew matul wieħed mit-12-il perijodu fiskali segwenti?

(2)

Il-prinċipju ta newtralità fiskali bħala prinċipju fundamentali, li huwa importanti għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti l-prattika ta’ kontroll fiskali, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, li tirrikonoxxi l-ħlas tardiv tat-taxxa u li timponi multa għall-ħlas tardiv li timmanifesta ruħha bl-obbligu li jitħallsu interessi u li timponi multa li timmanifesta ruħha bir-rifjut tad-dritt għall-kreditu fuq it-taxxa, f’ċirkustanzi konkreti li fihom tinsab ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li l-provvista ma hijiex moħbija, li l-informazzjoni relattiva tinsab fil-kontijiet, li l-amministrazzjoni fiskali għandha informazzjoni indispensabbli, li ma hemmx prattika abbużiva u li l-baġit ma huwiex imxekkel?


(1)  ĠU L 347, p. 1.