Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

13.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad (Varna, il-Bulgarija fis-8 ta’ Ġunju 2011 — BONIK EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia po prihodite, Varna (Direttur tad-Direttorat “Appelli u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” Varna fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tat-taxxa, Varna)

(Kawża C-285/11)

2011/C 238/13

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BONIK EOOD

Konvenuti: Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia po prihodite, Varna (Direttur tad-Direttorat “Appelli u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” Varna fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tat-taxxa, Varna).

Domandi preliminari

(1)

Il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ kunsinna effettiva” jista’ jiġi dedott mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 178(a) u (b), 14, 62, 63, 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112 u, jekk dan ikun il-każ, il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ kunsinna effettiva” jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “evażjoni tat-taxxa” jew huwa inkluż f’dan il-kunċett? X’inhu l-kontenut tal-kunċett ta’ “evażjoni tat-taxxa” fis-sens tad-Direttiva?

(2)

Fid-dawl tad-definizzjoni ta’ evażjoni tat-taxxa u tad-dispożizzjonijiet tal-premessi 26 u 59 moqrija flimkien mal-Artikolu 178(b) tad-Direttiva, id-Direttiva teħtieġ li l-formalitajiet jiġu espressament implementati, fuq livell leġiżlattiv, permezz ta’ att tal-korp leġiżlattiv suprem tal-Istat Membru jew tawtorizza li tali formalitajiet ma jiġux implementati fuq livell leġiżlattiv, iżda li jiġu ppreżentati fil-forma ta’ prattiki amministrattivi (u ta’ kontroll fiskali) u ġudizzjarji? Il-formalitajiet jistgħu jiġu introdotti permezz ta’ atti regolatorji tal-korpi amministrattivi jew istruzzjonijiet tal-amministrazzjoni?

(3)

Jekk il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ kunsinna effettiva” huwa differenti mill-kunċett ta’ “evażjoni tat-taxxa” u ma jaqax taħt id-definizzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, dan jikkostitwixxi formalità fis-sens tal-Artikolu 178(b) jew miżura fis-sens tal-premessa 59 tad-Direttiva, li l-adozzjoni tagħha għandha bħala konsegwenza r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa u li timmina n-newtralità tal-VAT, li hija prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, implementata mil-liġi Komunitarja f’dan il-qasam?

(4)

Jistgħu jiġu imposti fuq il-persuni suġġetti għat-taxxa formalitajiet dwar il-prova tal-kunsinna effettiva li tkun ippreċediet il-kunsinna bejniethom (jiġifieri l-aħħar xerrej u l-fornitur tiegħu), meta l-awtoritajiet tat-taxxa ma jikkontestawx l-eżekuzzjoni, mill-persuni suġġetti għat-taxxa (l-aħħar fornituri), ta’ kunsinni sussegwenti lix-xerrejja sussegwenti dwar l-istess merkanzija u dwar l-istess kwantitajiet?

(5)

Fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 168 u 178 tad-Direttiva 2006/112, id-dritt ta’ kummerċjant għar-rikonoxximent tal-ħlas li sar skont il-VAT fil-kuntest ta’ tranżazzjoni partikolari, għandu jiġi evalwat, fid-dawl ta’:

(a)

is-sempliċi tranżazzjoni konkreta, li l-kummerċjant jagħmel parti minnha, fid-dawl tal-intenzjoni tal-kummerċjant li jipparteċipa fit-tranżazzjoni u/jew

(b)

it-totalità tat-tranżazzjonijiet, inkluż it-tranżazzonijiet preċedenti u sussegwenti, li jiffurmaw serje ta’ kunsinni, li t-tranżazzjoni inkwistjoni tagħmel parti minnhom, inkluż l-intenzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra fis-serje ta’ kunsinni, li l-kummerċant ma jkunx jaf bihom u/jew li ma għandux il-mezzi sabiex isir jaf bihom, jew atti u/jew omissjonijiet ta’ min jiffattura u parteċipanti oħra fis-serje ta’ kunsinni, jiġifieri fornituri li jkunu ppreċedewh, li fil-konfront tagħhom ix-xerrej tal-kunsinna ma għandux il-possibbiltà li jeżerċita kontroll u li jeżiġi l-osservanza ta’ aġir partikolari u/jew

(c)

atti u intenzjonijiet frawdolenti — indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk humiex preċedenti jew posterjuri għal tranżazzjoni partikolari — parteċipanti oħra għas-serje ta’ kunsinni, li l-kummerċjant ma kienx jaf bil-parteċipazzjoni tagħhom, peress li l-imsemmija atti u intenzjonijiet ma kinux ta’ natura li jippermettu li jiġi stabbilit li l-kummerċjant inkwistjoni seta’ jsir jaf bihom.

(6)

Fid-dawl tar-risposta għall-ħames domanda, għandu jiġi kkunsidrat li tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu kunsinni li jsiru bi ħlas skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jew parti mill-attività ekonomika tal-persuna suġġetta għat-taxxa skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112?

(7)

Tranżazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, iddokumentati u ddikjarati għal skopijiet tal-VAT mill-fornitur, li meta saru x-xerrej effettivament xtara d-dritt ta’ proprjetà fuq il-merkanzija ffatturata u li għalihom ma hemmx indikazzjoni li tistabbilixxi li fil-verità xtara l-merkanzija mingħand persuna differenti minn dik li ħarġet il-fattura, jistgħu jiġu kkunsidrati li ma jikkostitwux kunsinni bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 għas-sempliċi raġuni li l-fornitur ma kienx preżenti fl-indirizz iddikkjarat, li ma pproduċiex id-dokumenti mitluba meta sar il-kontroll fiskali jew li ma ressaqx il-prova lill-awtoritajiet tat-taxxa taċ-ċirkustanzi kollha meta kienu saru l-kunsinni, inkluż l-indikazzjoni tal-oriġni tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-bejgħ?

(8)

Jikkostitwixxi miżura awtorizzata sabiex tiġi żgurata l-ġabra tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa l-fatt li d-dritt li titnaqqas il-VAT iffatturata jkun jiddependi mill-aġir ta’ fornitur u/jew fornituri li ppreċedewh?

(9)

Fid-dawl tar-riposti għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi, il-miżuri meħuda mid-dipartiment tat-taxxa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwasslu għall-esklużjoni tas-sistema tal-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet konklużi minn kummerċjant in bona fide jiksru l-prinċipji Komunitarji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali?

(10)

Fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, ix-xerrej tal-kunsinni għandu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt li jnaqqas it-taxxa ffatturata lilu mill-fornituri?