Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

14.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-2 ta’ Novembru 2011 — Direktor na direkstsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” — Burgas vs Orfey Balgaria EOOD

(Kawża C-549/11)

2012/C 13/14

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Direktor na direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto”– Burgas (Direttur tad-Direttorat “Appelli u amministrazzjoni tal-eżekuzzjoni” għall-belt ta’ Burgas).

Konvenuta: Orfey Balgaria EOOD

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 63 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi eċċezzjoni li abbażi tagħha, għall-provvista ta’ servizz ta’ kostruzzjoni għall-bini ta’ ċerti beni immobbli individwali f’bini, l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT iseħħ qabel id-data tal-provvista effettiva tal-imsemmi servizz u li abbażi tagħha dan l-avveniment li jagħti lok għal ħlas huwa marbut mad-data tal-avveniment li jagħti lok għat-tranżazzjoni korrelattiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ dritt għall-bini fir-rigward ta’ beni immobbli oħra fl-imsemmi bini, li huwa wkoll il-korrispettiv tas-servizz ta’ kostruzzjoni?

(2)

Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, peress li l-korrispettiv ta’ tranżazzjoni huwa kkostitwit kompletament jew parzjalment minn oġġetti jew servizzi, il-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni huwa l-valur normali tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti, hija kompatibbli mal-Artikoli 73 u 80 tad-Direttiva 2006/112?

(3)

L-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-VAT fuq il-valur tal-ħlas bil-quddiem issir dovuta meta l-ħlas ma sarx fi flus, jew jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni wiesgħa u li jitqies li, anki f’dan il-każ, il-VAT issir dovuta u għandha tkun imposta fuq l-ekwivalenti fi flus tat-tranżazzjoni korrelattiva?

(4)

Jekk ir-risposta mogħtija lit-tielet domanda tkun favur it-tieni alternattiva ssuġġerita, huwa possibbli, f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li d-dritt għall-bini stabbilit jitqies bħala ħlas bil-quddiem fis-sens tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112?

(5)

L-Artikoli 63, 65 u 73 tad-Direttiva 2006/112 għandhom effett dirett?


(1)  ĠU L 347, p. 1.