Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

17.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad — Varna (il-Bulgarija) fil-15 ta’ Diċembru 2011 — LVK — 56 EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno Upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-643/11)

2012/C 80/13

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad — Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LVK — 56 EOOD

Konvenuta: Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno Upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), ikopri l-każijiet kollha ta’ fatturazzjoni żbaljata tal-VAT, inklużi dawk li fihom il-fattura li ssemmi l-VAT tkun inħarġet mingħajr ma jkun seħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT? Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikoli 203 u 273 tad-Direttiva 2006/112/KE jobbligaw lill-Istati Membri jipprevedu b’mod espliċitu l-każijiet li fihom hija dovuta l-VAT imsemmija f’fattura għal kunsinna li ma tkunx saret, jew huwa suffiċjenti li jitrasponu r-regola ġenerali tad-direttiva, li permezz tagħha l-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura?

(2)

Fid-dawl tal-premessa 39 fil-preambolu tad-Direttiva 2006/112 u bil-għan li tiġi żgurata l-korrettezza tat-tnaqqis tal-VAT tal-input, l-Artikolu 73, l-Artikolu 179 u l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 jeżiġu li, fejn tkun tidher il-VAT f’fattura mingħajr ma jkun seħħ avveniment li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jirrettifikaw l-ammont taxxabbli u l-VAT iffatturata?

(3)

Il-miżuri speċifiċi previsti fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112 jistgħu jikkonsistu fi prassi fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għall-finijiet ta’ kontroll tat-tnaqqis tal-VAT tal-input, l-awtoritajiet tat-taxxa jivverifikaw biss it-tnaqqis tal-VAT tal-input li jkun sar u jikkunsidraw li l-VAT fuq il-kunsinni magħmula hija dovuta xorta waħda sempliċiment għaliex tissemma’ fil-fattura? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti, u f’liema ċirkustanzi, li għall-istess kunsinna waħda, il-VAT għandha tinġabar darba mingħand fornitur, peress li jkun niżżilha fil-fattura, u għat-tieni darba mix-xerrej, billi jinċaħad mid-dritt li jirkupra l-VAT tal-input?

(4)

Prassi fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha d-destinatarju ta’ kunsinna taxxabbli jiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis abbażi tal-fatt li ma hemm “ebda prova li l-kunsinna seħħet”, mingħajr ma titqies il-konstatazzjoni, diġà stabbilita, tal-fatt li t-taxxa saret eżiġibbli u dovuta mingħand il-fornitur, filwaqt li, fl-evalwazzjoni ta-tnaqqis tad-dritt għall-ħlas lura tal-VAT tal-input, dan l-avviż ta’ stima ta’ taxxa ma ġiex aġġustat u ma kienx hemm raġuni li rriżultat jew li ġiet ikkonstatata sabiex jiġi aġġustat bil-mod preskritt mill-Istat, tippreġudika n-natura mhux kumulattiva tal-VAT, u tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, tat-trattament ugwali u tan-newtralità fiskali?

(5)

L-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112, għandhom jippermettu li jiġi miċħud id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT tal-input lil destinatarju ta’ kunsinna taxxabbli li tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 178, minħabba “nuqqas ta’ provi tal-intervent tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa”, filwaqt li fl-avviż rettifikattiv ta’ stima tat-taxxa tal-fornitur, li daħal fis-seħħ, il-VAT iffaturata ma ġietx aġġustata u ġiet rikonoxxuta bħala eżiġibbli u ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu taxxabbli kkonċernat? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, matul il-verifika, il-fornitur ma ppreżentax id-dokumenti ta’ kontabbiltà u li t-taxxa dovuta għal dan il-perijodu fiskali ġiet stabbilita biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT u fir-reġistri tax-xiri u l-bejgħ?

(6)

Skont ir-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-newtralità fiskali teżiġi li l-persuna taxxabbli tkun tista’ tnaqqas il-VAT iffatturata fuq il-kunsinni?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)