Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

14.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit) fl-4 ta’ Marzu 2011 — Purple Parking Ltd, Airparks Services Ltd vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(Kawża C-117/11)

2011/C 145/20

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Purple Parking Ltd, Airparks Services Ltd

Konvenut: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

Domandi preliminari

(1)

Liema huma dawk il-fatturi partikolari li l-Qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra meta tkun qed tiddeċiedi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, persuna taxxabbli tkun qed tagħti provvista waħda taxxabli ta’ servizzi ta’ parkeġġ jew żewġ provvisti separati, wieħed ta’ parkeġġ u wieħed ta’ trasport ta’ passiġġieri?

B’mod partikolari:

(a)

Dan il-każ jaqa’ taħt ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-349/96, Card Protection Plan, u l-Kawża C-41/04, Levob. B’mod partikolari, is-servizzi tat-trasport in kwistjoni jistgħu jitqiesu li huma anċillari għas-servizzi ta’ parkeġġ jew li huma servizzi tant marbuta magħhom mill-qrib li oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli, li b’hekk tkun ħaġa artifiċjali li tiġi diviża?

(b)

Meta wieħed ikun qed jikkunsidra d-domanda 1(a), x’kunsiderazzjoni għandha tagħti l-qorti tar-rinviju tal-ispejjeż fil-provvista tas-servizz ta’ trasport, meta mqabbla mas-servizzi ta’ parkeġġ, skont il-punti 24-26 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C-308/96 u C-94/97, Madgett u Baldwin, fl-evalwazzjoni dwar jekk is-servizzi ta’ trasport humiex anċillari jew le għas-servizzi ta’ parkeġġ?

(ċ)

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-572/07, Tellmer, b’mod partikolari l-punti 21-24, fir-risposti tal-Qorti tar-rinviju għad-domanda 1(a), hija għandha tikkunsidra l-fatt li l-element tat-trasport tal-provvista jista’ jiġi (iżda mhuwiex fil-fatt) ipprovdut b’numru ta’ modi (pereżempju, il-persuna taxxabbli tista’ tipprovdi dawn is-servizzi ta’ trasport billi tuża fornitur terz li joħroġ fattura fir-rigward tal-persuna taxxabbli jew tista’ tuża fornitur terz li jidħol f’kuntratt dirett mal-klijent u joħroġ fattura separatament għas-servizzi ta’ trasport) u sa fejn (jekk jirriżulta li jkun il-każ) hija rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk il-kuntratt jagħtix jew le d-dritt lill-klijent li jagħżel bejn il-modi differenti li fih l-element tat-trasport jista’ jiġi pprovdut?

(2)

Meta l-Qorti tar-rinviju tkun qed tikkunsidra jekk hemmx jew le provvista ekonomika waħda indiviżibbli fir-risposta għad-domanda 1(a), x’kunsiderazzjoni għandha tagħti lill-prinċipju ta’ newtralità fiskali?

B’mod partikolari:

a)

Ir-risposta tiddependi fuq jekk il-persuna taxxabbli tipprovdi jew le wkoll servizzi ta’ parkeġġ jew servizzi ta’ trasport separatament lil gruppi oħra ta’ klijenti?

b)

Ir-risposta tiddependi fuq kif servizzi oħra ta’ trasport minn u lejn ajruporti, li ma jiġux ipprovduti minn operaturi ta’ servizzi ta’ parkeġġ, jiġu ttrattati taħt il-liġi nazzjonali?

(ċ)

Ir-risposta tiddependi fuq jekk każijiet oħra tal-provvista minn persuni taxxabli ta’ servizzi tal-parkeġġ u ta’ trasport (li ma jinvolvux trasport minn u lejn ajruporti) jiġu ttrattati jew le taħt il-liġi nazzjonali bħala li jammontaw għal żewġ provvisiti distinti, waħda taxxabbli u waħda b’rata ta’ żero fil-mija?

(d)

Ir-risposta tiddependi fuq jekk il-persuna taxxabbli tista’ turi jew le li s-servizzi li hija tipprovdi jikkompetu ma’ servizzi oħra simili li jinvolvu kemm element ta’ parkeġġ kif ukoll ta’ trasport, kemm jekk ipprovduti mill-istess fornitur jew ipprovduti minn żewġ fornituri separati? B’mod partikolari, ir-risposta tiddependi fuq jekk il-persuna taxxabbli tista’ turi li l-konsumaturi li jixtiequ jużaw il-karozzi tagħhom sabiex jagħmlu parti mill-vjaġġ tagħhom lejn l-ajruport jistgħu jiksbu parkeġġ u trasport lejn l-ajruport minn fornituri individwali u separati, pereżempji billi jipparkjaw f’post viċin stazzjon ferrovjarju u trasport bil-ferrovija minn dak il-post sal-ajruport jew billi jipparkjaw f’post viċin ajruport u tip ieħor ta’ trasport pubbliku lejn l-ajruport?

(e)

Kif għandha l-Qorti tar-rinviju tikkunsidra l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-94/09, Il-Kummissjoni vs Franza, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u tas-servizzi tat-trasport f’dik il-kawża?

(3)

Id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekludu dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li teskludi rata ta’ żero fil-mija għal servizzi ta’ trasport bejn ajruport u parkeġġ fejn il-persuna li tkun qed tipprovdi l-element tat-trasport u l-persuna li tkun qed tipprovdi l-element tal-parkeġġ tal-karozzi tkun l-istess persuna jew persuni konnessi bejniethom?