23.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/3 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fit-30 ta’ Marzu 2012 — Minister Finansów vs RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland Sp. z o.o.
(Kawża C-155/12)
2012/C 184/05
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Naczelny Sąd Administracyjny
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Minister Finansów
Konvenuta: RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland Sp. z o.o.
Domandi preliminari
(1) |
L-Artikoli 44 u 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizzi kumplessi fil-qasam tal-ħażna ta’ merkanzija, li jinkludu l-aċċettazzjoni tal-merkanzija fil-maħżen, it-tqegħid tagħhom fi xkafef li huma tajba għall-ħażna, il-ħażna tagħhom għall-klijenti, il-kunsinna ta’ merkanzija, il-ħatt u t-tagħbija tagħhom kif ukoll fil-każ ta’ ċerti klijenti, l-ippakkjar mill-ġdid, b’mod individwali, ta’ materjali li qabel kienu ppakkjati flimkien, huma provvisti ta’ servizz marbuta ma’ beni immobbli li skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/112 huma taxxabbli fil-post fejn jinsab dan il-beni immobbli? |
(2) |
Jew għandu jitqies li dawn is-servizzi huma taxxabbli fil-post fejn il-klijent, li huwa pprovdut bis-servizzi, ikun stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu jew fejn għandu stabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-post fejn għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fil-post ta’ residenza abitwali tiegħu, b’mod konformi mal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112? |
(1) ĠU L 347, p. 1.