Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

20.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fil-5 ta’ Diċembru 2012 — BDV Hungary Trading Kft. (fi stralċ) vs Nemzeti Adó — és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága

(Kawża C-563/12)

2013/C 114/33

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria (l-Ungerija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BDV Hungary Trading Kft. (fi stralċ)

Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 15 tad-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT l-antika”) u l-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT il-ġdida”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport barra mit-territorju tal-Komunità ta’ prodotti ddestinati għall-esportazzjoni għandu jseħħ f’terminu stabbilit sabiex it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala bejgħ fuq l-esportazzjoni eżentat?

(2)

Il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna, il-bona u mala fide, id-diliġenza, jew in-nuqqas eventwali tal-bejjiegħ, tax-xerrej jew tat-trasportatur, is-sena fiskali jew il-fatt li l-prodotti kienu effettivament ġew ittrasportati wara t-terminu stabbilit iżda madankollu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-istabbiliment tat-taxxa, għandhom jew ma għandhomx effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1?

(3)

Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li timponi kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u li tagħmel l-istabbiliment tal-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet oġġettivi li ma jinsabux fid-direttiva, hija konformi mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità?

(4)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-VAT l-antika u l-Artikoli 131 u 273 tad-Direttiva tal-VAT il-ġdida għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi fil-qasam fiskali u sabiex jiġi żgurat il-ġbir preċiż tat-taxxa, l-Istat Membru jista’ jorbot l-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti ma’ kundizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi LXXIV tal-1992 dwar il-VAT jew fl-Artikolu 98(1) tal-Liġi CXXVII tal-2007 dwar il-VAT?

(5)

Il-fatt li f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li ma jinsabux fl-Artikoli 15 u 156 tad-direttivi l-amministrazzjoni fiskali tikkwalifika mill-ġdid l-esportazzjoni ta’ prodotti eżentata u timponi fuq il-persuna taxxabbli l-ħlas tat-taxxa huwa kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u jekk iva, taħt liema ċirkustanzi?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.

(2)  ĠU L 347, p. 1.