Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/22


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2013 — Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-209/13)

2013/C 171/44

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: E. Jenkinson, S. Behzadi-Spencer, aġenti, M. Hoskins QC, P. Baker QC, V. Wakefield, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (1); u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-Renju Unit marbuta ma’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE tmur kontra l-Artikolu 327 TFUE minħabba li tawtorizza l-adozzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (iktar ’il quddiem it-“TTF”) b’effetti extraterritorjali li ma josservawx il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati li ma humiex qegħdin jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE hija illegali minħabba li tawtorizza l-adozzjoni ta’ TTF b’effetti extraterritorjali li fir-rigward tagħhom ma hemm ebda ġustifikazzjoni fid-dritt internazzjonali konswetudinarju.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE tmur kontra l-Artikolu 332 TFUE minħabba li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ta’ TTF, li l-implementazzjoni tagħha neċessarjament ser tikkawża piżijiet għall-Istati li ma humiex qegħdin jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/52/UE, tat-22 ta’ Jannar 2013, li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (ĠU L 22, p. 11).