Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fis-16 ta’ Settembru 2013 — Marian Macikowski — Komornik Sądowy Rewiru I przy Sądzie Rejonowym w Chojnicach vs Dyrektorowi Izby Skarbowej w Gdańsku

(Kawża C-499/13)

2013/C 367/38

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marian Macikowski — Komornik Sądowy Rewiru I przy Sądzie Rejonowym w Chojnicach

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Gdańsku

Domandi preliminari

(1)

Is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari mill-Artikolu 9 tagħha u mill-Artikolu 193 tagħha moqri flimkien mal-Artikolu 199(1)(g), tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 18 tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, dwar it-taxxa fuq oġġetti u servizzi [Ustawa z dnia 11 marca 2004 r. o podatku od towarów i usług] (Dziennik Ustaw 2011, Nru 177, intestatura 1054, kif emendata), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”, li tipprovdi eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali applikabbli għal din it-taxxa fir-rigward ta’ operaturi meħtieġa jikkalkolaw u jiġbru din it-taxxa, bil-ħatra ta’ persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, jiġifieri ta’ operatur li għandu, minflok il-persuna taxxabbli, jikkalkola l-ammont tat-taxxa, jiġbor din it-taxxa mill-persuna taxxabbli u jħallasha fil-ħin lill-awtoritajiet fiskali?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

(a)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-VAT, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li t-taxxa fuq il-kunsinna, li titwettaq permezz tal-infurzar, ta’ proprjetà immobbli li d-debitur huwa proprjetarju tagħha jew li hija fil-pussess tiegħu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli, hija kkalkolata, miġbura u mħallsa mill-marixxall tal-qorti li jiżgura l-implementazzjoni tal-atti ta’ eżekuzzjoni, u li jassumi, bħala persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, ir-responsabbiltà għall-ksur ta’ dan l-obbligu?

(b)

L-Artikoli 206, 250 u 252 tad-Direttiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità li jirriżulta minn din tal-aħħar, jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-VAT, li skont dan il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa indikata minn din id-dispożizzjoni għandha tikkalkola, tiġbor u tħallas l-ammont tal-VAT dovut għall-kunsinna, imwettqa permezz tal-infurzar, ta’ oġġetti li d-debitur huwa proprjetarju tagħhom jew li huma fil-pussess tiegħu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli, u tissodisfa dan l-obbligu matul il-perijodu taxxabbli applikabbli għall-persuna taxxabbli, għal somma li tikkostitwixxi d-differenza bejn id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-oġġett, li minnu jitnaqqas il-VAT, u r-rata applikabbli għal din it-taxxa, mingħajr ma jitnaqqas minn din is-somma l-ammont tat-taxxa tal-input imħallsa matul il-perijodu li jibda jiddekorri mill-bidu tal-perijodu taxxabbli sad-data tal-ġbir tat-taxxa mill-persuna taxxabbli?


(1)  ĠU L 347, p. 1.