Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-3 ta’ Marzu 2014 – SMK Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága, Nemzeti Adó- és Vámhivatal

(Kawża C-97/14)

2014/C 142/32

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SMK Kft.

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága, Nemzeti Adó- és Vámhivatal.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 55 tad-Direttiva tal-VAT (1), fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2010, għandu jinftiehem fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss lill-persuni taxxabbli li jirċievu servizzi li ma kinux iddikjarati għall-finijiet tal-VAT, jew li ma kinux obbligati jiġu ddikjarati, fl-Istat Membru fejn il-provvista ta’ servizzi twettqet fiżikament?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, huwa esklużivament l-Artikolu 52 tad-Direttiva tal-VAT li japplika sabiex jiġi ddeterminat il-post tal- provvista ta’ servizzi?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 55 tad-Direttiva tal-VAT, fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2010, għandu jinftiehem fis-sens li, jekk persuna taxxabbli li tibbenefika minn servizzi ta’ subappalt ikollha, jew għandu jkollha, numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT f’diversi Stati Membri, hija din il-persuna taxxabbli li għandha tiddeċiedi esklużivament taħt liema numru fiskali hija tibbenefika minn din il-provvista ta’ servizzi (inkluż fil-każ fejn il-persuna taxxabbli li tibbenefika mill-provvista ta’ servizzi titqies li hija stabbilita fl-Istat Membru tal-post fejn il-provvista ta’ servizzi twettqet fiżikament, iżda għandha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ Stat Membru ieħor)?

4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun li l-benefiċjarju ta’ servizzi għandu dritt ta’ għażla mingħajr limitu, l-Artikolu 55 tad-Direttiva tal-VAT għandu jinftiehem fis-sens li:

sal-31 ta’ Diċembru 2009, is-servizz jista’ jitqies li twettaq taħt in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT indikat mill-benefiċjarju, jekk dan huwa persuna taxxabbli ddikjarata (stabbilita) wkoll fi Stat Membru ieħor, u jekk il-prodotti huma mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Istat Membru li fih is-servizz ikun twettaq fiżikament?

il-fatt li l-benefiċjarju huwa persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, iżda li kkunsinnat il-prodotti finali lil intermedjarju billi bagħtithom jew ittrasportathom barra mill-Istat Membru fejn twettqet il-provvista ta’ servizzi, u li l-imsemmi intermedjarju biegħhom fit-tielet Stat Membru tal-Unjoni mingħajr ma l-benefiċjarju tas-servizzi ta’ subappalt ikun l-ewwel reġa’ bagħat il-prodotti finali lejn l-istabbiliment tiegħu stess, jaffettwa d-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi?

5)

Jekk il-benefiċjarju tas-servizzi ma għandux dritt ta’ għażla mingħajr limitu, l-applikabbiltà tal-Artikolu 55 tad-Direttiva tal-VAT, fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2010, hija affettwata

miċ-ċirkustanzi li fihom il-benefiċjarju tas-servizzi ta’ manifattura jakkwista l-materja prima li għandha tinħadem u jagħmilha disponibbli għal dak li sussegwentement jimmanifattura,

mill-fatt li l-persuna taxxabbli li tibbenefika mis-servizz tbiegħ il-prodotti li jirriżultaw mill-manifattura minn Stat Membru partikolari u taħt numru fiskali partikolari,

mill-fatt – kif kien il-każ fil-kawża prinċipali – li l-prodotti mmanifatturati li jirriżultaw mill-proċessi ta’ manifattura, filwaqt li kienu għadhom fil-pajjiż fejn ġew immanifatturati, kienu s-suġġett ta’ diversi istanzi ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ serje ta’ operazzjonijiet, imbagħad ġew ittrasportati barra minn dan il-pajjiż, direttament lejn l-indirizz tax-xerrej finali?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, p. 1.