Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Taxxi nazzjonali fuq l-operat ta’ kaxxi tal-logħob installati fis-swali tal-logħob — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Direttiva 98/34/KE — Obbligu li jiġu kkomunikati l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi lill-Kummissjoni — Responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati minn leġiżlazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-98/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató kft,

Lixus Szerencsejáték Szervező kft,

Lixus Projekt Szerencsejáték Szervező kft,

Lixus Invest Szerencsejáték Szervező kft,

Megapolis Terminal Szolgáltató kft

vs

Magyar Állam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: I. Illéssy,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató kft, Lixus Szerencsejáték Szervező kft, Lixus Projekt Szerencsejáték Szervező kft, Lixus Invest Szerencsejáték Szervező kft u Megapolis Terminal Szolgáltató kft, minn L. Kelemen, ügyvéd,

–        għall-Magyar Állam, minn T. Bogdán u I. Janitsáry, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u B. Van Vooren, advocaten,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Loma-Osorio Lerena u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikoli 34, 36, 52(1), 56 u 61 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 1, 8 u 9 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 709, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató kft, Lixus Szerencsejáték Szervező kft, Lixus Projekt Szerencsejáték Szervező kft, Lixus Invest Szerencsejáték Szervező kft u Megapolis Terminal Szolgáltató kft u l-Magyar Állam (Stat Ungeriż) dwar kawża għal kumpens imressqa minn dawn il-kumpanniji minħabba dannu li huwa sostnew minħabba l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar l-operat tal-kaxxi tal-logħob li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[...]

3)      ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[...]

4)      ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[...]

11)      ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

–        [...]

–        [...]

–      speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

[...]”

4        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

[...]

7.      Il-paragrafi 1 sa 5 m’għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:

–        għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-annimali jew il-priservazzjoni tal-pjanti, u għar-regoli dwar servizzi, u wkoll għall-politika pubblika [għall-ordni pubbliku], b’mod speċjali l-protezzjoni tal-minuri, Stat Membru huwa obbligat li jħejji regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta’ żmien sabiex jippromulgahom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet jew

[...]

Fil-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti [l-opinjoni] tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm imgħarraf mill-Kummissjoni.”

6        L-Artikolu 10(4) ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu 9 m’għandux japplika għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew għar-regoli dwar is-servizzi li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 11 ta’ l-Artikolu 1.”

 Id-dritt Ungeriż

7        L-Artikolu 26(3) tal-Liġi Nru XXXIV tal-1991, dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-logħob tal-ażżard”), fil-verżjoni tagħha applikabbli sad-9 ta’ Ottubru 2012, kien jawtorizza l-operat tal-kaxxi tal-logħob kemm fil-każinos, kif ukoll fis-swali tal-logħob operati minn kumpanniji kummerċjali maħluqa għal dan l-għan waħdieni.

8        Skont l-Artikolu 33 ta’ din il-liġi, kif applikabbli sal-31 ta’ Ottubru 2011, it-taxxa fissa fuq il-logħob applikabbli fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob kienet, għal kull post tal-logħob u għal kull xahar, ta’ 100 000 forint Ungeriż (HUF) għall-kaxxi tal-logħob installati fis-swali tal-logħob tal-kategoriji I u II. B’deroga minn din ir-regola, il-kaxxi tal-logħob installati fil-“każinos elettroniċi” kienu suġġetti għal taxxa ta’ HUF 120 000, minkejja li dawn tqiesu li huma tip speċifiku ta’ swali tal-logħob tal-kategorija I. It-taxxa kienet dovuta għal kull xahar mibdi. L-operat tal-kaxxi tal-logħob fil-każinos tal-logħob kien suġġett għal sistema fiskali distinta.

9        L-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard ġie emendat mill-Artikolu 27 tal-Liġi Nru CXXV tal-2011, li temenda ċerti liġijiet fiskali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“Liġi emendatorja tal-2011”), b’effett mill-1 ta’ Novembru 2011, b’mod li dawn l-ammonti jinġiebu għal HUF 700 000 għall-kaxxi tal-logħob installati fil-każinos elettroniċi u għal HUF 500 000 għal dawk installati fis-swali tal-logħob l-oħra tal-kategoriji I u II. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 27 stabbilixxa taxxa proporzjonali fuq il-logħob gravanti l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, sa fejn id-dħul nett għal kull kaxxa jilħaq jew jaqbeż, għal kull perijodu ta’ tliet xhur, is-somma ta’ HUF 900 000. Għall-kaxxi li jippermettu iktar minn post tal-logħob wieħed, il-livell applikabbli ġie kkalkolat billi ssir multiplikazzjoni ta’ HUF 900 000 bin-numru ta’ postijiet tal-logħob. Din it-taxxa kienet ta’ 20 % tal-parti tad-dħul ta’ kull tliet xhur netti tal-kaxxa superjuri għal HUF 900 000.

10      Barra minn hekk, il-liġi emendatorja tal-2011 ipprevediet li l-kaxxi tal-logħob installati fis-swali tal-logħob kellhom, sa mill-1 ta’ Jannar 2013, jingħaqdu b’mod obbligatorju ma’ server ċentrali operat minn kumpannija kummerċjali li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet partikolari u li għalih, id-dipartimenti responsabbli mill-ispezzjoni tal-logħob tal-ażżard ikollhom aċċess fil-mument stess li jkun qiegħed jintlagħab il-logħob fuq il-kaxxi.

11      L-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard ġie sussegwentement emendat, b’effett fl-10 ta’ Ottubru 2012, permezz tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru CXLIV tal-2012, li temenda l-Liġi Nru XXXIV tal-1991 dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem il-“Liġi emendatorja tal-2012”), b’mod li jirriżerva għall-każinos tal-logħob id-dritt esklużiv li joperaw kaxxi tal-logħob.

12      L-Artikolu 8 tal-Liġi emendatorja tal-2012 daħħal fil-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard l-Artikolu 40/A, li l-paragrafu (1) tiegħu kien jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-operat ta’ kaxxi tal-logħob installati fi swali tal-logħob maħruġa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi emendatorja kellhom isiru invalidi fil-jum ta’ wara din id-data u li l-organizzaturi tal-logħob tal-ażżard kellhom ikunu obbligati jibagħtu lura dawn l-awtorizzazzjonijiet lill-awtoritajiet fiskali fil-ħmistax-il jum ta’ wara l-imsemmija data.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji kummerċjali li, sad-dħul fis-seħħ tal-Liġi emendatorja tal-2012, kienu joperaw kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob. Huma kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz, prinċipalment, ta’ apparat li joriġina minn Stati Membri oħra. Parti mill-klijentela tagħhom kienet magħmula minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jkunu jinsabu fuq btala fl-Ungerija.

14      Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża fis-seħħ bejn is-16 ta’ Awwissu 1991 u d-9 ta’ Ottubru 2012, il-kaxxi tal-logħob setgħu jiġu operati fil-każinos u fis-swali tal-logħob, permezz tal-ksib ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi maħruġa mid-dipartiment responsabbli mill-ispezzjoni tal-logħob tal-ażżard. L-operaturi ta’ swali tal-logħob, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu obbligati jħallsu taxxa fissa li l-ammont tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2011 kien ta’ HUF 100 000 għal kull kaxxa tal-logħob.

15      Il-Liġi emendatorja tal-2011 imponiet li l-kaxxi tal-logħob operati fis-swali tal-logħob, sa mill-1 ta’ Jannar 2013, jingħaqdu b’mod obbligatorju ma’ server ċentrali.

16      B’effett mill-1 ta’ Novembru 2011, barra minn hekk din il-liġi mmultiplikat b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa fissa mensili gravanti l-operat tal-kaxxi tal-logħob installati fis-swali tal-logħob, u fl-istess waqt żiedet taxxa proporzjonali, fil-forma ta’ perċentwal tad-dħul ta’ kull tliet xhur netti ta’ kull kaxxa. Min-naħa tiegħu, l-ammont tat-taxxa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob installati fil-każinos baqa’ l-istess.

17      Fit-30 ta’ Settembru 2011, jiġifieri l-jum ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-Liġi emendatorja tal-2011, il-Gvern Ungeriż innotifika lill-Kummissjoni Ewropea bit-test ta’ din il-liġi, mingħajr madankollu ma indika li ż-żieda tat-taxxi stabbilita bl-imsemmija liġi kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34. Il-moratorju previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-Direttiva ma ġiex osservat.

18      L-istabbiliment tas-sistema ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob abbażi ta’ server ċentrali, bħalma kien previst bil-Liġi emendatorja tal-2011, finalment ġie abbandunat, peress li fit-2 ta’ Ottubru 2012 il-Parlament Ungeriż adotta, fuq proposta tal-Gvern tal-1 ta’ Ottubru 2012, il-Liġi emendatorja tal-2012 li pprojbixxiet l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos. Sabiex jiġġustifika tali projbizzjoni, il-leġiżlatur invoka l-prevenzjoni tal-kriminalità u tad-dipendenza fuq il-logħob kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika b’rabta mal-prevenzjoni tad-dipendenza fuq il-logħob. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2012, jiġifieri jum wara l-pubblikazzjoni tagħha. L-għada, jiġifieri fil-11 ta’ Ottubru 2012, l-awtorizzazzjonijiet ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob skadew ipso jure, mingħajr ma l-leġiżlatur ippreveda xi kumpens għall-operaturi kkonċernati.

19      Fl-1 ta’ Ottubru 2012, il-Gvern Ungeriż innotifika lill-Kummissjoni bl-abbozz ta’ liġi emendatorja tal-2012, u kklassifikaha bħala miżura finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34. B’applikazzjoni tal-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva, ebda moratorju ma ġie applikat. Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni għarrfet lil dan il-gvern bin-nuqqas ta’ qbil tagħha fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni. L-imsemmi gvern għaldaqstant invoka l-eżistenza ta’ raġunijiet urġenti fis-sens tal-Artikolu 9(7) tal-imsemmija direttiva.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew il-Fővárosi Törvényszék (Qorti tal-Ġustizzja ta’ Budapest) b’rikors kontra l-Magyar Állam intiż għall-kumpens għad-danni li huma allegatament sostnew minħabba l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi emendatorja tal-2011 u tal-Liġi emendatorja tal-2012. Skont dawn tal-aħħar, id-dannu allegat jirriżulta mill-ħlas tat-taxxi fuq il-logħob li huma ħallsu, mid-deprezzament tal-kaxxi tal-logħob tagħhom u mill-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Il-Magyar Állam talab iċ-ċaħda tar-rikors, billi kkontesta kemm il-bażi legali tiegħu kif ukoll l-ammont mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

22      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Frar 2014, il-Fővárosi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ħmistax-il domanda preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li, permezz ta’ att uniku u mingħajr ma ppreveda perijodu ta’ adattament, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont preċedenti tat-taxxa diretta, imsejħa taxxa fuq il-logħob, li tapplika għall-islot machines [kaxxi tal-logħob] operati fis-swali tal-logħob, u li, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa fuq il-logħob f’forma ta’ perċentwali, b’tali mod li tiġi limitata l-attività tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard li joperaw swali tal-logħob, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

2)      L-Artikolu 34 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li, permezz ta’ att uniku u mingħajr perijodu ta’ adattament, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont preċedenti tat-taxxa diretta, imsejħa taxxa fuq il-logħob, li tapplika għall-islot machines operati fis-swali tal-logħob, u li, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa fuq il-logħob f’forma ta’ perċentwali, b’tali mod li tiġi limitata l-importazzjoni ta’ slot machines fl-Ungerija li ġejjin mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

3)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36 TFUE, 52(1) TFUE u 61 TFUE, [kif ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ raġunijiet imperattivi,] jinvoka esklużivament ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-baġit [...]?

4)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fl-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti minn Stat Membru u tal-konċessjoni ta’ perijodu ta’ adattament għar-regola fiskali?

5)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, il-ġurisprudenza tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93 [EU:C:1996:79]) tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-ksur tal-Artikolu 34 TFUE u/jew tal-Artikolu 56 TFUE jista’ jservi ta’ bażi għal obbligu ta’ kumpens tal-Istati Membri peress li dawn id-dispożizzjonijiet –minħabba l-effett dirett tagħhom – jagħtu dritt lil individwi tal-Istati Membri?

6)      Id-Direttiva 98/34[...] għandha tiġi interpretata fis-sens li miżura fiskali ta’ Stat Membru li timmultiplika, għal darba biss, b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa diretta, it-taxxa fuq il-logħob li tolqot l-islot machines operati fis-swali ta’ logħob, u, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa f’forma ta’ perċentwali tikkostitwixxi ‘regolament tekniku de facto’?

7)      F’każ ta’ risposta affermattiva għas-sitt domanda, persuna fi Stat Membru tista’ tallega kontra dan l-Istat, il-ksur mill-Istat Membru tal-Artikolu 8(1) u/jew tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34[...], inkwantu nuqqas tal-Istat Membru li jista’ jiġġustifika obbligu ta’ kumpens, jiġifieri, din id-direttiva għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet individwali? Liema aspetti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk il-[Magyar Állam] wettaqx ksur ta’ gravità suffiċjenti u għal liema tip ta’ kumpens jagħti dritt dan il-ksur?

8)      Leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li tipprojbixxi b’effett immedjat l-operat ta’ slot machines fi swali ta’ logħob, mingħajr ma tikkonċedi lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affettwati perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ adattament u[/jew] mingħajr ma toffrilhom kumpens xieraq, u li, fl-istess ħin, tistabbilixxi favur il-każinojiet monopolju ta’ operat tal-islot machines, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

9)      L-Artikolu 34 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li għandu wkoll ikun determinanti u applikabbli fil-każ fejn l-Istat Membru jadotta leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja li, minkejja li ma tipprojbixxix direttament l-importazzjoni ta’ slot machines li ġejjin mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-użu jew l-operat effettiv tal-imsemmija magni fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, mingħajr ma tikkonċedi lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affettwati li jeżerċitaw din l-attività perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ adattament jew kumpens?

10)      F’każ ta’ risposta affermattiva [għat-tmien u/jew id-disa’] domanda, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36 TFUE, 52(1) TFUE u 61 TFUE, u [fil-kuntest tal-applikazzjoni] ta’ raġunijiet imperattivi, meta tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni kinitx neċessarja, xierqa u proporzjonata?

11)      F’każ ta’ risposta affermattiva [għat-tmien u/jew id-disa’] domandi, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fl-evalwazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti minn Stat Membru u l-għoti ta’ perijodu ta’ adattament? Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali – bħad-dritt għall-proprjetà u l-projbizzjoni li persuna tiġi pprivata mill-proprjetà tagħha mingħajr kumpens – fir-rigward tar-restrizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ u, fl-affermattiv, b’liema mod?

12)      F’każ ta’ risposta affermattiva [għat-tmien u/jew id-disa’ domandi], il-ġurisprudenza tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93 [EU:C:1996:79]) tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-ksur tal-Artikolu 34 TFUE u/jew l-Artikolu 56 TFUE jista’ jservi ta’ bażi għal obbligu ta’ kumpens tal-Istati Membri peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonoxxu, minħabba l-effett dirett tagħhom, dritt għall-individwi tal-Istati Membri?

13)      Id-Direttiva 98/34/KE [...] tista’ tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi ‘ħtiġiet oħra’ il-miżura nazzjonali li, billi tillimita l-operat tal-islot machines għall-każinojiet, tipprojbixxih fis-swali tal-logħob?

14)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva [għat-tlettax-il domanda], individwi fi Stat Membru jistgħu jinvokaw kontra tiegħu, bħala nuqqas li jista’ jiġġustifika obbligu ta’ kumpens, il-ksur mill-imsemmi Stat Membru tal-Artikolu 8(1) u/jew tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34? Abbażi ta’ liema tipi ta’ kriterji l-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk il-konvenut wettaqx ksur tal-gravità meħtieġa u għal liema tip ta’ kumpens jagħti dritt dan il-ksur?

15)      Il-prinċipu ta’ dritt [tal-Unjoni] li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati jikkumpensaw lil individwi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom għandu japplika wkoll meta Stat Membru għandu s-sovranità fil-qasam affettwat mid-dispożizzjoni adottata? Id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali li jirriżultaw minn tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri jservu wkoll bħala linji gwida f’dan il-każ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Preliminarjament, il-Gvern Ungeriż essenzjalment jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi magħmula minħabba li l-kawża prinċipali, minħabba element transkonfinali ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

24      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Ungeriżi u għaċ-ċittadini tal-Istati membri l-oħra, bħala regola ġenerali jistgħu jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet relatati mal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat FUE biss sa fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 39, u Garkalns, C-470/11, EU:C:2012:505, punt 21).

25      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li parti mill-klijentela tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet komposta minn ċittadini tal-Unjoni fuq btala fl-Ungerija.

26      Issa, is-servizzi li l-fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Alpine Investments, C-384/93, EU:C:1995:126, punti 21 u 22; Gambelli et, C-243/01, EU:C:2003:597, punt 53, u Il-Kummissjoni vs Spanja, C-211/08, EU:C:2010:340, punt 48).

27      Barra minn hekk, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li operaturi stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex l-Ungerija kienu jew huma interessati li jiftħu swali tal-logħob fit-territorju Ungeriż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, EU:C:2010:300, punt 40, kif ukoll Garkalns, C-470/11, EU:C:2012:505, punt 21).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi magħmula.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

29      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi emendatorja tal-2011, li, mingħajr ma tipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, timmultiplika b’ħames darbiet taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u tistabbilixxi, barra minn hekk, taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 34 TFUE u 56 TFUE.

30      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni ta’ din in-natura taffettwa direttament l-attività ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob. Għall-kuntrarju, huwa biss b’mod indirett, bħala konsegwenza tal-influwenza li hija teżerċita fuq din l-attività, li din il-leġiżlazzjoni tista’ taffettwa l-importazzjoni ta’ dawn il-kaxxi.

31      Mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir analiżi tal-importazzjoni ta’ kaxxi tal-logħob bħala tranżazzjoni anċillari għall-operat tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-operat ta’ dan l-apparat huwa marbut mal-operazzjoni li tikkonsisti fl-importazzjoni tiegħu, l-ewwel waħda minn dawn l-attivitajiet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u t-tieni waħda taqa’ taħt dawk relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 55).

32      Issa, anki jekk wieħed jippreżupponi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi emendatorja tal-2011, hija ta’ natura li xxekkel l-importazzjoni tal-kaxxi tal-logħob sa fejn din tillimita l-possibbiltajiet ta’ operat tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tinsabx f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-konsegwenzi effettivi ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq l-importazzjoni tal-kaxxi tal-logħob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Läärä et, C-124/97, EU:C:1999:435, punt 26).

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-Artikolu 56 TFUE biss.

34      F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jiġi ppreċiżat li, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar madankollu għandhom jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Blanco u Fabretti, C-344/13 u C-367/13, EU:C:2014:2311, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-Artikolu 56 TFUE jirrikjedi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn legalment jipprovdi servizzi analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sporting Exchange, C-203/08, EU:C:2010:307, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll HIT u HIT LARIX, C-176/11, EU:C:2012:454, punt 16).

36      Għall-kuntrarju, ma humiex imsemmija bl-Artikolu 56 TFUE miżuri li l-effett waħdieni tagħhom huwa li joħolqu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru (sentenza Mobistar u Belgacom Mobile, C-544/03 u C-545/03, EU:C:2005:518, punt 31).

37      Huwa paċifiku li l-Liġi emendatorja tal-2011 ma tistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta bejn il-kumpanniji Ungeriżi u l-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra li joperaw kaxxi tal-logħob fi swali tal-logħob fit-territorju Ungeriż, peress li t-taxxa fissa u t-taxxa proporzjonali stabbiliti minn din il-liġi huma imposti f’kundizzjonijiet identiċi għal dawn il-kumpanniji kollha.

38      Barra minn hekk, la jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-proċedura li l-kumpanniji li joperaw swali tal-logħob fis-suq Ungeriż huma fil-parti l-kbira tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra, f’liema każ il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta kontra fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spotti, C-272/92, EU:C:1993:848, punt 18, u Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C-385/12, EU:C:2014:47, punti 39 u 41).

39      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li l-Liġi emendatorja tal-2011, billi żiedet drastikament l-ammont tat-taxxi fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, xekklet operat profittabbli ta’ dawn il-kaxxi mill-operaturi ta’ swali tal-logħob u, għaldaqstant, tat, għal din l-attività, esklużività fattwali lill-operaturi tal-każinos. B’mod partikolari, meta sala tal-logħob tal-kategorija I tkun wettqet bħala medja dħul mensili ta’ HUF 200 000 għal kull kaxxa tal-logħob, it-taxxa tal-ammont ta’ HUF 500 000 bħala taxxa fissa mensili twassal, waħedha, għal telf mensili immedjat ta’ HUF 300 000 għal kull kaxxa tal-logħob. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżupponi li ċerti operaturi ta’ swali tal-logħob għamlu iktar dħul, il-profitt li jifdal wara t-tnaqqis tal-imsemmija taxi u spejjeż diversi jkun ineżistenti jew, l-iktar l-iktar, wieħed minimu.

40      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, fl-ipoteżi fejn il-Liġi emendatorja tal-2011 kellha effettivament in-natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob fl-Ungerija, liema ipoteżi għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, hija għandha titqies li hija xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE.

41      Dan ikun il-każ jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ż-żieda tat-taxxi prevista mil-Liġi emendatorja tal-2011 għandha l-effett li tikkonfina l-attività tal-operat tal-kaxxi tal-logħob għall-każinos, li għalihom din iż-żieda ma tapplikax. Għaldaqstant, l-imsemmija żieda tkun ipproduċiet effett paragunabbli ma’ dak ta’ projbizzjoni ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, li ġurisprudenza stabbli tqis bħala xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 75, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, EU:C:2006:673, punt 53).

42      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE sa fejn din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

43      Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 30 sa 32, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tmien u d-disa’ domandi

44      Permezz tat-tmien u tad-disa’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi emendatorja tal-2012, li, mingħajr ma tipprevedi la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi tas-swali tal-logħob, tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti bl-Artikoli 34 TFUE u 56 TFUE rispettivament.

45      Preliminarjament għandu jiġi osservat li ċerti argumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali jikkonċernaw problemi li ma jaqgħux taħt id-domandi preliminari msemmija iktar ’il fuq u li huma misluta minn fatti li huma barranin għall-kuntest fattwali kif deskritt mid-deċiżjoni tar-rinviju.

46      B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, u l-Gvern Ungeriż ikkonferma matul is-seduta, li huma biss awtorizzati joperaw każino fit-territorju Ungeriż l-operaturi li għandhom konċessjoni maħruġa mill-Magyar Állam. Issa, il-konċessjonijiet ta’ operat ta’ każino jinħarġu biss lil numru limitat ta’ stabbilimenti u jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jingħataw mingħajr sejħa għal offerti minn qabel. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sal-lum il-ġurnata kumpanniji stabbiliti fl-Ungerija biss kisbu konċessjoni. Għalhekk, il-proċeduri Ungeriżi ta’ ħruġ ta’ dawn il-konċessjonijiet fil-prattika jisfavorixxu lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

47      Il-kwistjoni tal-konformità tal-imsemmija proċeduri mad-dritt tal-Unjoni hija, madankollu, distinta mill-kwistjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni tal-operat ta’ kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, li hija l-uniku suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

48      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija għandha l-intenzjoni tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ma tistax, fuq it-talba ta’ parti fil-kawża prinċipali, teżamina kwistjonijiet li ma humiex ippreżentati quddiemha mill-qorti nazzjonali. Jekk din tal-aħħar, fid-dawl tal-iżvilupp tal-kawża, ikollha tqis neċessarju li tikseb elementi addizzjonali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din ikollha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punt 10; Syndesmos Melon tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et, C-381/89, EU:C:1992:142, punt 19, u Slob, C-236/02, EU:C:2004:94, punt 29). Għaldaqstant ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-argumenti msemmija fil-punt 46 tas-sentenza preżenti.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi emendatorja tal-2012 ixxekkilx il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn din tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, billi din il-kwistjoni hija indipendenti minn dik ta’ jekk, barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża relatata mal-proċedura ta’ ħruġ ta’ konċessjonijiet ta’ operat ta’ każino tinkludix ukoll restrizzjonijiet għal dawn il-libertajiet.

50      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 30 sa 32, hemm lok li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-Artikolu 56 TFUE biss.

51      F’dan ir-rigward, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax l-operat u l-prattika ta’ ċertu logħob tal-ażżard ħlief fil-każinos tikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi ta’ swali tal-logħob, tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

53      Ma hemmx lok li tingħata risposta għad-disa’ domanda.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

54      Permezz tat-tielet, ir-raba’, l-għaxar u l-ħdax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi sa fejn ir-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jintlaqgħu bħala miżuri derogatorji previsti b’mod espress fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE, applikabbli għall-qasam permezz tal-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

55      Peress li l-Liġi emendatorja tal-2011 u l-Liġi emendatorja tal-2012 jaqgħu, kemm waħda u kif ukoll l-oħra, fil-kuntest ta’ riforma nazzjonali li għandha bħala għan it-tfixkil tal-operat tal-kaxxi tal-logħob u peress li l-leġiżlatur Ungeriż invoka l-istess għanijiet sabiex jiġġustifika dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet, il-ġustifikazzjoni possibbli tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija liġijiet għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt.

 Fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

56      Qabelxejn għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża, u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 47, kif ukoll Digibet u Albers, C-156/13, EU:C:2014:1756, punt 24).

57      L-identifikazzjoni tal-għanijiet effettivament imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (sentenza Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 47).

58      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet iddikjarati bħala dawk imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-frodi marbuta mal-logħob, jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Carmen Media Group, C-46/08, EU:C:2010:505, punt 55, kif ukoll Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C-463/13, EU:C:2015:25, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu jsostnu li l-għan prinċipali tal-Liġi emendatorja tal-2011 fir-realtà jikkonsisti fiż-żieda tad-dħul fiskali ġġenerat mill-operat tal-kaxxi tal-logħob.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-għan waħdieni ta’ massimizzazzjoni tad-dħul tat-Teżor pubbliku ma jistax jippermetti restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 55, kif ukoll Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 54).

61      Madankollu, il-fatt li restrizzjoni għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tkun ta’ benefiċċju b’mod anċillari għall-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma jxekkilx milli din ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata sa fejn din qabelxejn issegwi effettivament għanijiet relatati ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Zenatti, C-67/98, EU:C:1999:514, punt 36, kif ukoll Gambelli et, C-243/01, EU:C:2003:597, punt 62), u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq il-proporzjonalità tax-xkiel għall-Artikolu 56 TFUE

62      Preliminarjament għandu jitfakkar li l-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus, bħall-konklużjoni, mal-Istat, ta’ kuntratt amministrattiv ta’ konċessjoni jew il-limitazzjoni tal-operat u tal-prattika ta’ ċertu logħob fil-postijiet debitament awtorizzati għal dan l-iskop, hija f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenzi Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 88, kif ukoll Carmen Media Group, C-46/08, EU:C:2010:505, punt 59).

63      Fil-fatt, awtorizzazzjoni limitata ta’ dan il-logħob fil-kuntest ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija jew konċessi lil ċerti organi, li b’mod partikolari għandha l-vantaġġ li tgħaddi x-xewqa tal-logħob u l-operat tal-logħob minn ċirkwit ikkontrollat, tista taqa’ fit-tfittxija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä, C-124/97, EU:C:1999:435, punt 37; Zenatti, C-67/98, EU:C:1999:514, punt 35; kif ukoll Anomar et, C-6/01, EU:C:2003:446, punt 74).

64      Ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom, madankollu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom, jiġifieri li jkunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Barra minn hekk, għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat ħlief jekk tkun effettivament tissodisfa l-ħsieb li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara s-sentenza HIT u HIT LARIX, C-176/11, EU:C:2012:454, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħu minn għan adattat sabiex jilleġittimizza x-xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jagħti lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tabilħaqq tissodisfa r-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenzi Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 54, kif ukoll Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 50).

66      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li l-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx tassew il-ħsieb li l-għanijiet ta’ interess pubbliku invokati jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku.

67      Huma jsostnu, minn naħa, li l-leġiżlatur Ungeriż, wara r-riformi stabbiliti minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, illiberalizza l-operat mill-każinos tal-logħob tal-ażżard online, inklużi l-kaxxi online, sa mid-19 ta’ Lulju 2013. Min-naħa l-oħra, seba’ konċessjonijiet ġodda ta’ operat ta’ każinos inħarġu matul is-sena 2014, liema fatt barra minn hekk ġie kkonfermat mill-Gvern Ungeriż matul is-seduta.

68      Għandu jiġi kkunsidrat li tali ċirkustanzi jistgħu, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jaqgħu fil-kuntest ta’ politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard.

69      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali politika tista’ tkun koerenti kemm mal-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-operat tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal finijiet kriminali jew frawdolenti kif ukoll ma’ dak tal-prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal spejjeż eċċessivi marbutin mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, billi tidderieġi lill-konsumaturi lejn l-offerta tal-operaturi awtorizzati, offerta intiża sabiex tkun protetta minn elementi kriminali u mfassla sabiex il-konsumaturi jiġu protetti kontra spejjeż eċċessivi u l-vizzju tal-logħob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, EU:C:2010:504, punti 101 u 102; kif ukoll Zeturf, C-212/08, EU:C:2011:437, punt 67).

70      Sabiex tilħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn ambjenti kkontrollati, l-operaturi awtorizzati għandhom jikkostitwixxu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess ħin attraenti, għal attività ipprojbita, li tista’ timplika b’mod partikolari l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133, punt 55; Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, C-258/08, EU:C:2010:308, punt 25; u Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 64).

71      Madankollu, politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard tista’ titqies li hija koerenti biss jekk, minn naħa, l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob u, min-naħa l-oħra, il-vizzju tal-logħob, setgħu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu problema fl-Ungerija u jekk espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati kienet ta’ natura li tirrimedja għal tali problema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, C-258/08, EU:C:2010:308, punt 30; Zeturf, C-212/08, EU:C:2011:437, punt 70; kif ukoll Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 67).

72      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kuntest tal-kawża li hija adita biha, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti u, jekk ikun il-każ, jekk il-politika ta’ espansjoni inkwistjoni għandhiex portata li tista’ tirrendi inkonċiljabbli mal-għan li d-dipendenza fuq il-logħob titrażżan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, C-258/08, EU:C:2010:308, punt 38).

73      Għal dan l-għan, l-imsemmija qorti għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni u l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet restrittivi inkwistjoni.

 Fuq l-eżami tal-ġustifikazzjonijiet fid-dawl tad-drittijiet fundamentali

74      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li xxekkel l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-Drittijiet Fundamentali li issa huma ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti biss jekk hija tkun tikkonforma mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ERT, C-260/89, EU:C:1991:254, punt 43; Familiapress, C-368/95, EU:C:1997:325, punt 24; u Ålands Vindkraft, C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 125).

75      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudikaw, minn naħa, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

–       Fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

76      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-leġiżlazzjonijiet fil-kawża prinċipali, billi jżidu b’mod drastiku l-ammont tat-taxxi fuq il-logħob gravanti l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob filwaqt li jipprevedu t-tranżizzjoni lejn sistema ta’ operat abbażi ta’ server ċentrali, u sussegwentement billi jipprojbixxu l-operat ta’ dawn il-kaxxi barra mill-każinos, mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni xieraq u lanqas kumpens tal-operaturi kkonċernati, jiksru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi VEMW et, C-17/03, EU:C:2005:362, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata; ASM Brescia, C-347/06, EU:C:2008:416, punt 69; u Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C-362/12, EU:C:2013:834, punt 44).

78      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li operatur ekonomiku ma jistax jibbaża l-aspettattivi tiegħu biss fuq l-assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva, iżda biss jikkontesta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263, punt 81).

79      Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeħtieġx l-assenza ta’ emenda leġiżlattiva, iżda pjuttost jeħtieġ li l-leġiżlatur nazzjonali jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari tal-operaturi ekonomiċi u jipprevedi, jekk ikun il-każ, adattamenti għall-applikazzjoni tar-regoli legali l-ġodda (sentenzi VEMW et, C-17/03, EU:C:2005:362, punt 81, u Plantanol, C-201/08, EU:C:2009:539, punt 49; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263, punt 70).

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u l-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tipprovdi lil din il-qorti bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Plantanol, C-201/08, EU:C:2009:539, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ålands Vindkraft, C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 126).

81      Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, l-elementi kollha rilevanti li jirriżultaw mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ålands Vindkraft, C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 129).

82      Bl-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu rrilevati, b’mod partikolari, l-elementi segwenti li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

83      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Liġi emendatorja tal-2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li din immultiplikat b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa fissa fuq l-operat ta’ kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, filwaqt li stabbilixxiet taxxa proporzjonali, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2011, jiġifieri mill-ewwel skadenza mensili wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi, filwaqt li s-sistema fiskali applikabbli għal din id-direttiva kienet ilha ma tiġi emendata bi kwalunkwe mod għal kważi għoxrin sena. B’hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba din l-assenza ta’ perijodu ta’ adattament xieraq, l-operaturi li kellhom l-intenzjoni li jiftħu swali tal-logħob ġodda sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għalihom li jieħdu, fi żmien utli, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jipposponu l-implementazzjoni tal-proġett tagħhom jew li jirrinunzjaw għalih. Iż-żieda tal-ammont tat-taxxi fuq l-operat ta’ kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, barra minn hekk, ġiegħel lil numru kbir ta’ operaturi jwaqqfu din l-attività.

84      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-Liġi emendatorja tal-2012, mid-deċiżjoni jirriżulta li din wasslet, fil-jum ta’ wara d-dħul fis-seħħ tagħha, ir-revoka ipso jure awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, mingħajr ma pprevediet la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi kkonċernati.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jirrevoka awtorizzazzjonijiet li jippermettu lid-detenturi tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika, huwa jkollu jipprevedi, favur dawn id-detenturi, perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ tul suffiċjenti sabiex jippermettilhom jadattaw ruħhom jew sistema ta’ kumpens raġonevoli (ara, f’dan is-sentenza, Il-Qorti EDB, Vékony vs L-Ungerija, Nru 65681/13, § 34 u 35, tat-13 ta’ Jannar 2015).

86      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li huma, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi emendatorja tal-2012, wettqu spejjeż bl-għan li jadattaw ruħhom għall-istabbiliment, previst mil-Liġi emendatorja tal-2011, tas-sistema l-ġdida ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob. Din is-sistema ta’ operat, li kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, kienet timplika li l-kaxxi tal-logħob operati fis-swali tal-logħob jaħdmu online u jingħaqdu ma’ server ċentrali. Issa, din l-aspettattiva leġittima xxejnet b’effett immedjat bħala riżultat tal-adozzjoni tal-Liġi emendatorja tal-2012.

87      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li operatur ekonomiku li wettaq investimenti li jiswew ħafna flus għall-finijiet li jikkonforma ruħu mas-sistema adottata preċedentement mil-leġiżlatur jista’ jkun affettwat b’mod kunsiderevoli fl-interessi tiegħu minn tneħħija antiċipata ta’ din is-sistema, u dan iktar u iktar meta din titwettaq għal għarrieda u b’mod imprevedibbli, mingħajr ma tħallilu ż-żmien neċessarju sabiex jadatta ruħu għas-sitwazzjoni leġiżlattiva l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Plantanol, C-201/08, EU:C:2009:539, punt 52).

88      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, jekk xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

–       Fuq id-dritt għall-proprjetà

89      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw ukoll li leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiksru d-dritt għall-proprjetà tal-operaturi ta’ swali tal-logħob, stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

90      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva skont l-Artikolu 56 TFUE tista’ wkoll tirrestrinġi d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li restrizzjoni mhux ġustifikata jew sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi abbażi tal-Artikolu 56 TFUE lanqas ma hija ammissibbli, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, meta mqabbla mal-Artikolu 17 ta’ din tal-aħħar (sentenza Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punti 57 u 59).

91      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-eżami, imwettaq fil-punti 56 sa 73 ta’ din is-sentenza, tar-restrizzjoni rrappreżentata minn leġiżlazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 56 TFUE jkopri wkoll ir-restrizzjonijiet eventwali tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta b’mod li eżami separat għal dan l-għan ma jkunx neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleger et, C-390/12, EU:C:2014:281, punt 60).

 Risposti li għandhom jingħataw għat-tielet, ir-raba’, l-għaxar u l-ħdax-il domanda

92      Fid-dawl ta’ dawk li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet, ir-raba’, l-għax u l-ħdax-il domanda għandha tkun li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jistgħu jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ħlief sa fejn il-qorti nazzjonali tikkonkludi, fi tmiem ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet:

–        li huma qabelxejn effettivament ifittxu għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob, bis-sempliċi ċirkustanza li restrizzjoni għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard tibbenefika b’mod anċillari, permezz ta’ żieda tad-dħul fiskali, lill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma xxekkilx milli din ir-restrizzjoni tkun tista’ titqies li tfittex qabelxejn effettivament tali għanijiet;

–        li huma jfittxu dawn l-istess oġġettivi b’mod koerenti u sistematiku, u

–        li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-Direttiva 98/34

93      Permezz tas-sitt u t-tlettax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħar-regoli fiskali previsti bil-Liġi emendatorja tal-2011 u l-projbizzjoni li wieħed jopera kaxxi tal-logħob barra mill-każinos stabbilita mil-Liġi emendatorja tal-2012, jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

94      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Liġi emendatorja tal-2011, din il-qorti tfittex li tkun taf, b’mod iktar partikolari, jekk tali dispożizzjonijiet jistgħux jiġu kklassifikati bħala “regolamenti tekniċi de facto” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34.

95      Skont l-imsemmi tielet inċiż tal-Artikolu 1(11), ir-“regolamenti tekniċi de facto” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsistu fi “speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi”.

96      Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “regolamenti tekniċi de facto” jindikaw mhux il-miżuri fiskali fihom infushom, iżda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ir-rekwiżiti l-oħra marbuta magħhom.

97      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jkun fiha ebda speċifikazzjoni teknika u lanqas ebda rekwiżit ieħor li hija tkun intiża li tiżgura l-osservanza tiegħu, ma tistax tiġi kklassifikata “regolament tekniku de facto”.

98      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-Liġi emendatorja tal-2012, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura nazzjonali li tirriżerva l-organizzazzjoni ta’ ċertu logħob tal-ażżard għall-każinos biss tikkostitwixxi “regolament tekniku” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(11), sa fejn din tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti użati f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, EU:C:2006:673, punt 61, kif ukoll Fortuna et, C-213/11, C-214/11 u C-217/11, EU:C:2012:495, punti 24 u 40).

99      Issa, projbizzjoni li jiġu operati kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, bħal dik stabbilita mil-Liġi emendatorja tal-2012, tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-kaxxi, li huma oġġetti li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 34 TFUE (ara s-sentenza Läärä et, C-124/97, EU:C:1999:435, punti 20 u 24), billi tnaqqas il-kanali ta’ operat.

100    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għas-sitt u għat-tlettax-il domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jkun interpretat fis-sens li:

–        id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jimmultiplikaw b’ħamsa l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u li jistabbilixxu, barra minn hekk, taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni; u li

–        id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tad-dikjarazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ kumpens min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat

 Fuq il-ħames u t-tnax-il domanda

101    Permezz tal-ħames u t-tnax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE u 56 TFUE għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi b’tali mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru, inkluż minħabba l-fatt tal-attività leġiżlattiva tiegħu, iwassal għal dritt għall-individwi sabiex jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dak il-ksur.

102    F’dan ir-rigward, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi ħlief sa fejn dawn jirreferu għall-Artikolu 56 TFUE.

103    Għandu qabelxejn jitfakkar li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa validu għal kull ipoteżi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, u dan ikun liema jkun il-korp tal-Istat Membru li l-azzjoni jew l-ommissjoni tiegħu twassal għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu (sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 32, kif ukoll Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju għaldaqstant huwa applikabbli b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat ikun attribwit lil-leġiżlatur nazzjonali (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 36).

104    Skont ġurisprudenza stabbilita, dritt għal kumpens jiġi rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola ta’ dritt miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur jkun suffiċjentement serju u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-Istat u d-dannu sostnut mill-persuni leżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 51; Danske Slagterier, C-445/06, EU:C:2009:178, punt 20; u Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-379/10, EU:C:2011:775, punt 40).

105    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li dwarha saru d-domandi mill-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertajiet fundamentali jagħtu, lill-individwi, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom iħarsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 54).

106    Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames u t-tnax-il domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru, inkluż minħabba l-attività leġiżlattiva tiegħu, iwassal għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur, sakemm l-imsemmi ksur ikun suffiċjentement serju u sakemm tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan l-istess ksur u d-dannu sostnut, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq is-seba’ u l-erbatax-il domanda

107    Permezz tas-seba’ u l-erbatax-il domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi b’tali mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru jagħti dritt lill-individwi sabiex jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur.

108    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li d-Direttiva 98/34 hija intiża li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija billi torganizza kontroll preventiv li l-effikaċja tiegħu teħtieġ li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi, tiġi injorata miżura nazzjonali adottata bi ksur tal-Artikoli 8 u 9 tagħha, din id-direttiva bl-ebda mod ma tiddefinixxi l-kontenut materjali tar-regola ta’ dritt li abbażi tagħha l-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. Għalhekk, l-imsemmija direttiva la toħloq drittijiet u lanqas obbligi għall-individwi (sentenza Unilever, C-443/98, EU:C:2000:496, punt 51).

109    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 104 ma hijiex issodisfatta, b’mod li l-individwi ma jistgħux isostnu n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din l-istess direttiva għall-finijiet li l-Istat Membru kkonċernat jinżamm responsabbli abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

110    Konsegwentement, ir-risposta għas-seba’ u għall-erbatax-il domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru ma jwassalx għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq il-ħmistax-il domanda

111    Permezz tal-ħmistax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi sa fejn il-fatt li leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonċernaw qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istat Membri, jaffettwa r-risposti li għandhom jingħataw lill-ħames, lis-seba’, lit-tnax u lill-erbatax-il domanda.

112    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 34, l-Istati Membri jkunu marbuta li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’rispett tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, li japplikaw għas-sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

113    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ġustifikazzjonijiet imressqa minn Stat Membru insostenn ta’ restrizzjoni għall-imsemmija libertajiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, anki meta din ir-restrizzjoni tkun tikkonċerna qasam li jaqa’ fil-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru, peress li s-sitwazzjoni kkonċernata tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 21).

114    Bl-istess mod, kull ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn Stat Membru, inkluż meta dan ikun jikkonċerna qasam li jaqa’ fil-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru, iwassal għar-responsabbiltà tiegħu sa fejn il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 104 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti.

115    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħmistax-il domanda għandha tkun li l-fatt li leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonċernaw qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri ma jaffettwax ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

116    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE sa fejn din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi ta’ swali tal-logħob, tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos, tikkostiwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

3)      Ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jistgħu jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ħlief sa fejn il-qorti nazzjonali tikkonkludi, fi tmiem ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet:

–        li huma qabelxejn effettivament ifittxu għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob, bis-sempliċi ċirkustanza li restrizzjoni għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard tibbenefika b’mod anċillari, permezz ta’ żieda tad-dħul fiskali, lill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma xxekkilx milli din ir-restrizzjoni tkun tista’ titqies li tfittex qabelxejn effettivament tali għanijiet;

–        li huma jfittxu dawn l-istess oġġettivi b’mod koerenti u sistematiku; u

–        li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà.

4)      L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jkun interpretat fis-sens li:

–        id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jimmultiplikaw b’ħamsa l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u li jistabbilixxu, barra minn hekk, taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni; u li

–        id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinos jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tad-dikjarazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

5)      L-Artikolu 56 TFUE għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru, inkluż minħabba l-attività leġiżlattiva tiegħu, iwassal għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur, sakemm l-imsemmi ksur ikun suffiċjentement serju u sakemm tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan l-istess ksur u d-dannu sostnut, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

6)      L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 2006/96, ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru ma jwassalx għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

7)      Il-fatt li leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonċernaw qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri ma jaffettwax ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.