Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-3 ta Marzu 2014 – Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató Kft. et vs Magyar Állam

(Kawża C-98/14)

2014/C 142/33

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató Kft., Lixus Szerencsejáték Szervező Kft., Lixus Projekt Szerencsejáték Szervező Kft., Lixus Invest Szerencsejáték Szervező Kft., Megapolis Terminal Szolgáltató Kft.

Konvenut: Magyar Állam (L-Istat Ungeriż)

Domandi preliminari

Fir-rigward tal-emendi tal-2011 tal-[Liġi XXXIV tal-1991, dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-logħob tal-ażżard”)] li saru fl-2011, li permezz tagħhom jiżdied l-ammont tat-taxxa fuq il-logħob:

1.

Leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li, permezz ta’ att uniku u mingħajr ma ppreveda perijodu ta’ adattament, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont preċedenti tat-taxxa diretta, imsejħa taxxa fuq il-logħob, li tapplika għall-islot machines operati fis-swali tal-logħob, u li, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa fuq il-logħob f’forma ta’ perċentwali, b’tali mod li tiġi limitata l-attività tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard li joperaw swali tal-logħob, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

2.

L-Artikolu 34 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li, permezz ta’ att uniku u mingħajr perijodu ta’ adattament, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont preċedenti tat-taxxa diretta, imsejħa taxxa fuq il-logħob, li tapplika għall-islot machines operati fis-swali tal-logħob, u li, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa fuq il-logħob f’forma ta’ perċentwali, b’tali mod li tiġi limitata l-importazzjoni ta’ slot machines fl-Ungerija li ġejjin mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

3.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36 TFUE, 52(1) TFUE u 61 TFUE, jinvoka esklużivament ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-baġit jew l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi?

4.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fl-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti minn Stat Membru u tal-konċessjoni ta’ perijodu ta’ adattament għar-regola fiskali?

5.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, il-ġurisprudenza tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93C-48/93) tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-ksur tal-Artikolu 34 TFUE u/jew tal-Artikolu 56 TFUE jista’ jservi ta’ bażi għal obbligu ta’ kumpens tal-Istati Membri peress li dawn id-dispożizzjonijiet –minħabba l-effett dirett tagħhom – jagħtu dritt lil individwi tal-Istati Membri?

6.

Id-Direttiva 98/34/KE (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li miżura fiskali ta’ Stat Membru li timmultiplika, għal darba biss, b’ħames darbiet l-ammont tat-taxxa diretta, it-taxxa fuq il-logħob li tolqot l-islot machines operati fis-swali ta’ logħob, u, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa f’forma ta’ perċentwali tikkostitwixxi “regolament tekniku de facto”?

7.

F’każ ta’ risposta affermattiva għas-sitt domanda, persuna fi Stat Membru tista’ tallega kontra dan l-Istat, il-ksur mill-Istat Membru tal-Artikolu 8(1) u/jew tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34/KE, inkwantu nuqqas tal-Istat Membru li jista’ jiġġustifika obbligu ta’ kumpens, jiġifieri, din id-direttiva għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet individwali? Liema aspetti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk il-konvenut wettaqx ksur ta’ gravità suffiċjenti u għal liema tip ta’ kumpens jagħti dritt dan il-ksur?

Fir-rigward tal-emenda tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard li saret fl-2012, li tipprojbixxi l-operat ta’ slot machines fis-swali tal-logħob (fejn tippermettihom biss f’każinò):

1.

Leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja ta’ Stat Membru li tipprojbixxi b’effett immedjat l-operat ta’ slot machines fi swali ta’ logħob, mingħajr ma tikkonċedi lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affettwati perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ adattament u mingħajr ma toffrilhom kumpens xieraq, u li, fl-istess ħin, tistabbilixxi favur il-każinojiet monopolju ta’ operat tal-islot machines, hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

2.

L-Artikolu 34 TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li għandu wkoll ikun determinanti u applikabbli fil-każ fejn l-Istat Membru jadotta leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja li, minkejja li ma tipprojbixxix direttament l-importazzjoni ta’ slot machines li ġejjin mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-użu jew l-operat effettiv tal-imsemmija magni fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, mingħajr ma tikkonċedi lill-operaturi ta’ logħob tal-ażżard affettwati li jeżerċitaw din l-attività perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ adattament jew kumpens?

3.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36 TFUE, 52(1) TFUE u 61 TFUE, u tal-eżami tal-preżenza ta’ raġunijiet imperattivi, meta tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni kinitx neċessarja, xierqa u proporzjonata?

4.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domandi, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fl-evalwazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti minn Stat Membru u l-għoti ta’ perijodu ta’ adattament? Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali – bħad-dritt għall-proprjetà u l-projbizzjoni li persuna tiġi pprivata mill-proprjetà tagħha mingħajr kumpens – fir-rigward tar-restrizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ u, fl-affermattiv, b’liema mod?

5.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, il-ġurisprudenza tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93C-48/93) tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-ksur tal-Artikolu 34 TFUE u/jew l-Artikolu 56 TFUE jista’ jservi ta’ bażi għal obbligu ta’ kumpens tal-Istati Membri peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonoxxu, minħabba l-effett dirett tagħhom, dritt għall-individwi tal-Istati Membri?

6.

Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, tista’ tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi “ħtiġiet oħra” il-miżura nazzjonali li, billi tillimita l-operat tal-islot machines għall-każinojiet, tipprojbixxih fis-swali tal-logħob?

7.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għas-sitt domanda, individwi fi Stat Membru jistgħu jinvokaw kontra tiegħu, bħala nuqqas li jista’ jiġġustifika obbligu ta’ kumpens, il-ksur mill-imsemmi Stat Membru tal-Artikolu 8(1) u/jew tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34? Abbażi ta’ liema tipi ta’ kriterji l-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk il-konvenut wettaqx ksur tal-gravità meħtieġa u għal liema tip ta’ kumpens jagħti dritt dan il-ksur?

8.

Il-prinċipu ta’ dritt Komunitarju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati jikkumpensaw lil individwi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt Komunitarju imputabbli lilhom għandu japplika wkoll meta Stat Membru għandu s-sovranità fil-qasam affettwat mid-dispożizzjoni adottata? Id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali li jirriżultaw minn tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri jservu wkoll bħala linji gwida f’dan il-każ?


(1)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)