Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

4.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fil-11 ta’ April 2014 – Radu Florin Salomie, Nicolae Vasile Oltean vs Direcția Generală a Finanțelor Publice Cluj

(Kawża C-183/14)

2014/C 253/21

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Radu Florin Salomie, Nicolae Vasile Oltean

Konvenut: Direcția Generală a Finanțelor Publice Cluj

Domandi preliminari

1)

Persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ assoċjazzjoni ma’ persuni fiżiċi oħra, liema assoċjazzjoni hija nieqsa mill-personalità ġuridika u li ma ġietx iddikjarata u rreġistrata għall-finijiet tat-taxxa, bil-għan li tinbena proprjetà immobbli futura (kostruzzjoni), fuq art li tagħmel parti mill-patrimonju personali ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, tista’ titqies, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT (1) fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT meta, inizjalment, il-kunsinni ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuq l-art li tagħmel parti mill-patrimonju personali ta’ waħda mill-partijiet kontraenti ġew, għall-finijiet tat-taxxa, meqjusa mill-awtoritajiet tat-taxxa bħala bejgħ li jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ dawn il-persuni?

2)

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-prinċipji ġenerali l-oħra applikabbli fil-qasam tal-VAT, hekk kif jirriżulta mid-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prattiki nazzjonali li permezz tagħhom awtorità tat-taxxa, wara li tkun imponiet fuq il-persuna fiżika taxxa fuq id-dħul mit-trasferiment tal-proprjetajiet li jifformaw parti mill-patrimonju personali, mingħajr ma kien hemm ebda emenda leġiżlattiva sostanzjali tad-dritt primarju, teżamina mill-ġdid sentejn wara, abbażi tal-istess punti ta’ fatt, il-pożizzjoni tagħha u tikklassifika l-istess tranżazzjonijiet bħala attivitajiet ekonomiċi suġġetti għall-VAT u tikkalkola retroattivament l-ammonti anċillari dovuti?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 167, 168 u 213 tad-Direttiva tal-VAT, eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuni taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fuq oġġetti u servizzi użati fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli għar-raġuni biss li ma kinux irreġistrati, għall-finijiet tat-taxxa, bħala persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT fil-mument meta l-imsemmija servizzi ġew ipprovduti lilhom?

4)

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 179 tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna taxxabbli, li fil-konfront tagħha tapplika sistema speċjali ta’ eżenzjoni u li titlob tardivament ir-reġistrazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT, l-obbligu li tħallas it-taxxa li kellha tinġabar, mingħajr ma tkun tista’ tnaqqas l-ammont tat-taxxa deduċibbli għal kull perijodu ta’ tassazzjoni, billi dan id-dritt għal tnaqqis ikun jista’ jiġi eżerċitat sussegwentement permezz tad-dikjarazzjoni tat-taxxa ppreżentata wara r-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, b’konsegwenzi possibbli fuq il-kalkolu tal-ammonti anċillari dovuti?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).