Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

30.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (Is-Slovenja) fil-25 ta’ April 2014 – NLB Leasing d.o.o. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja- Ministrstvo za finance

(Kawża C-209/14)

2014/C 202/18

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NLB Leasing d.o.o.

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja – Ministrstvo za finance

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl ta’ ċirkostanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-restituzzjoni tal-proprjetà li hija suġġetta għal kiri (proprjetà immobbli) minħabba li l-kerrej mhux qed iħallas għall-obbligi tiegħu, fil-pussess tal-persuna li qed tikri bil-għan tal-bejgħ suċċessiv u l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali l-oħra stabbiliti fil-kuntratt inkwistjoni, mid-data li fiha jsiru dovuti r-rati ta’ ħlas tal-kiri, tikkorrispondix għal sitwazzjoni ta’ “kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali”, wara t-tranżazzjoni li fil-kuntest tagħha l-bażi ta’ taxxa hija debitament imnaqqsa?

2)

L-Artikoli 2(1), 14 u 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ żewġ possibbiltajiet ta’ xiri, li jirrappreżenta parti sostanzjali tal-ammont totali dovut skont kuntratt ta’ kiri, imħallsa mill-kerrej lill-persuna li qed tikri b’mod tali li, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas parzjali tal-obbligi, dan tal-aħħar reġa’ ħa l-pussess tal-proprjetà li hija s-suġġett tal-kiri, biegħu lil terzi u rrimborsa l-eċċess tal-prezz tal-bejgħ lill-kerrej, wara li naqqas mill-bilanċ finali ta’ din il-kirja, l-ammont tal-opzjoni ta’ xiri, hija kkunsidrata bħala ħlas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt u bħala trasferiment ta’ proprjetà, suġġetta għall-VAT bħala tali, jew inkella bħala ħlas jew li huwa relatata ma’ servizz ta’ kiri, jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ proprjetà immobbli (u, b’hekk, hija suġġetta għall-VAT bil-liġi jew fuq għażla tal-persuni taxxabbli); jew inkella bħala kumpens ta’ xoljiment tal-kuntratt, imħallas bħala kumpens għad-dannu subit wara n-nuqqas ta’ ħlas mill-kerrej, mingħajr rabta diretta ma kwalunkwe servizz ipprovdut b’titolu oneruż u, bħala tali, mhux suġġett għall-VAT?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanta tkun li dan huwa ħlas relatat ma’ trasferiment ta’ beni u ma’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, tirriżulta wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tan-newtralità tal-VAT jipprekludix lill-persuna li qed tikri milli tħallas darbtejn il-VAT tal-input: l-ewwel darba meta jiġu konklużi l-kuntratti ta’ kiri (inkluż għall-ammont tal-opzjonijiet ta’ xiri li kien jirrappreżenta l-parti l-kbira tal-valur kuntrattwali) u t-tieni darba minħabba obbligi parzjalment mhux implementati mill-kerrej fil-mument tal-bejgħ tal-proprjetà immobbli lil terzi, minkejja l-fatt li huwa fuq il-kerrej li jaqa’ l-oneru ta’ ħlas tal-VAT relatat mat-tieni trasferiment, meta jiġi redatt il-bilanċ finali min-naħa tal-persuna li qed tikri?


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1