Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/17


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2014 minn Mory SA, fi stralċ, Mory Team, fi straċ, Superga Invest mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-545/12, Mory et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-33/14 P)

2014/C 102/23

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Mory SA, fi stralċ, Mory Team, fi stralċ, Superga Invest (rappreżentanti: B. Vatier u F. Loubières, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali;

tirrinvija l-kawża sabiex tiġi eżaminata fil-mertu mill-Qorti Ġenerali, f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-imparzjalità tal-istruttorja;

tiddikjara li l-attribuzzjoni tal-ispejjeż ser issir matul l-azzjoni prinċipali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, meta ma rrikonoxxietx l-interess ġuridiku tal-appellanti. Madankollu dawn isostnu li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għar-rekwiżit li r-rikorrenti li ma humiex destinatarji ta’ deċiżjoni juru li huma direttament u individwalment ikkonċernati minn tali deċiżjoni. Din hija, skont l-appellanti, l-unika kundizzjoni imposta mit-Trattat sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors. Iktar minn hekk, it-Trattat ma jagħmilx riferiment għall-interess ġuridiku bħala rekwiżit awtonomu għall-rikors.

L-appellanti jsostnu li għandhom interess ġuridiku għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, il-fatt li Mory SA kienet parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjonijiet Sernam 1, Sernam 2 u Sernam 3, u l-fatt li hija interveniet personalment f’dawn il-proċeduri, jagħtuha interess ġuridiku kontra deċiżjoni dwar il-metodi ta’ applikazzjoni tal-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet. It-tieni nett, il-fatt li l-appellanti huma partijiet f’żewġ kawżi pendenti quddiem il-qrati Franċiżi jwassal ukoll sabiex jistabbilixxi l-interess ġuridiku tagħhom. It-tielet nett, l-interess ġuridiku tal-kumpannija Superga Invest jirriżulta direttament minn dak tal-kumpanniji Mory SA u Mory Team, li tagħhom hija kienet l-azzjonist prinċipali, kif ukoll mill-partiċipazzjoni fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, l-interess ġuridiku tal-appellanti jirriżulta mill-fatt li huma allegatament ġew imċaħħda mid-dritt proċedurali tagħhom li jiksbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta huma kienu, permezz ta’ ittra, infurmaw lill-Kummissjoni bil-fatt li Geodis kienet kisbet l-assi ta’ Sernam.

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ddeċidietx li huma kienu “direttament u individwalment ikkonċernati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Ill-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma eżaminatx il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Kummissjoni u li jirrigwardaw l-assenza tal-interess individwali tal-appellanti. Skont dawn tal-aħħar, ma hemm l-ebda dubju dwar l-interess individwali tagħhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.