Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

8.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 439/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-8 ta’ Settembru 2014 – WebMindLicences Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság

(Kawża C-419/14)

(2014/C 439/25)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: WebMindLicences Kft.

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Adó- és Vám Főigazgatóság

Domandi preliminari

1)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), sabiex tiġi stabbilita, għall-finijiet tal-VAT, il-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni, matul l-eżami [tan-natura] purament artifiċjali, ta’ tranżazzjoni li ma tirriflettix ir-realtà ekonomika u kummerċjali, li kienet seħħet bl-għan biss li jinkiseb vantaġġ fiskali, li, fil-kawża prinċipali, il-persuna li tmexxi l-kumpannija li tagħti l-liċenzja u li hija 100 % azzjonista tagħha tkun il-persuna fiżika li tkun ħolqot l-għerf tas-sengħa [know how] li barra minn hekk ġie ttrasferit permezz tal-kuntratt ta’ liċenzja inkwistjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, huwa rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-VAT, u tal-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva, li din il-persuna fiżika jkollha jew jista’ jkollha influwenza informali fuq il-mod kif il-kumpannija li tingħatalha l-liċenzja tisfrutta l-liċenzja hekk trażmessa, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha? F’dan il-kuntest, jista’ jkun rilevanti għall-interpretazzjoni li l-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa tipparteċipa jew tista’ tipparteċipa direttament jew indirettament, meta barra minn hekk ikollha attività ta’ konsultazzjoni u tagħti pariri fuq l-iżvilupp jew l-isfruttament tal-għerf tas-sengħa, fid-deċiżjonijiet kummerċjali li huma relatati mal-fornitura tas-servizz li huwa bbażat fuq l-għerf tas-sengħa inkwistjoni?

3)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali – fid-dawl tat-tieni domanda – sabiex tiġi stabbilita, għall-finijiet tal-VAT, il-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, huwa rilevanti, minbarra l-eżami tat-tranżazzjoni kuntrattwali bħala bażi, li jkun hemm għarfien dwar jekk il-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa, inkwantu persuna fiżika, teżerċita influwenza, jew saħansitra influwenza dominanti jew kontroll fuq il-modalitajiet tal-fornitura tas-servizz li huwa bbażat fuq l-għerf tas-sengħa inkwistjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, liema huma, fid-determinazzjoni tal-livell ta’ influwenza jew ta’ kontroll, l-elementi jew kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li [l-persuna li toħloq l-għerf tas-sengħa] teżerċita influwenza determinanti fuq il-fornitura tas-servizz u li l-kontenut ekonomiku reali tat-tranżazzjoni bħala bażi ġie implementat f’isem il-kumpannija li tagħti l-liċenzja?

5)

Fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, matul l-eżami tal-kisba ta’ vantaġġ fiskali, huwa rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-persuni u operaturi ekonomiċi kkonċernati mit-tranżazzjoni, li l-persuni taxxabbli li huma partijiet fit-tranżazzjoni li jiġi allegat li għandha għan ta’ evażjoni fiskali jkunu persuni ġuridiċi, filwaqt li l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali timponi fuq persuna fiżika t-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi u operattivi relatati mal-isfruttament [tal-għerf tas-sengħa] u, jekk huwa l-każ, huwa importanti li jkun hemm għarfien dwar liema huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna fiżika inkwistjoni ħadet dawn id-deċiżjonijiet? F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, jekk jirriżulta li l-pożizzjoni kuntrattwali tal-partijiet ma hijiex determinanti, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni li l-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, tal-persunal u tal-mezzi tekniċi neċessarji għall-fornitura tas-servizz hawnhekk inkwistjoni, ibbażat fuq l-internet, tiġi żgurata minn subappaltaturi?

6)

Jekk jista’ jiġi kkonstatat li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja ma jirriflettux kontenut ekonomiku reali, il-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-klawżoli kuntrattwali u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni hekk kif kienet fl-assenza tat-tranżazzjoni li tikkostitwixxi prattika abbużiva jimplikaw li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tista’ għalhekk tiddetermina b’mod differenti l-Istat Membru tal-post tal-fornitura ta’ servizzi u, għaldaqstant, il-post tal-obbligu fiskali, inkluż fil-każ fejn il-persuna li tingħatalha l-liċenzja tkun barra minn hekk issodisfat l-obbligu fiskali tagħha fl-Istat Membru li fih għandha s-sede tagħha, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat?

7)

L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tagħhom, u li jista’ jiġi kkwalifikat bħala abbuż tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-fatt li titfassal konfigurazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha impriża suġġetta għat-taxxa stabbilita fi Stat Membru tagħti b’kera lil impriża suġġetta għat-taxxa stabbilita fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ kuntratt ta’ liċenzja, l-għerf tas-sengħa u d-dritt ta’ sfuttament relatati mal-fornitura ta’ servizz interattiv għall-kontenut ikklassifikat bħala għal adulti li huwa bbażat fuq teknoloġija tal-komunikazzjoni bbażata fuq l-internet, fis-sitwazzjoni fejn l-impożizzjoni fir-rigward tal-VAT tas-servizz hekk ittrasferit hija iktar vantaġġuża fl-Istat li fih il-persuna li tingħatalha l-liċenzja għandha s-sede tagħha?

8)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, x’importanza għandha tingħata lill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali li, minbarra l-perspettiva li jinkiseb vantaġġ fiskali, iggwidaw l-impriża li tagħti l-liċenzja u, f’tali kuntest b’mod partikolari, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni li l-persuna li tmexxi u li hija 100 % azzjonista tal-kumpannija li tagħti l-liċenzja tkun il-persuna fiżika li inizjalment ħolqot l-għerf tas-sengħa?

9)

Matul l-eżami tal-aġir abbużiv, tista’ tingħata importanza u, jekk huwa l-każ, kemm għandha tingħata, għal ċirkustanzi simili għal dawk li ġew eżaminati fil-kawża prinċipali, bħal dawk marbuta mal-aspetti tekniċi u mal-infrastruttura neċessarji għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-servizz li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni inkwistjoni, kif ukoll għall-kompetenza u għall-persunal tal-persuna li tagħti l-liċenzja sabiex jiġi fornit is-servizz inkwistjoni?

10)

Fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, u tal-Artikolu 325 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligu tal-Istati Membri dwar il-ġbir effettiv u eżatt tal-VAT kollha u li jiġi evitat it-telf finanzjarju għall-Istat marbut mal-frodi u mal-evazjoni fiskali transkonfinali, l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, sabiex tkun tista’, fil-każ ta’ tranżazzjoni li tirrigwarda fornitura ta’ servizzi, tistabbilixxi liema hija l-persuna bħala fornitur ta’ servizzi, għandha d-dritt, matul il-proċedura ta’ produzzjoni ta’ provi li sseħħ matul il-proċedura fiskali (amministrattiva), li tilqa’, meta ssir ir-riċerka tal-fatti, data, informazzjoni u mezzi ta’ prova miksuba – permezz tas-servizz ta’ investigazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – mingħajr mal-persuna taxxabbli tkun taf, pereżempju bir-reġistrazzjonijiet ta’ interċettazzjonijiet, kif ukoll li tisfruttahom u li minnhom tasal għal konsegwenzi legali, u li l-qorti amministrattiva li tistħarreġ id-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru fir-rigward tagħha għandha d-dritt li tevalwahom fil-kuntest tal-provi, permezz tal-istess okkażjoni li hija tistħarreġ il-legalità tal-provi?

11)

Fuq il-bażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, u tal-Artikolu 325 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligu tal-Istat Membru dwar il-ġbir effettiv u eżatt tal-VAT kollha, jiġifieri li tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-obbligu tal-Istat Membru li jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi imposti fuq il-persuni taxxabbli, li l-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-mod kif jintużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali jinkludi d-dritt tagħha li tuża mezzi ta’ prova inizjalment miksuba b’għan kriminali fid-dawl tal-ġlieda tagħha kontra l-aġir ta’ evażjoni fiskali, inkluż meta d-dritt nazzjonali, waħdu, ma jippermettix li data tiġi riċevuta klandestinament fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fid-dawl tal-ġlieda kontra l-aġir ta’ evażjoni fiskali, jew li jissuġġetta d-data riċevuta klandestinament effettwata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali għal garanziji li ma humiex previsti fil-proċedura fiskali amministrattiva, iżda li, barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali tista’, skont id-dritt nazzjonali, tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ libertà tal-prova fil-kuntest tal-proċeduri tagħha?

12)

L-Artikolu 8(2) tal-KEDB jeskludi, fid-dawl tal-Artikolu 52(2) tal-Karta, li jiġi rrikonoxxut lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru l-kompetenza evokata fid-domandi 10 u 11 iktar ’il fuq, jew jista’ jkun il-każ, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, li jiġi kkunsidrat li l-użu fil-kuntest tal-proċedura fiskali, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, tar-riżultati tad-data riċevuta klandestinament, huwa ġġustifikat, għall-finijiet tal-ġbir effettiv tat-taxxa, minħabba l-“benesseri ekonomiku tal-pajjiż”?

13)

Sa fejn jirriżulta mir-risposta mogħtija fid-domandi 10 sa 12 li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, tista’ tuża tali mezzi ta’ prova, l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali għandha, sabex tiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, obbligu assolut – abbażi tal-Artikoli 7, 8, 41 u 48, u fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta – li tisma’ l-persuna taxxabbli matul il-proċedura amministrattiva, li tiżguralha l-aċċess għar-riżultati miksuba permezz tal-metodi klandestini ta’ data riċevuta, kif ukoll li jiġi osservat l-għan li għalih hija suġġetta l-kisba ta’ data li tinsab f’dawn il-mezzi ta’ prova, jew għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, ġustament, li l-għan kriminali esklużiv tal-metodi klandestini ta’ data riċevuta mall-ewwel jeskludi l-użu ta’ tali mezzi ta’ prova?

14)

Fil-każ ta’ mezzi ta’ prova miksuba u użati bi ksur tal-Artikoli 7, 8, 41 u 48 tal-Karta – fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta – għandu jiġi kkunsidrat li kienet issodisfat id-dritt għal rimedju effettiv leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din azzjoni ġudizzjarja li tikkontesta l-legalità, fir-rigward tal-proċedura, ta’ deċiżjonijiet mogħtija f’kawżi fiskali, ma tistax tiġi aċċettata u twassal għall-annullament tad-deċiżjoni ħlief meta huwa konkretament possibbli, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ, li d-deċiżoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali, u li dan id-difett proċedurali minbarra dan jaffettwa pożizzjoni legali materjali tar-rikorrenti, jew id-difetti proċedurali hekk imwettqa għandhom ikunu jistgħu jwasslu għall-annullament f’kuntest iktar wiesgħa, indipendentement mill-effett tal-irregolarità proċedurali, li tmur kontra l-Karta, fuq ir-riżultat tal-proċedura?

15)

L-effettività tal-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi li, f’sitwazzjoni proċedurali bħal dik inkwistjoni hawnhekk, il-qorti amministrattiva li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tista’ tistħarreġ il-legalità tal-kisba ta’ mezzi ta’ prova riċevuti klandestinament, għal għanijiet kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod partikolari meta l-persuna taxxabbli parallelament implikata fi proċeduri kriminali ma setgħetx ikollha għarfien ta’ dawn id-dokumenti, u lanqas li tikkontesta l-legalità quddiem il-qorti?

16)

Fir-rigward ukoll tad-domanda 6, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (2) dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – fir-rigward b’mod partikolari tal-premessa 7 tiegħu, li tipprovdi li, sabiex jiġbru t-taxxa dovuta, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jgħinu biex jiżguraw li l-VAT tiġi stabbilita b’mod korrett u għaldaqstant għandhom mhux biss iwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa dovuta fit-territorju tagħhom stess, iżda għandhom ukoll jipprovdu assistenza lil Stati Membri oħra għall-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa relatata mal-attività mwettqa fit-territorju tagħhom stess iżda dovuta fi Stat Membru ieħor [–,] fis-sens li, quddiem fatti bħal dawk f’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali li ssir taf bl-eżistenza ta’ dejn fiskali għandha l-obbligu li tindirizza t-talba tagħha lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli li hija suġġetta għal kontroll fiskali tkun diġà ssodisfat l-obbligu tagħha li tħallas it-taxxa?

17)

Jekk ingħatat risposta affermattiva għad-domanda 16: jekk qorti tikkonstata, wara l-kontestazzjoni tagħhom, li deċiżjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru huma illegali fir-rigward tal-proċedura minħabba l-ommissjoni ta’ informazzjoni riċevuta u ta’ talba indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor [,] liema konsegwenza l-qorti li twettaq l-istħarriġ tad-deċiżjoniiet mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Istat Membru għandha tapplika, fid-dawl ukoll tad-domanda 14?


(1)  ĠU L 347, p. 1.

(2)  ĠU L 268, p. 1.