Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

19.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/20


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-503/14)

(2015/C 016/30)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braga da Cruz u W. Roels, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 38 tal-Código português do imposto sobre o rendimento das pessoas singulares [Kodiċi Portugiż dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, iktar ’il quddiem iċ-“CIRS”], li jipprovdu li persuna li tħallas it-taxxa (1) li jiskambja ishma u li jittrasferixxi r-residenza tiegħu barra mill-pajjiż jew (2) li jittrasferixxi l-attiv u l-passiv relatat ma’ attività eżerċitata fuq bażi individwali b’korrispettiv ta’ ishma f’impriża mhux residenti, fl-ewwel każ jeħtieġ li jiġi inkluż – fir-rigward tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni – kwalunkwe dħul li ma jidħolx fil-bażi taxxabbli tal-aħħar sena ta’ taxxa li fih il-persuna taxxabbli titqies li għadha residenti u, fit-tieni każ, din il-persuna ma tibbenefika minn ebda differiment ta’ intaxxar b’riżultat tat-tranżazzjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikoli 21, 45 u 49 TFUE u tal-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Motivi:

1.

Minn naħa, skont l-Artikolu 10(9)(a) taċ-CIRS, jekk l-azzjonist/is-sħab diġà ma kienx residenti fil-Portugall, il-bilanċ pożittiv li jirriżulta minn skambju ta’ ishma għandu jiġi inkluż fid-dħul taxxabbli tas-sena ċivili li fiha seħħet il-bidla fir-residenza. Il-valur tal-bilanċ pożittiv għandu jikkorrispondi, skont l-istess dispożizzjoni legali, għad-differenza bejn il-valur reali tal-ishma rċevuti u l-valur tal-akkwist ta’ dawk preċedenti. Bil-kontra, jekk l-azzjonist/is-sħab iżomm ir-residenza tiegħu fil-Portugall, il-valur tal-ishma rċevuti huwa l-valur ta’ dawk li ttrasferixxa, bla ħsara għall-intaxxar fir-rigward tal-ammonti fi flus li ġew attribwiti lill-ishma ttrasferiti. Jiġifieri, fil-każ li tinżamm ir-residenza fil-Portugall l-iskambju tal-ishma jiddetermina l-intaxxar immedjat tal-bilanċ pożittiv, u sa fejn, isir ħlas addizjonali fi flus kontanti. Jekk dan it-tip ta’ ħlas ma jseħħx, l-intaxxar tal-bilanċ pożittiv isir fil-mument, jekk u meta, li jseħħ it-trasferiment definittiv ta’ dawk l-ishma rċevuti. Skont l-Artikolu 10(10) taċ-CIRS, l-istess sistema ta’ taxxa hija applikabbli għall-intaxxar tal-holdings, ishma jew azzjonijiet, fil-każijiet ta’ għaqda jew ta’ qsim li għalihom japplika l-Artikolu 74 tal-Código do imposto sobre o rendimento das pessoas coletivas [Kodiċi Portugiż dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi].

2.

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 38(1)(a) taċ-CIRS, it-trasferiment minn impriża ta’ attiv u ta’ passiv relatat mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew professjonali minn persuna fiżika b’korrispettiv ta’ ishma huwa eżenti mit-taxxa, fil-mument tat-trasferiment, fil-każ fejn, fost kundizzjonijiet oħra, il-persuna ġuridika li lilha ġew ittrasferiti l-attiv u l-passiv kellha s-sede jew l-uffiċċju prinċipali effettiv tagħha fil-Portugall. F’dan il-każ, l-intaxxar isir fil-mument, meta u jekk, li tali attiv u passiv jiġi ttrasferit mill-persuna ġuridika li rċeviethom. Madankollu, dan l-intaxxar ma huwiex applikabbli fil-każ fejn il-persuna ġuridika li lilha ġew ittrasferiti l-attiv u l-passiv ikollha s-sede jew l-uffiċċju prinċipali tagħha barra mill-Portugall. F’dan il-każ, l-intaxxar tal-bilanċ pożittiv huwa immedjat.

Argumenti prinċipali:

1.

Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tqis li dan it-tip ta’ ntaxxar jippenalizza lill-persuni li jiddeċiedu jitilqu mit-territorju Portugiż, billi jiġi fis-seħħ trattament differenti għal dawn il-persuni meta pparagunati ma’ dawk li jibqgħu fil-pajjiż. Il-Kummissjoni tqis li l-benefiċċju tal-posponiment fil-ħlas tat-taxxa, fil-każ ta’ profitt magħmul bi skambju ta’ ishma, ma għandux ikun irriżervat għal każijiet li fihom il-persuna taxxabbli tibqa’ residenti fit-territorju Portugiż, kuntrarjament għall-każijiet fejn il-persuna taxxabbli tittrasferixxi r-residenza tagħha lejn Stat Membru ieħor jew lejn Stat taż-ŻEE. Konsegwentement, it-trattament differenti applikat permezz tal-Artikolu 10 taċ-CIRS ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 21, 45 u49 TFUE u l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-krediti fiskali li jirriżultaw minn dħul pendenti għandha tiġi żgurata b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħaq l-għanijiet segwiti ta’ effikaċja tas-sistema fiskali, fejn il-leġiżlazzjoni Portugiża għandha tapplika l-istess regola indipendentement minn jekk il-persuna fiżika żżomx jew le r-residenza tagħha fit-territorju Portugiż.

2.

Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-benefiċċju msemmi fl-Artikolu 38 taċ-CIRS ma għandux, fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE jinżamm biss għall-każijiet fejn il-kumpannija li tirċievi l-attiv ikollha s-sede jew l-uffiċċju prinċipali tagħha fil-Portugall. Il-Kummissjoni ssostni li l-Portugall għandu japplika l-istess regola indipendentement minn jekk il-persuna ġuridika li lilha ġew ittrasferiti l-attiv u l-passiv għandhiex is-sede jew l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju Portugiż jew barra minnu. Għall-istess raġunijiet esposti fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 38 taċ-CIRS imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jilħaq l-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistema fiskali; il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-persuni taxxabbli li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment permezz tat-trasferiment tal-attiv u tal-passiv barra mill-pajjiż b’korrispettiv ta’ ishma ta’ impriża mhux residenti ma jistgħux jiġu suġġetti għal intaxxar li jippreċedi l-intaxxar fuq persuni li jwettqu dawn it-tranżazzjonijiet ma’ impriża residenti fil-Portugall.