Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

13.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/2


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

(Kawża C-22/15)

(2015/C 228/02)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u G. Wils, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet

tikkonstata li, billi jagħti eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kiri ta’ mollijiet u ta’ rmiġġi tad-dgħajjes lill-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ sport nawtiku, li ma jużawx fil-kuntest tas-servizzi li jipprovdu, persuna waħda jew iktar, għan-navigazzjoni jew għall-attivitajiet ta’ divertiment li ma jistgħux jitqiesu simili għall-isport jew għall-edukazzjoni fiżika, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(1), 24(1) u 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva dwar il-VAT), flimkien mal-Artikolu 132(1)(m) tagħha;

tikkonstata li, billi jillimita l-eżenzjoni ta’ dan il-kiri, f’każijiet fejn il-mollijiet u l-rmiġġi tad-dgħajjes jinkrew lil membri li jipprattikaw sport u fejn il-kiri jkun marbut mill-qrib u essenzjali għall-prattika ta’ dan l-isport, lil assoċjazzjonijiet ta’ sport nawtiku, li ma jużawx fil-kuntest tas-servizzi li jipprovdu, persuna waħda jew iktar, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2(1), 24(1) u 133 tad-Direttiva 2006/112/KE, flimkien mal-Artikolu 132(1)(m) tagħha;

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Id-Direttiva 2006/112/KE teħtieġ mill-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni għal ċerti servizzi marbuta mill-qrib mal-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika pprovduti minn organi mingħajr skop ta’ lukru lill-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika.

2.

L-Artikolu 11(1)(e) tal-Liġi Olandiża tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud is-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjonijiet sportivi lill-membri tagħhom, bl-eċċezzjoni tas-servizzi offruti minn organizzazzjonijiet ta’ sport nawtiku li ma jużawx fil-kuntest tas-servizzi li jipprovdu, persuna waħda jew iktar, li huma impjegati mill-organizzazzjoni, sa fejn dawn is-servizzi jikkonsistu fit-twettiq, bl-għajnuna ta’ dawn il-persuni, ta’ attivitajiet marbuta mad-dgħajjes jew mal-provvista ta’ mollijiet u ta’ rmiġġi għad-dgħajjes.

3.

Skont il-Kummissjoni, din l-eżenzjoni Olandiża hija, fl-istess waqt, wisq wiesgħa u wisq stretta.

4.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fatt li l-eżenzjoni ma hijiex limitata għall-kera lill-membri tal-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li jipprattikaw sport, iżda li din testendi wkoll għall-kera lill-membri tal-assoċjazzjoni li jużaw, sempliċement għal skop ta’ divertiment jew anki residenzjali, mingħajr ma jħallu l-port, id-dgħajjes fil-moll jew l-irmiġġ mikri. L-eżenzjoni hija, f’dan ir-rigward, kuntrarja għall-Artikoli 2(1), 24(1) u 133 tad-Direttiva dwar il-VAT.

5.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fatt li, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni, l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni ma għadux ikollhom impjegati. Il-Pajjiżi l-Baxxi b’hekk iżid kundizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa permess taħt l-Artikolu 133 [flimkien mal-Artikolu 132(1)(m)] tad-Direttiva dwar il-VAT.


(1)  ĠU L 347, p. 1.