Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

8.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit) fit-13 ta’ Marzu 2015 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs National Exhibition Centre Limited

(Kawża C-130/15)

(2015/C 190/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Konvenuta: National Exhibition Centre Limited

Domandi preliminari

1)

Fir-rigward tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva (Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1)) kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, liema huma l-prinċipji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit jekk servizz għandux jew le “bħala effett li jittrasferixxi fondi u li jwassal għal bidliet legali u finanzjarji” fis-sens tal-punt 66 ta’ din is-sentenza? B’mod partikolari:

1.1

L-eżenzjoni tapplika għal servizz, bħal dak imwettaq mill-persuna taxxabbli f’dan il-każ, li ma jinvolvix li l-persuna taxxabbli tiddebita jew tikkredita kontijiet li għandha kontroll fuqhom, iżda li, fejn jirriżulta trasferiment ta’ fondi, huwa r-raġuni ta’ trasferiment ta’ fondi magħmul minn istituzzjoni finanzjarja indipendenti?

1.2

Fil-każ fejn ħlas isir b’karta ta’ kreditu jew ta’ debitu, ir-risposta għad-domanda 1.1 tiddependi minn jekk il-persuna li tipprovdi s-servizz stess tiksibx kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni direttament mill-bank tad-detentur tal-karta, jew alternattivament tiksibx dawn il-kodiċijiet permezz tal-bank akkwirenti li jaġixxi għal negozjanti?

1.3

Liema fatturi jiddistinwu (a) servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ informazzjoni finanzjarja li mingħajrha ma jsirx ħlas iżda li ma jaqax taħt l-eżenzjoni (bħal fis-sentenza Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532), minn (b) servizz li jipproċessa data li l-funzjonament tiegħu ikollu l-effett li jittrasferixxi fondi u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun identifikat bħala li jista’ jaqa taħt l-eżenzjoni (bħal fis-sentenza SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, fil-punt 66)?

2)

Liema huma l-prinċipji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit jekk servizz bħal dak imwettaq mill-persuna taxxabbli f’dan il-każ jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni tal-“kollezzjoni tad-debitu” prevista fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva? B’mod partikolari, jekk servizz ta’ pproċessar ta’ ħlas permezz ta’ metodu partikolari (pereżempju karta ta’ debitu jew ta’ kreditu), skont il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Axa UK, C-175/09, EU:C:2010:646, jikkostitwixxi “kollezzjoni tad-debitu” f’ċirkustanzi fejn il-provvista ta’ dan is-servizz kienet għall-persuna li lilha dak il-pagament kien dovut (jiġifieri l-persuna li tirċievi l-pagament), dan is-servizz jikkostitwixxi wkoll “kollezzjoni tad-debitu” f’ċirkustanzi fejn il-provvista ta’ dan is-servizz tkun għall-persuna li mingħandha l-pagament ikun dovut (jiġifieri l-persuna li tagħmel il-pagament)? Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, “dejn” għandu anki jeżisti sabiex “jiġi rkuprat”?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.