Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

10.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Regionale di Milano (l-Italja) fid-29 ta’ April 2015 – Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso vs H3 g SpA

(Kawża C-202/15)

(2015/C 262/03)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione Tributaria Regionale di Milano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso

Konvenuta: H3 g SpA

Domandi preliminari

1)

Peress li l-leġiżlatur Taljan eżerċita s-setgħa mogħtija mill-Artikolu 90(2) u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112/KE (1) (u, qabel l-adozzjoni tagħha, mill-Artikolu 11(Ċ)(1) u mit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE (2)), li jirrigwardaw rispettivament it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli u l-aġġustament tal-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-korrispettiv stabbilit bejn il-partijiet kontraenti, huwa konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, iggarantiti mit-TFUE, u mal-prinċipji ta’ newtralità li jirregolaw l-applikazzjoni tal-VAT, li jiġu imposti limiti li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli li tirkupra t-taxxa fuq il-korrispettiv li baqa’ parzjalment jew totalment mhux imħallas?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dispożizzjoni bħall-Artikolu 26(2) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633/1972 li, skont il-prassi tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea, tissuġġetta d-dritt għall-irkupru tat-taxxa għas-sodisfazzjon tal-prova li kienu ttieħdu proċeduri ta’ insolvenza jew miżuri ta’ eżekuzzjoni mingħajr suċċess, anki meta tali azzjonijiet ma humiex raġonevolment ekonomiċi meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-kreditu allegat, il-prospetti tal-irkupru tiegħu u l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni jew tal-proċeduri ta’ insolvenza, hija kompatibbli mal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).