Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertajiet fundamentali — Artikoli 49, 56 u 63 TFUE — Sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru — Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali u lill-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C-268/15:

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Fernand Ullens de Schooten

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Berger, A. Prechal u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, C. Toader, M. Safjan (Relatur), D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Ullens de Schooten, minn E. Cusas, J. Derenne, M. Lagrue u N. Pourbaix, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, C. Pochet u S. Vanrie, bħala aġenti, assistiti minn L. Grauer, R. Jafferali u R. van Melsen, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, tal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F. Ullens de Schooten u l-État belge (l-Istat Belġjan) dwar azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali mibdija kontra dan tal-aħħar minħabba li s-setgħat leġiżlattivi u ġudizzjarji Belġjani kisru d-dritt tal-Unjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Belġjan

Id-Digriet Irjali Nru 143

3

Id-Digriet Irjali Nru 143, tat-30 ta’ Diċembru 1982, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-laboratorji għandhom jissodisfaw fid-dawl tal-intervent tal-assigurazzjoni għall-mard għas-servizzi ta’ bijoloġija klinika (Moniteur belge tat-12 ta’ Jannar 1983), kif emendat bl-Artikolu 17 tal-Liġi-programm tat-30 ta’ Diċembru 1988 (Moniteur belge tal-5 ta’ Jannar 1989, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 143”), jipprovdi, skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, li l-laboratorji ta’ bijoloġija klinika, sabiex ikunu awtorizzati mill-Ministru tas-Saħħa pubblika u jibbenefikaw mill-intervent tal-Istitut Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għall-Mard u l-Invalidità (INAMI), għandhom jintużaw mill-persuni awtorizzati li jwettqu servizzi ta’ bijoloġija klinika, jiġifieri t-tobba, l-ispiżjara jew il-gradwati fil-kimika.

Il-Kodiċi Ċivili

4

L-Artikolu 2262a(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“L-azzjonijiet personali kollha jaqgħu bil-preskrizzjoni wara għaxar snin.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, kull azzjoni għall-kumpens ta’ dannu bbażata fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali taqa’ bil-preskrizzjoni wara ħames snin mill-jum ta’ wara dak li fih il-persuna leża tkun saret taf bid-dannu jew bil-fatt li d-dannu sar iktar gravi u bl-identità tal-persuna responsabbli.

F’kull każ, l-azzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu jaqgħu bil-preskrizzjoni wara għoxrin sena mill-jum ta’ wara dak li fih ikun seħħ il-fatt li jkun ikkawża d-dannu.”

Il-liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat

5

L-Artikolu 100 tal-liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat tas-17 ta’ Lulju 1991 (Moniteur belge tal-21 ta’ Awwissu 1991), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali kien jipprovdi li:

“Huma preskritti u definittivament estinti favur l-Istat, mingħajr preġudizzju għar-revoki stabbiliti minn dispożizzjonijiet legali, regolamentari jew kuntrattwali oħrajn dwar il-kwistjoni:

id-djun li, filwaqt li kellhom jitressqu skont il-modalitajiet stabbiliti bil-liġi jew bir-regolament, ma tressqux f’terminu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja li nħolqu matulha;

[...]”

6

L-Artikolu 101ta’ dawn il-liġijiet kien redatt kif ġej:

“Il-preskrizzjoni hija interrotta minn notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, kif ukoll minn rikonoxximent ta’ dejn magħmul mill-Istat.

Il-bidu ta’ azzjoni legali jissospendi l-preskrizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni definittiva.”

Il-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-baġit u tal-kontabbiltà tal-Istat Federali

7

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 131 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-baġit u tal-kontabbiltà tal-Istat Federali, tat-22 ta’ Mejju 2003 (Moniteur belge tat-3 ta’ Lulju 2003):

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100 tad-Digriet Irjali, tas-17 ta’ Lulju 1991, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet fuq il-kontabiltà tal-Istat jibqa’ japplika għal djun li huma r-responsabbiltà tal-Istat Federali li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

F. Ullens de Schooten kien jopera l-laboratorju ta’ bijoloġija klinika BIORIM, li l-falliment tiegħu ġie ddikjarat fit-3 ta’ Novembru 2000.

9

Wara lment imressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea, din l-istituzzjoni, fl-20 ta’ Ġunju 1985, ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż li jiġi rrikonoxxut li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 43 KE), billi eskluda mir-rimbors mis-sigurtà soċjali l-provvisti ta’ bijoloġija klinika li twettqu fil-laboratorji operati minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li l-membri, l-assoċjati u l-amministraturi tagħha ma humiex kollha persuni fiżiċi awtorizzati li jwettqu analiżi medika.

10

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Frar 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (221/85, EU:C:1987:81), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan ir-rikors. B’mod partikolari, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, hija kkonstatat li, bla ħsara għall-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament, kull Stat Membru, fl-assenza ta’ regoli Komunitarji f’dan il-qasam, qiegħed fil-libertà li jirregola fit-territorju tiegħu l-attività tal-laboratorji li jwettqu servizzi ta’ bijoloġija klinika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni ma kinitx twaqqaf tobba jew spiżjara, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, li jistabbilixxu ruħhom fil-Belġju u joperaw hemmhekk laboratorju ta’ analiżi klinika li jibbenefika mir-rimbors mis-sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kienet leġiżlazzjoni applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini Belġjani u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, li l-kontenut u l-għanijiet tagħha ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kienet ġiet adottata għal finijiet diskriminatorji jew li hija kienet tipproduċi effetti ta’ din in-natura.

11

Matul is-sena 1989, il-laboratorju BIORIM kien is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali minħabba suspett ta’ frodi fiskali. Wara din l-investigazzjoni, F. Ullens de Schooten ġie mfittex b’mod partikolari għall-ħabi tal-operat illegali ta’ laboratorju, liema fatt jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143.

12

Permezz ta’deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 1998, it-tribunal de première instance de Bruxelles (qorti tal-prim’istanza ta’ Brussell) ikkundanna lil F. Ullens de Schooten għal piena ta’ ħames snin ta’ impriġunerija kif ukoll għal multa. Barra minn hekk, din il-qorti laqgħet it-talbiet tal-assoċjazzjonijiet mutwi li kienu qegħdin jidhru bħala partijiet ċivili u kkundannat lil F. Ullens de Schooten iħallashom is-somma ta’ EUR 1 provviżorjament.

13

Din il-qorti ċaħdet l-argument ta’ F. Ullens de Schooten li jgħid li l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143 ma kienx fis-seħħ matul il-perijodu tal-fatti li kienu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni ta’ reat kriminali kontrih.

14

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell) annullat din id-deċiżjoni. Madankollu din il-qorti kkundannat lil F. Ullens de Schooten għall-istess fatti għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin, akkumpanjata minn sospensjoni għall-parti tal-piena li teċċedi l-erba’ snin, kif ukoll għal multa. It-talbiet imressqa mill-partijiet ċivili ġew iddikjarati inammissibbli jew infondati.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din is-sentenza “eliminat kull riferiment” għal ksur tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143 fir-rigward tal-fatti mwettqa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ. Fir-rigward tal-fatti mwettqa wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell) ċaħdet l-ilment imressaq minn F. Ullens de Schooten tan-nuqqas ta’ konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li rrifjutat li tagħmel domanda preliminari lil Qorti tal-Ġustizzja.

16

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Frar 2001, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju) ċaħdet l-appelli mill-kundanna kriminali mogħtija mill-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell), laqgħet l-appelli ppreżentati mill-partijiet ċivili, u bagħtet il-kawża lura quddiem il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons, il-Belġju).

17

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Novembru 2005, il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons) iddikjarat bħala parzjalment fondata t-talba għal ħlas imressqa minn sitt assoċjazzjonijiet mutwi kontra F. Ullens de Schooten b’rabta mal-ammonti mħallsa bi żball lil-laboratorju BIORIM matul il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 1989 sas-16 ta’ April 1992.

18

Dik il-qorti ċaħdet l-argument ta’ F. Ullens de Schooten ibbażat fuq nuqqas ta’ konformità tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143 mad-dritt tal-Unjoni. Billi qieset lilha nnifisha marbuta bl-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell) tas-7 ta’ Diċembru 2000, il-cour d’appel de Mons (qorti tal-appell ta’ Mons) ikkundannat lil F. Ullens de Schooten biex iħallas lil dawn l-assoċjazzjonijiet mutwi s-somma ta’ EUR 1 provviżorjament, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet mutwi kienu mistednin jikkalkolaw mill-ġdid id-dannu tagħhom fir-rigward tal-pagamenti magħmula wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143.

19

Adita bl-appelli minn din is-sentenza, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni) ċaħdithom permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2006.

20

Fl-istess waqt ta’ din il-proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ F. Ullens de Schooten, il-kummissjoni tal-bijoloġija klinika, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 1999, issospendiet l-awtorizzazzjoni tal-laboratorju BIORIM għal perijodu ta’ tnax-il xahar.

21

Permezz ta’ digriet ministerjali tad-9 ta’ Lulju 1999, il-Ministru tas-Saħħa Pubblika ċaħad l-azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2000, il-kummissjoni tal-bijoloġija klinika estendiet is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għal tnax-il xahar.

23

Permezz ta’ digriet ministerjali tal-24 ta’ Lulju 2000, il-Ministru tas-Saħħa Pubblika ċaħad l-azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni ġdida.

24

Adita b’żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra dawn id-digrieti ministerjali, il-Kunsill tal-Istat (il-Belġju) għamel lill-Cour constitutionelle (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) domanda preliminari dwar il-konformità tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143 mal-Kostituzzjoni.

25

Fl-istess żmien, adita b’ilment imressaq minn F. Ullens de Schooten, il-Kummissjoni ħarġet kontra r-Renju tal-Belġju, fis-17 ta’ Lulju 2002, opinjoni motivata li fiha hija qieset li l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143 kien imur kontra l-Artikolu 43 KE.

26

Wara l-emenda mill-Istat Belġjan tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143, il-kawża twaqqfet mill-Kummissjoni.

27

Permezz ta’ Digriet Nru 160/2007, tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Cour constitutionelle (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel din l-emenda, kienet konformi mal-Kostituzzjoni.

28

Barra minn hekk, il-Cour constitutionelle (qorti kostituzzjonali) kkonstatat li, peress li r-relazzjonijiet ġudizzjarji tal-laboratorju BIORIM “jinsabu lkoll fi ħdan l-isfera interna ta’ Stat Membru”, dan il-laboratorju ma jistax jagħmel użu mill-Artikoli 43, 49 u 56 KE.

29

Konsegwentement, il-Kunsill tal-Istat, permezz ta’ sentenzi tal-10 ta’ Settembru u tat-22 ta’ Diċembru 2008, ċaħad ir-rikorsi.

30

Permezz ta’atti tal-14 ta’ Diċembru 2006 u tal-21 ta’ Awwissu 2007, F. Ullens de Schooten ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem intiż li jiġi kkonstatat il-ksur mill-Istat Belġjan tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

31

Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, F. Ullens de Schooten u Rezabek vs Il-Belġju (CE:ECHR:2011:0920JUD000398907), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni.

32

Fis-17 ta’ Lulju 2007, F. Ullens de Schooten adixxa lit-tribunal de première instance de Bruxelles (qorti tal-prim’istanza ta’ Brussell) b’rikors ippreżentat kontra l-Istat Belġjan intiż li jiggarantixxi, fl-ewwel lok, il-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-kundanna tiegħu mogħtija b’sentenza tat-23 ta’ Novembru 2005 tal-cour d’appel de Mons (qorti tal-appel ta’ Mons), fit-tieni lok, il-konsegwenzi kollha ta’ eventwali kundanni mogħtija kontra tiegħu fuq it-talba tal-laboratorju BIORIM jew tal-ex amministratur tiegħu u, fit-tielet lok, il-konsegwenzi kollha ta’ kundanna mogħtija kontra tiegħu fil-kuntest ta’ kawżi fiskali.

33

Permezz ta’ dan ir-rikors, F. Ullens de Schooten talab il-kundanna tal-Istat Belġjan għall-pagament ta’ somma ta’ EUR 500000 fir-rigward tad-dannu morali, ta’ somma ta’ EUR 34500000 provviżorjament minħabba l-impossibbiltà li jintuża l-laboratorju BIORIM, kif ukoll ta’ somma ta’ EUR 1 provviżorja għall-onorarji u l-ispejjeż tal-avukat.

34

F. Ullens de Schooten talab lit-tribunal de première instance de Bruxelles, fil-każ fejn dan ikollu dubji fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ, li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2009, it-tribunal de première instance de Bruxelles (qorti tal-prim’istanza ta’ Brussell) iddikjara t-talba msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza inammissibbli minħabba li waqgħet bil-preskrizzjoni.

36

F. Ullens de Schooten appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li kellha dubji kemm għall-interpretazzjoni kif ukoll għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ.

37

F’dawn iċ-ċikustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt [tal-Unjoni], u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jeżiġi li f’ċerti ċirkustanzi [...], it-terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali, bħal dak [previst fl-]Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat applikabbli għal talba għal kumpens imressqa minn individwu kontra l-Istat Belġjan għal ksur tal-Artikolu 43 [KE] (li sar l-Artikolu 49 TFUE) min-naħa tal-leġiżlatur, jibda jiddekorri biss meta dan il-ksur ikun ġie kkonstatat jew, a contrario, il-prinċipju ta’ effettività huwa ggarantit b’mod suffiċjenti f’dawn iċ-ċirkustanzi mill-possibbiltà mogħtija lil dan l-individwu li jinterrompi l-preskrizzjoni permezz ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju?

2)

L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE u l-kunċett ta’ “sitwazzjoni purament interna” li jista’ jillimita l-possibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu invokati minn parti f’kawża quddiem qorti nazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew f’kawża bejn ċittadin Belġjan u l-Istat Belġjan intiża sabiex jiġu kkumpensati d-danni kkawżati minn ksur allegat tad-dritt [tal-Unjoni] u li jirriżultaw mill-adozzjoni u miż-żamma fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni Belġjana tat-tip bħal dik tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143,[...] li tapplika indistintament għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra?

3)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Ewropew u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li tiġi eskluża r-regola tal-awtorità ta’ res judicata fil-każ tal-eżami mill-ġdid jew tal-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata u li tirriżulta li tmur kontra d-dritt Ewropew iżda, għall-kuntrarju, li jippermettu li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata meta din tal-aħħar timponi l-adozzjoni, abbażi ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata iżda li tmur kontra d-dritt Ewropew, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja oħra li tirrendi perpetwu l-ksur tad-dritt Ewropew permezz tal-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja?

4)

Tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-kwistjoni jekk ir-regola tal-awtorità ta’ res judicata għandhiex tiġi eskluża fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata u tmur kontra d-dritt Ewropew fil-kuntest ta’ talba għal eżami mill-ġdid jew għal annullament ta’ din id-deċiżjoni ma hijiex kwistjoni materjalment identika fis-sens tas-sentenzi [tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6) kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335)] għall-kwistjoni jekk ir-regola tal-awtorità ta’ res judicata tmurx kontra d-dritt Ewropew fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni (ġdida) li għandha tirrepeti l-ksur tad-dritt Ewropew, b’mod li l-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tistax tevita l-obbligu tagħha li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni purament interna li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

39

Madankollu għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għad-danni allegatament ikkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni tistax titqiegħed fid-dubju f’kawża li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C-265/13, EU:C:2014:187, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli lilu jirriżulta min-natura tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens, abbażi ta’ din ir-responsabbiltà, sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju, u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428, punt 35; kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punti 31 u 51).

42

Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal danni kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni hija rregolata mill-istess kundizzjonijiet (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 52, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat jaqa’ taħt il-kompetenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Gustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dan id-dritt hija intiża sabiex tapplika fil-preżenza ta’ dannu allegatament ikkawżat lil individwu minħabba ksur allegat ta’ libertà fundamentali, prevista fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, minn leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, f’kawża li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa dan l-Istat Membru wieħed biss.

46

Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni tista’ tirriżulta biss meta r-regola tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata jkollha bħala għan li jingħataw drittijiet lil dawn l-individwi. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk individwu li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ F. Ullens de Schooten jislitx drittijiet mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tat-Trattat FUE.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C-139/12, EU:C:2014:174, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C-464/15, EU:C:2016:500, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Issa, kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mis-sentenza Nru 160/2007, tad-19 ta’ Diċembru 2007, tal-qorti kostituzzjonali Belġjana, imsemmija fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata minn elementi li huma limitati kollha ġewwa l-Istat Belġjan. Fil-fatt, F. Ullens de Schooten, ċittadin Belġjan, li opera laboratorju tal-bijoloġija klinika li jinsab fit-territorju Belġjan, jitlob lill-Istat Belġjan il-kumpens għad-danni li huwa allega li sofra minħabba l-allegata inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Belġjana msemmija fil-punt 3 ta’ din is-sentenza mad-dritt tal-Unjoni.

49

Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat, fis-sentenza tat-12 ta’ Frar 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (221/85, EU:C:1987:81) li tirrigwarda r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni, l-osservanza mir-Renju tal-Belġju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat KEE, ma jistax, waħdu, jippermetti li jiġi kkunsidrat li din il-libertà tista’ tiġi invokata minn individwu f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss. Fil-fatt, filwaqt li l-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-miżura nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni, b’mod ġenerali, tistax tiskoraġġixxi l-operaturi ta’ Stati Membri oħrajn milli jagħmlu użu mil-libertà inkwistjoni, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura preliminari, hija, min-naħa l-oħra, li tassisti l-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta pendenti quddiemha, liema fatt jippreżumi li jkun stabbilit li l-imsemmija libertà hija applikabbli għal din it-tilwima.

50

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-libertajiet fundamentali minkejja li l-elementi kollha tal-kawżi prinċipali kienu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, minħabba li ma setax jiġi eskluż li ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħrajn kienu jew setgħu jkunu interessati li jagħmlu użu minn dawn il-libertajiet biex jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li ppromulga l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, għaldaqstant, li din il-leġiżlazzjoni, applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, tkun tista’ tipproduċi effetti li ma humiex limitati għal dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Perez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, EU:C:2010:300, punt 40; tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C-265/12, EU:C:2013:498, punt 33, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et, C-159/12 sa C-161/12, EU:C:2013:791, punti 25 u 26).

51

Bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li l-qorti tar-rinviju adixxietha fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ dispożizzjonijiet applikabbli mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, id-deċiżjoni li din il-qorti ser tadotta wara s-sentenza tagħha mogħtija preliminarjament ser tipproduċi l-istess effetti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar, liema fatt jiġġustifika li hija tirrispondi għad-domandi li sarulha b’rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali minkejja l-fatt li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C-197/11 u C-203/11, EU:C:2013:288, punt 35).

52

Barra minn dan, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali previsti fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE tista’ tirriżulta rilevanti f’kawża li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss meta d-dritt nazzjonali jimponi lill-qorti tar-rinviju li tagħti lil ċittadin tal-Istat Membru li din il-qorti taqa’ taħtu l-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, EU:C:2000:663, punt 23; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et, C-84/11, EU:C:2012:374, punt 20, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et, C-111/12, EU:C:2013:100, punt 35).

53

Dan japplika wkoll fil-każ fejn, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, hija konformi mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, EU:C:1990:360, punti 36, 37 u 41; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, EU:C:1997:369, punti 27 u 32, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 20).

54

Madankollu, fil-każijiet imsemmija fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed, ma tistax, mingħajr indikazzjoni ta’ din il-qorti minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, tikkunsidra li t-talba għall-interpretazzjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u l-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju.

55

Konsegwentement, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement għar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura tagħha purament interna, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

56

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, fil-kawża prinċipali, id-dritt nazzjonali jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tagħti lil ċittadin Belġjan l-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni jew li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni Belġjana li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati ġewwa l-Istat Belġjan, hija konformi mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni

57

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali ppreżentat kontra Stat Membru minħabba ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jista’ jislet drittijiet mill-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, anki jekk it-tilwima inkwistjoni ma għandha l-ebda element ta’ konnessjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jippreżentaw ebda element ta’ din in-natura, dawn id-dispożizzjonijiet li huma intiżi li jipproteġu l-persuni li jagħmlu użu effettiv tal-libertajiet fundamentali ma jistgħux jagħtu drittijiet lil F. Ullens de Schooten u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi ta’ bażi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru kkonċernat.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dan id-dritt ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-preżenza ta’ dannu allegatament ikkawżat lil individwu minħabba ksur allegat ta’ libertà fundamentali, prevista fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, minn leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta, f’sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru, ma teżisti ebda rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u dawn l-artikoli.

Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba ’ domandi

59

L-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi li jibbażaw fuq il-premessa żbaljata li tgħid li d-dritt tal-Unjoni huwa ta’ natura li jservi ta’ bażi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru kkonċernat f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għad-dannu kkawżat mill-ksur ta’ dan id-dritt ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-preżenza ta’ dannu allegatament ikkawżat lil individwu minħabba ksur allegat ta’ libertà fundamentali, prevista fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE, minn leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bla ebda distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta, f’sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru, ma teżisti ebda rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u dawn l-artikoli.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.