Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

21.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fl-1 ta’ Lulju 2015 – AS “DNB Banka” vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-326/15)

(2015/C 311/32)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AS “DNB Banka”

Konvenuta: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

1)

Jista’ jeżisti grupp indipendenti ta’ persuni fis-sens tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva (1), meta l-membri ta’ dan il-grupp ikunu stabbiliti fi Stati Membri separati tal-Unjoni Ewropea, li fihom din id-dispożizzjoni tad-Direttiva ġiet trasposta b’rekwiżiti differenti li ma humiex kompatibbli?

2)

Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-dritt li għandha persuna taxxabbli sabiex tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva, meta l-persuna taxxabbli tkun issodisfat ir-rekwiżiti kollha għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni fl-Istat Membru tagħha, iżda din id-dispożizzjoni tkun ġiet trasposta fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ta’ membri oħra tal-grupp b’restrizzjonijiet li jillimitaw il-possibbiltà għal persuni taxxabbli ta’ Stati Membri oħra li japplikaw fl-Istat Membru tagħhom l-eżenzjoni korrispondenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud?

3)

Tista’ tiġi applikata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva għal servizzi fl-Istat Membru tad-destinatarju ta’ dawn, li jkun persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta min jipprovdi s-servizzi, li tkun persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud, ikun applika fi Stat Membru ieħor it-taxxa fuq il-valur miżjud għal dawn is-servizzi skont ir-reġim ġenerali, jiġifieri, b’kunsiderazzjoni li t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn is-servizzi kienet dovuta fl-Istat Membru tad-destinatarju tagħhom, skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva?

4)

Il-frażi “gruppi ta’ persuni indipendenti [grupp indipendenti ta’ persuni]”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva għandha tinftiehem li tfisser persuna ġuridika separata, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi pprovata permezz ta’ ftehim speċifiku li jwaqqaf grupp indipendenti ta’ persuni?

Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija li grupp indipendenti ta’ persuni ma għandux neċessarjament jinftiehem li jfisser entità separata, grupp indipendenti ta’ persuni għandu jitqies li huwa grupp ta’ impriżi marbuta bejniethom li fih, fil-kuntest tal-attività ekonomika normali tagħhom, dawn l-impriżi jipprovdu lil xulxin servizzi ta’ appoġġ għat-twettiq tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, u tista’ l-eżistenza ta’ dan il-grupp tiġi pprovata permezz tal-kuntratti għal servizzi konklużi jew permezz tad-dokumentazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment?

5)

Jista’ Stat Membru jirrestrinġi d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva, meta din il-persuna taxxabbli tkun applikat żieda fuq it-tranżazzjonijiet, kif mitlub taħt il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-Istat Membru fejn din il-persuna taxxabbli hija stabbilita?

6)

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tapplika għal servizzi rċevuti minn pajjiżi terzi? Fi kliem ieħor, il-membru ta’ grupp indipendenti ta’ persuni, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva, li jipprovdi, fi ħdan il-grupp, servizzi lil membri oħra ta’ dan il-grupp, jista’ jkun persuna taxxabbli minn pajjiż terz?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).