Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

9.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (Ir-Repubblika Ċeka) fis-7 Awwissu 2015 – Odvolací finanční ředitelství vs Pavlína Baštová

(Kawża C-432/15)

(2015/C 371/18)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Odvolací finanční ředitelství

Konvenuta: Pavlína Baštová

Domandi preliminari

1.a

It-tqegħid ta’ żiemel minn sidu (li huwa persuna taxxabbli) għad-dispożizzjoni tal-organizzatur ta’ tiġrija taż-żwiemel sabiex l-imsemmi żiemel jipparteċipa fl-imsemmija tiġrija jikkostitwixxi provvista ta’ servizz bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u għaldaqstant provvista suġġetta għall-VAT?

l.b

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, għandu jitqies bħala korrispettiv il-premju fi flus riċevut fi tmiem it-tiġrija (li, madankollu, mhux iż-żwiemel kollha li jipparteċipaw fit-tiġrija jirċievu) jew ix-xiri tas-servizz li jikkonsisti fil-possibbiltà li żiemel jiddaħħal fit-tiġrija, li jipprovdi l-organizzatur tat-tiġrija lis-sid taż-żiemel, jew korrispettiv ieħor?

1.c

Jekk tingħata risposta fin-negattiv, dan il-fatt jiġġustifika minnu nnifsu li jitnaqqas it-tnaqqis tal-VAT tal-input applikat fuq il-provvisti taxxabbli akkwistati fuq l-output u użati għall-preparazzjoni mill-persuna li trabbi jew tħarreġ iż-żwiemel tagħha għat-tiġrijiet, jew għandha titqies il-parteċipazzjoni ta’ żiemel f’tiġrija bħala element tal-attività ekonomika tal-persuna li trabbi u tħarreġ iż-żwiemel ta’ tiġrija tagħha u dawk ta’ terzi, u jiġu inklużi l-ispejjeż marbuta mat-trobbija taż-żwiemel tagħha u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tiġrijiet fl-ispejjeż ġenerali li jaqgħu taħt l-attività ekonomika ta’ din il-persuna? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din il-parti tad-domanda, il-premju fi flus riċevut fi tmiem it-tiġrija għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli u għandha tiġi applikata l-VAT tal-output, jew dan huwa dħul mingħajr ebda effett fuq il-bażi tal-VAT?

2.a

Jekk għandhom, għall-finijiet tal-VAT, jitqiesu diversi elementi ta’ servizz bħala provvista unika, liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet reċiproċi u għaldaqstant li jiġi stabbilit jekk humiex provvisti ekwivalenti bejniethom jew jekk humiex provvisti ta’ natura prinċipali meta mqabbla ma’ oħrajn ta’ natura aċċessorja? Fost dawn il-kriterji teżisti ġerarkija f’termini ta’ livell u ta’ importanza?

2.b

L-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud moqri flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għal servizz jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi żewġ elementi li, għall-finijiet tal-VAT, għandhom jitqiesu bħala provvista unika, u li, fl-istess waqt, dawn il-provvisti huma ekwivalenti bejniethom, meta waħda minnhom ma tista’, min-natura tagħha, tiġi kklassifikata fl-ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud?

2.c

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2.b, il-kombinazzjoni tal-element tas-servizz li jikkonsisti fi dritt ta’ użu ta’ installazzjonijiet sportivi u tal-element tas-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persuna li tħarreġ żwiemel għat-tiġrijiet tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-applikazzjoni għal dan is-servizz meħud fil-globalità tiegħu tar-rata ta’ VAT imnaqqsa msemmija fil-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud?

2.d

Jekk l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ma hijiex eskluża abbażi tar-risposta għad-domanda 2.c, liema huwa l-effett, fuq l-issuġġettar għar-rata ta’ VAT applikabbli, tal-fatt li l-persuna taxxabbli tipprovdi, minbarra s-servizz li jikkonsisti fl-użu ta’ installazzjonijiet sportivi u s-servizz ta’ persuna li tħarreġ, ukoll akkomodazzjoni għaż-żwiemel, l-għalf u kura oħra liż-żwiemel? Għall-finijiet tal-VAT għandu jitqies li dawn l-elementi kollha tal-provvista huma intier wieħed suġġett għal sistema fiskali komuni?


(1)  ĠU L 347, p. 1.