Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni tad-dħul mit-twettiq ta’ attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku bis-sede tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi minn din l-eżenzjoni dħul minn attività bħal din imwettqa fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku bis-sede tagħha fl-Isvizzera”

Fil-Kawża C-478/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminiari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Peter Radgen,

Lilian Radgen

vs

Finanzamt Ettlingen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Radgen u martu Lilian Radgen (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konjuġi Radgen”), ċittadini u residenti Ġermaniżi minn naħa u l-Finanzamt Ettlingen (dipartiment tat-taxxi ta’ Ettlingen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ din l-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala dħul eżentat mit-taxxa fuq id-dħul għas-sena fiskali 2009, id-dħul riċevut minn P. Radgen fil-kuntest ta’ attività ta’ tagħlim imwettqa minnu b’mod anċillari f’istituzzjoni rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Fil-21 ta’ Ġunju 1999, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw seba’ ftehimiet, fosthom il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/309/KE, Euratom, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU 2002 L 114, p. 1), dawn il-ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

4        Skont il-preambolu tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-partijiet kontraenti huma “[d]eterminati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni [bejniethom] ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-Komunità Ewropea”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim jipprovdi li:

“L-għan ta’ dan il-ftehim, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:

a)      li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment bħala ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

[...]

d)      li jagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi:

“Fl-applikazzjoni u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 4 tal-istess ftehim, intitolat “Dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika”: [traduzzjoni mhux uffiċjali]

“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit [...] skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 11(1) tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni intitolat “Smigħ tal-appelli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistabbilixxi dritt ta’ appell għall-persuni koperti minn dan il-ftehim għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti.

9        Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, l-annessi u l-protokolli ta’ dan tal-aħħar għandhom jifformaw parti integrali minnu.

10      L-Artikolu 16(2) ta’ dan il-Ftehim, intitolat “Riferiment għad-dritt Komunitarju” huwa fformulat kif ġej: [traduzzjoni mhux uffiċjali]

“Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li tippreċedi d-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar tiegħu għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jiffunzjona korrettament, il-Kumitat Konġunt għandu, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-Artikolu 21 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja”, jipprovdi: [traduzzjoni mhux uffiċjali]

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea dwar it-tassazzjoni doppja ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-definizzjoni ta’ ħaddiem tal-fruntiera fi ftehim dwar it-tassazzjoni doppja.

2.      L-ebda dispożizzjoni minn dan il-ftehim ma għandha tiġi interpretata b’mod li tipprekludi lill-partijiet kontraenti milli jistabbilixxu distinzjoni, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[...]”

12      L-Anness I ta’ dan l-istess ftehim huwa ddedikat għall-moviment liberu tal-persuni u l-Kapitolu II ta’ dan l-anness jinkludi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema impjegati.

13      L-Artikolu 6(1) ta’ dan l-anness intitolat “Leġiżlazzjoni tar-residenza” jipprovdi li “[i]l-ħaddiem impjegat ċittadin ta’ parti kontraenti (iktar ’il quddiem imsejjaħ il-ħaddiem impjegat) li għandu impjieg ta’ perijodu daqs jew itwal minn sena fis-servizz ta’ persuna li timpjega fl-Istat ospitanti għandu jirċievi permess ta’ residenza għal perijodu ta’ ħames snin mill-inqas mid-data tal-għoti tal-permess [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirregola l-kwistjoni ta’ permess ta’ residenza mogħti lil ħaddiema impjegati li għandhom impjieg għal perijodu ta’ inqas minn sena. Il-paragrafi 3 sa 7 tal-imsemmi artikolu jinkludu, min-naħa tagħhom, dispożizzjonijiet proċedurali dwar il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiema impjegati.

14      Konformement mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi anness, “[ħ]addiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u jwettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15      L-Artikolu 9(1) u (2) tal-Anness I tal-Ftehim tal-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, jipprovdi:

“1.      Ħaddiem impjegat li jkun ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax jiġi ttrattat b’mod differenti fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, minn ħaddiema impjegati nazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda.

2.      Il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom igawdu mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Il-Kapitolu III tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ħaddiema li jaħdmu għal rashom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jinkludi dispożizzjonijiet dwar ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

 Id-dritt Ġermaniż

17      Konformement mal-Artikolu 1(1) tal-Einkommensteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, BGB1. 2002 I, p. 4212), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi fiskali annwali, tad-19 ta’ Diċembru 2008, dwar is-sena fiskali 2009 (BGBI. 2009 I, p. 2794) (iktar ’il quddiem l-“EstG”), persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju nazzjonali huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat.

18      Il-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EstG jipprevedi li d-dħul minn attivitajiet imwettqa b’mod anċillari bħal persuna responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ korsijiet, trejner, edukatur, monitur jew attivitajiet komparabbli oħra mwettqa b’mod anċillari fis-servizz ta’ jew f’isem persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) huma eżenti mit-taxxa sal-ammont totali ta’ EUR 2 100 fis-sena.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konjuġi Radgen huma ċittadini Ġermaniżi li huma residenti fil-Ġermanja. Huma jiġu ntaxxati flimkien taħt it-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat Membru. Minn dan il-fajl jirriżulta wkoll li P. Radgen huwa suġġett għal taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat fl-imsemmi Stat Membru.

20      Matul is-sena 2009. P. Radgen wettaq attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fi stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku fl-Isvizzera. It-twettiq ta’ din l-attività kien suġġett għal kuntratt ta’ xogħol bejn P. Radgen u dan l-istabbiliment. Sabiex jagħti l-korsijiet tiegħu, P. Radgen kien imur Zürich, fl-Isvizzera, u wara kien jirritorna l-Ġermanja. Għal din l-attività huwa rċieva ammont ta’ CHF 4 095 (madwar EUR 2 702). Il-konjuġi Radgen kkunsidraw li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(26) tal-EstG kienet applikabbli għal din ir-remunerazzjoni.

21      Fl-avviż ta’ taxxa fuq id-dħul tiegħu għas-sena 2009, l-amministrazzjoni fiskali ssuġġettat dan l-ammont għat-taxxa fuq id-dħul wara li tnaqqas l-ammont dovut taħt din it-taxxa li tinġabar f’ras il-għajn mill-amministrazzjoni fiskali Svizzera, li tammonta għal EUR 121.44.

22      Il-konjuġi Radgeni ressqu lment kontra dan l-avviż. L-amministrazzjoni fiskali ċaħditu bħala infondat, għar-raġuni li r-rifjut li tingħata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(26) tal-EstG ma jikkostitwixxix ostakolu għall-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni.

23      Il-konjuġi Radgen ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il- Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja). Filwaqt li kklassifikat lil P. Radgen bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C-281/06, EU:C:2007:816) jistgħux ukoll jiġu applikati fil-kuntest ta’ dan il-ftehim.

24      F’dan il-kuntest, din il-qorti tenfasizza li, mill-perspettiva tad-dritt fiskali Ġermaniż, ma tagħmilx differenza jekk l-attività li għaliha qed tintalab l-eżenzjoni hija mwettqa bħala ħaddiem jaħdem għal rasu jew bħala impjegat. Barra minn hekk, il-qorti tqis li għalkemm is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C-281/06, EU:C:2007:816), ingħatat wara l-iffirmar tal-imsemmi ftehim, din is-sentenza sempliċement tiċċara l-istat ta’ dritt li kien jeżisti qabel l-iffirmar ta’ dan l-istess ftehim.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, partikolarment il-preambolu tiegħu, l-Artikoli 1, 2 ,4 ,11, 16 u 21 tiegħu kif ukoll l-Artikoli 7, 9 u 15 tal-Anness I tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu regola ta’ Stat Membru li tirrifjuta lil ċittadin suġġett għat-taxxa b’mod illimitat f’dan l-istat il-benefiċċju ta’ tnaqqis għal attività ta’ tagħlim b’mod anċillari, minħabba li din ma hijiex eżerċitata fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li fih japplika l-Ftehim [ŻEE], iżda fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li fih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Fl-ewwel lok, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar is-smigħ ta’ appelli u dik tal-Artikolu 15 tal-Anness I ta’ din ftehim dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

27      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħha ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-7 ta’ April 2016, KA Finanz, C-483/14, EU:C:2016:205, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, minn naħa, mill-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jirriżulta li dan l-artikolu jiggarantixxi lill-persuni koperti minn dan il-ftehim dritt ta’ appell fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim mal-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, ma jirriżultax mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan id-dritt ġie miċħud lill-konjuġi Radgen.

29      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-attività mwettqa minn P. Radgen fl-Isvizzera hija attività bħala persuna impjegata. L-Artikolu 15 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni japplika għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-persuni li jwettqu attività bħala persuna li taħdem għal rasha, P. Radgen ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni u dik tal-Artikolu 15 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, id-domanda preliminari, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija inammissibbli.

31      Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż iqis li P. Radgen ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, skont l-Artikolu 7 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. Min-naħa l-oħra, dan il-gvern ma jsostnix li P. Radgen, għat-twettiq tal-attività bħala impjegat, ma għamilx użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.

32      Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tiddefinixxi l-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-kawża quddiemha. Peress li l-qorti tar-rinviju kklassifikat, mingħajr ekwivoku, lil P. Radgen bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Anness I tal-imsemmi, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tibbaża ruħha fuq il-premessa li P. Radgen għandu din il-kwalità.

33      Fi kwalunkwe każ, ġaladarba huwa paċifiku li P. Radgen għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ persuna impjegata fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, jiġifieri l-Konfederazzjoni Svizzera, l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema impjegati ma jidhirx li hija ta’ natura ipotetika, b’tali mod li d-domanda preliminari, sa fejn din tirrigwarda din l-interpretazzjoni, hija ammissibbli.

34      Fil-fatt, il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jagħmel distinzjoni bejn il-ħaddiema tal-fruntiera impjegati f’artikolu wieħed biss, f’dan il-każ fl-Artikolu 7 tal-Anness I, u għal għan speċifiku, jiġifieri sabiex jiġu stabbiliti, kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan l-Anness, termini iktar favorevoli li jirrigwardawhom fil-qasam tad-dritt ta’ residenza minn dawk stabbiliti għall-ħaddiema impjegati oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser, C-13/08, EU:C:2008:774, punt 39).

 Fuq il-mertu

35      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema impjegati għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett għat-taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat, li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bħala persuna impjegata, meta tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE.

36      Kif jirriżulta mill-preambolu, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 16(2) tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex iwettaq, favur iċ-ċittadini tal-Unjoni u dawk tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim billi jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C-241/14, EU:C:2015:766, punt 40).

37      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li dan il-għan jinkludi, skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-imsemmi ftehim, dak li jingħata lil dawn iċ-ċittadini, fost oħrajn, id-dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika bi ħlas kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.

38      Għalhekk, l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għal attività ekonomika konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, fejn il-Kapitolu II ta’ dan l-anness jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati, b’mod partikolari dawk dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

39      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C-241/14, EU:C:2015:766, punt 47).

40      Dan l-Artikolu 9 jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu regola speċifika intiża sabiex il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu jgawdu mill-istess benefiċċji fiskali u soċjali bħal dawk disponibbli għall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom. Fil-qasam ta’ benefiċċji fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst taħt din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi invokat ukoll minn ħaddiem ċittadin ta’ parti kontraenti, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C-241/14, EU:C:2015:766, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, kif ġie indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li P. Radgen għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi wettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera. Minn dan isegwi li huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni u, għaldaqstant, jista’ jinvoka l-Artikolu 9 tal-Kapitolu II ta’ dan l-anness fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu.

42      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk P. Radgen ġarrabx żvantaġġ fiskali meta mqabbel ma’ ċittadini residenti Ġermaniżi oħra li jwettqu attività bħala persuna impjegata analoga għal tiegħu u li, kuntrarjament, iwettqu din l-attività fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fit-territorju nazzjonali, fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat Membru ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE.

43      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta lill-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li jwettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera d-dritt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul relatat mad-dħul minn din l-attività bħala persuna impjegata, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fit-territorju nazzjonali, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat Membru ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE, twassal għal differenza fit-trattament fiskali bejn persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi skont l-oriġini tad-dħul tagħhom.

44      Din id-differenza fit-trattament tista’ tiddiswadi lill-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu billi jwettqu attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera filwaqt li jkomplu jirrisjedu fl-Istat ta’ residenza tagħhom u, għalhekk, tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni.

45      Madankollu, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-Artikolu 21(2), ta’ dan il-ftehim li jippermetti l-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat, fil-qasam fiskali, għall-persuni taxxabbli li ma jinstabux f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-post tagħhom ta’ residenza.

46      Fit-tieni lok, meta l-persuni taxxabbli jsibu ruħhom f-sitwazzjoni paragunabbli, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu ggarantit mit-Trattat jirriżulta li differenza fit-trattament tista’ wkoll tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, EU:C:1993:125, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C-325/08, EU:C:2010:143, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi kunċett ta’ dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C-506/10, EU:C:2011:643, punt 26), sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza possibbli ta’ inugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, hemm lok, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jsir riferiment, b’analoġija, għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

48      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex allegat li persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li jwettqu attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera ma jinsabux, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li lilhom ingħatat l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49      Il-ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament tista’, għalhekk, tirrigwarda biss raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C-281/06, EU:C:2007:816) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, billi wettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari għal rashom f’università stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkomplu jirrisjedu fl-Istat ta’ residenza tagħhom, teżamina jekk id-differenza fit-trattament ipprojbit, bejn dawn il-persuni u dawk li jwettqu attività bħal din fit-territorju nazzjonali, li jirriżulta mill-punt 26 tal-Artikolu3 tal-EstG, tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C-281/06, EU:C:2007:816) li tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata bir-raġuni ta’ interess ġenerali marbuta mal-promozzjoni tat-tagħlim, tar-riċerka u tal-iżvilupp, billi dawn id-differenzi jaffettwaw il-libertà tal-għalliema li jwettqu l-attività b’mod anċillari tagħhom li jagħżlu l-post tas-servizzi tagħhom fi ħdan l-Unjoni qabel ma jkun ġie stabbilit li, sabiex jinkiseb l-għan allegat tal-promozzjoni tat-tagħlim, huwa neċessarju li jiġi rriżervat il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali rilevanti għall-persuni taxxabbli li jwettqu attività simili fl-universitajiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

52      Ġustifikazzjoni bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta man-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali Germaniża, fl-assenza tal-eżistenza ta’ rabta diretta, mill-perspettiva tas-sistema fiskali, bejn l-eżenzjoni fiskali ta’ indennizz għal spejjeż professjonali mħallsa minn universitajiet nazzjonali u kumpens għal dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika, ukoll ġiet eskluża mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 69 sa 71 ta’ din is-sentenza.

53      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punti 83 sa 88 tas-sentenza msemmija, minn naħa, li l-eżenzjoni fiskali prevista fil-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EStG ma hijiex miżura dwar il-kontenut tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, iżda miżura fiskali ta’ natura ġenerali li tagħti vantaġġ fiskali meta individwu jiddedika ruħu għal attivitajiet għall-benefiċċju tal-komunità. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom, fi kwalunkwe każ, fl-eżerċizzju tal-kompetenza u tar-responsabbiltà li huma għandhom sabiex jorganizzaw is-sistema edukattiva tagħhom, josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment. Minn dan isegwi li anki jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, hija xorta waħda tibqa’ inkompatibbli mat-Trattat sa fejn taffettwa l-għażla tal-għalliema li jwettqu l-attività tagħhom b’mod anċillari fir-rigward ta’ fejn joffru s-servizzi tagħhom.

54      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-fatt li l-attività inkwistjoni titwettaq minn persuna li qed taħdem għal rasha, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C-281/06, EU:C:2007:816), jew li hija impjegata, bħal ma huwa l-każ fil-kawża prinċipli, ma huwiex determinanti. Min-naħa l-oħra, fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni, f’dan il-każ il-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EstG, tista’ taffettwa l-għażla tal-persuni taxxabbli residenti li jwettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari f’dak li jirrigwarda l-post tat-twettiq ta’ din l-attività.

55      L-imsemmija kunsiderazzjonijiet huma wkoll konformi mal-għan tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni li, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, huwa li jwettaq favur ċittadini tal-Unjoni u dawk tal-Konfederazzjoni Svizzera l-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim, abbażi tad-dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni.

56      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiċħad l-għoti ta’ eżenzjoni lil persuni taxxabbli residenti li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu billi wettqu attività ta’ tagħlim bħala persuni impjegati b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, minħabba l-post tat-twettiq ta’ din l-attività, tistabbilixxi inugwaljanza fit-trattament mhux iġġustifikata u, għaldaqstant, hija kontra l-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema impjegati għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-dħul, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bi ħlas, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, dwar l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema impjegati għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-dħul, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bi ħlas, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.