Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Finanzgericht (Il-Ġermanja) fis-6 ta’ Novembru 2015 – Wallenborn Transports SA vs Hauptzollamt Gießen

(Kawża C-571/15)

(2016/C 090/05)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hessisches Finanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Wallenborn Transports SA

Konvenut: Hauptzollamt Gießen

Domandi preliminari

L-ewwel domanda:

Id-dispożizzjoni dwar il-VAT ta’ Stat Membru li tipprevedi li ż-żoni ħielsa suġġetti għall-kontrolli tat-tip I (portijiet ħielsa) ma jagħmlux parti mit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156 tad-Direttiva tal-VAT, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tal-imsemmija direttiva? (1)

Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv:

It-tieni mistoqsija:

Għall-oġġetti suġġetti għal dazji doganali, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa hija dovuta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ukoll meta jseħħ il-fatt taxxabbli u dawn id-dazji jkunu dovuti, meta l-fatt taxxabbli dwar dawn id-dazji u l-eżiġibbiltà tagħhom iseħħu f’żona ħielsa suġġetta għall-kontrolli tat-tip I u li d-dritt dwar il-VAT fl-Istat Membru li fih tappartjeni ż-żona ħielsa jipprevedi li l-imsemmija żoni ħielsa (portijiet ħielsa) ma jagħmlux parti mit-territorju nazzjonali?

Jekk it-tieni domanda tingħata riposta negattiva?

It-tielet domanda:

Għal merkanzija ttrasportata f’żona ħielsa suġġetta għal kontrolli tat-tip I skont il-proċedura ta’ tranżitu estern, mingħajr ma din il-proċedura tintemm fiż-żona ħielsa, peress li l-merkanzija titneħħa mis-sorveljanza doganali fiż-żona ħielsa, sabiex jinħoloq dejn doganali fir-rigward ta’ din il-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali (2), il-fatt taxxabbli iseħħ u t-taxxa issir dovuta fl-istess mument minħabba fatt taxxabbli ieħor, jiġifieri konformement mal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, peress li, qabel l-azzjoni li biha l-merkanzija tneħħiet mis-sorveljanza doganali, il-merkanzija ma tkunx ġiet ippreżentata f’wieħed mill-uffiċċji tad-dwana li jinsabu fit-territorju nazzjonali, kompetenti għaż-żona ħielsa, u li l-proċedura ta’ tranżitu ma ntemmitx hemmhekk?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)