Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

1.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/38


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales)(ir-Renju Unit) fl-24 ta’ Novembru 2015 – The Trustees of the BT Pension Scheme vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-628/15)

(2016/C 038/52)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Trustees of the BT Pension Scheme

Konvenuta: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-fatt li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation vs Commissioners of Inland Revenue [C-446/04, EU:C:2006:774] kienet li l-Artikoli 43 u 56 KE – li issa saru l-Artikoli 49 u 63 TFUE – jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpanniji residenti li jqassmu lill-azzjonisti tagħhom dividendi li joriġinaw minn dividendi ta’ oriġini barranija li huma jkunu rċevew il-possibbiltà li jagħżlu sistema li tippermettilhom jirkupraw it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bil-quddiem, iżda, minn naħa, tobbliga lil dawn il-kumpanniji jħallsu l-imsemmija taxxa bil-quddiem u jitolbu r-rimbors sussegwentement u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix kreditu ta’ taxxa għall-azzjonisti tagħhom, filwaqt li kienu jirċievu tali kreditu li kieku twettaq tqassim minn kumpannija residenti abbażi ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jagħti drittijiet lil dawn l-azzjonisti, kemm jekk taħt l-Artikolu 63 TFUE kif ukoll b’titolu ieħor, meta dawn ikunu l-benefiċċjarji tad-dividendi li l-kumpannija għażlet li tqassam billi tagħżel din is-sistema, b’mod partikolari meta l-azzjonist jirrisjedi fl-istess Stat Membru bħall-kumpannija li tqassam id-dividendi?

2)

Jekk l-azzjonist imsemmi fid-domanda 1 ma jkunx jista’ jinvoka huwa stess drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 63 TFUE, huwa jkun jista’ jinvoka ksur tad-drittijiet li l-Artikoli 49 u 63 TFUE jagħtu lill-kumpannija li tqassam id-dividendi?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda tkun li d-dritt tal-Unjoni jagħti drittijiet lill-azzjonist jew li dan jista’ jiġi invokat minn dan tal-aħħar, id-dritt tal-Unjoni jimponi kundizzjonijiet fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji li l-azzjonist għandu jkollu taħt id-dritt nazzjonali?

4)

Iċ-ċirkustanzi sussegwenti jaffettwaw ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi precedenti:

a)

l-azzjonist ma jkunx suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru fir-rigward tad-dividendi li huwa jirċievi, b’mod li fil-każ ta’ tqassim minn kumpannija residenti barra mis-sistema msemmija iktar ’il fuq, il-kreditu ta’ taxxa li l-azzjonist għandu dritt għalih bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun jista’ jagħti lok għall-ħlas ta’ dan il-kreditu lill-azzjonist mill-Istat Membru;

b)

il-qorti nazzjonali tqis li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jkunx serju biżżejjed sabiex l-Istat Membru jiġi obbligat jikkumpensa d-danni fir-rigward tal-kumpannija li tqassam id-dividendi, skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Brasserie du pêcheur SA vs Il-Ġermanja u The Queen vs Secretary of State for Transport, ex parte Factortame Limited et, [C-46/93C-48/93, EU:C:1996:79], jew

c)

f’ċerti każijiet biss, il-kumpannija li tqassam id-dividendi taħt is-sistema msemmija iktar ’il fuq setgħet żiedet l-ammont tad-distribuzzjonijiet tagħha lill-azzjonisti kollha b’mod li tħallas somma fi flus kontanti ekwivalenti għal dik li jkun kiseb azzjonist eżentat waqt il-ħlas ta’ dividendi barra minn din is-sistema?