Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

25.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fil-25 ta’ Frar 2016 – Skatteministeriet vs T Denmark

(Kawża C-116/16)

(2016/C 270/29)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Skatteministeriet

Konvenut: T Denmark

Domandi preliminari

1)

L-invokazzjoni minn Stat Membru tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva (1) fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbuż, tippreżupponi li l-Istat Membru inkwistjoni jkun adotta dispożizzjoni nazzjonali speċifika li timplementa l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, jew li d-dritt nazzjonali jinkludi dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali dwar il-frodi, l-abbuż u l-evażjoni fiskali li jistgħu jiġu interpretati skont l-Artikolu 1(2)?

1.1

Jekk id-domanda 1 tingħata risposta fl-affermativ, jista’ l-paragrafu 2(1)(c) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, li jipprovdi li “id-dividendi jgawdu minn eżenzjoni jew tnaqqis tat-tassazzjoni taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti” għalhekk jitqies bħala dispożizzjoni nazzjonali speċifika kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva?

2)

Dispożizzjoni f’konvenzjoni dwar it-taxxa doppja bejn żewġ Stati Membri u abbozzata skont il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, skont liema t-tassazzjoni ta’ dividendi mqassma tiddependi fuq jekk ir-riċevitur tad-dividendi jitqiesx li huwa s-sid benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi, tikkostitwixxi dispożizzjoni kontra l-abbuż koperta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva?

3)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermativ għad-domanda 2, huma mbagħad il-qrati nazzjonali li għandhom jiddefinixxu x’inhuwa inkluż fil-kunċett “sid benefiċjarju”, jew il-kunċett għandu jiġi interpretat, bl-applikazzjoni tad-Direttiva 90/435/KEE, fis-sens li għandu jirċievi definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja?

4)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermativ għad-domanda 2 u r-risposta għad-domanda 3 hija li ma humiex il-qrati nazzjonali li għandhom jiddefinixxu x’inhuwa inkluż fil-kunċett ta’ “sid benefiċjarju”, il-kunċett għandu f’dak il-każ jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, tirċievi dividendi minn sussidjarja fi Stat Membru ieħor, hija s-“sid benefiċjarju” ta’ dawk id-dividendi fis-sens li fih għandu jinftiehem dan il-kunċett fid-dritt tal-UE?

(a)

Il-kunċett ta’ “sid benefiċjarju” għandu jiġi interpretat skont il-kunċett korrispondenti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/49/KE (“Direttiva dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpanniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti”), moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva?

(b)

Il-kunċett għandu jiġi interpretat biss fid-dawl tal-kummentarju dwar l-Artikolu 10 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977 (paragrafu 12), jew jistgħu jiġu inkorporati kummentarji sussegwenti fl-interpretazzjoni, inklużi ż-żidiet magħmula fl-2003 rigward “kumpanniji conduit” u ż-żidiet magħmula fl-2014 dwar “obbligi kuntrattwali jew legali”?

(c)

X’importanza għandu għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevitur tad-dividendi għandux jitqies bħala “sid benefiċjarju” l-fatt li r-riċevitur tad-dividendi kellu obbligu kuntrattwali jew legali li jgħaddi l-interessi lil persuna oħra?

(d)

X’importanza għandu għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevitur tad-dividendi għandux jitqies bħala “sid benefiċjarju” l-fatt li l-qorti tar-rinviju, wara evalwazzjoni tal-fatti tal-każ, tikkonkludi li r-riċevitur – mingħajr ma kien obbligat kuntrattwalment jew legalment li jgħaddi l-interessi rċevuti lil persuna oħra – ma kellux id-dritt “sħiħ” ta’ “użufrutt” fuq l-interessi kif imsemmi fil-kummentarji tal-2014 fuq il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977?

5)

Jekk jingħad f’dan il-każ li hemm “dispożizzjonijiet domestiċi jew dawk imsejsa fuq ftehimijiet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-frodi jew l-abbuż”, ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435/KEE, li dividendi ġew imqassma minn kumpannija (A) residenti fi Stat Membru lil kumpannija omm (B) fi Stat Membru ieħor u minn hemm mgħoddija lill-kumpannija omm ta’ dik il-kumpannija (C), residenti barra mill-UE/ŻEE u li, min-naħa tagħha, ittrasferiethom lill-kumpannija omm tagħha (D), ukoll residenti barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE, li l-ebda konvenzjoni dwar it-taxxa doppja ma ġiet konkluża bejn l-Istat imsemmi l-ewwel u l-Istat fejn D hija residenti, u li l-Istat imsemmi l-ewwel, taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu, ma jkollux dritt li jintaxxa f’ras il-għajn dividendi mqassma minn A lil D, kieku D kien is-sid dirett ta’ A, hemm abbuż fis-sens tad-Direttiva b’tali mod li B ma tibbenefikax mill-protezzjoni li hija tagħti?

6)

Jekk kumpannija residenti fi Stat Membru (kumpannija omm) fil-fatt titqies li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435/KEE rigward dividendi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni skont liema l-Istat Membru tal-aħħar jintaxxa l-kumpannija omm residenti fi Stat Membru ieħor fuq id-dividendi, meta l-Istat Membru inkwistjoni jqis kumpanniji omm residenti f’ċirkustanzi simili bħala eżenti mit-taxxa fuq dawn it-tip ta’ dividendi?

7)

Jekk kumpannija residenti fi Stat Membru (kumpannija omm) fil-fatt titqies; li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435/KEE rigward dividendi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), u l-kumpannija omm fl-Istat Membru tal-aħħar titqies li għandha responsabbiltà limitata għat-taxxa f’dak l-Istat Membru fuq id-dividendi inkwistjoni, l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni skont liema l-Istat Membru tal-aħħar jeżiġi li l-kumpannija li hija responsabbli sabiex iżżomm it-taxxa f’ras il-għajn (sussidjarja) tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ talba għal ħlas pendenti tat-taxxa f’ras il-għajn b’rata ogħla ta’ interessi mir-rata tal-interessi moratorji li l-Istat Membru jżomm fuq it-talbiet ta’ taxxa fuq il-kumpanniji magħmula kontra kumpannija residenti fl-istess Stat Membru?

8)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermativ għad-domanda 2 u r-risposta għad-domanda 3 tkun li ma humiex il-qrati nazzjonali li għandhom jiddefinixxu x’inhuwa inkluż fil-kunċett ta’ “sid benefiċjarju”, u jekk kumpannija (kumpannija omm) residenti fi Stat Membru ma tistax, fuq din il-bażi, titqies bħala eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn skont id-Direttiva 90/435/KEE rigward dividendi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), l-Istat Membru tal-aħħar huwa f’dak il-każ obbligat skont id-Direttiva 90/435/KEE jew l-Artikolu 4(3) TFUE li jindika liema persuna jew entità huwa jqis bħala s-sid benefiċjarju?

9)

Jekk kumpannija residenti fi Stat Membru (kumpannija omm) fil-fatt titqies li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn taħt id-Direttiva 90/435/KEE rigward dividendi rċevuti minn kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor (sussidjarja), l-Artikolu 49 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE (b’mod alternattiv, l-Artikolu 63 TFUE), meqjusa separatament jew b’mod sħiħ, jipprekludu leġiżlazzjoni skont liema:

(a)

l-Istat Membru tal-aħħar jitlob li s-sussidjarja żżomm it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi u jirrendi lil dik il-persuna responsabbli lejn l-awtoritajiet għat-taxxa f’ras il-għajn mhux miġbura, fejn ma hemm l-ebda dmir li tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn meta l-kumpannija omm tkun residenti fl-Istat Membru?

(b)

l-Istat Membru tal-aħħar jikkalkola l-interessi moratorji fuq it-taxxa f’ras il-għajn dovuta?

Għar-risposta għad-domanda 9, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti għad-domandi 6 u 7.

10)

F’ċirkustanzi fejn:

(1)

kumpannija (kumpannija omm) residenti fi Stat Membru tissodisfa r-rekwiżit fid- Direttiva 90/435/KEE li jkollha (fl-2011) mill-inqas 10 % tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija (sussidjarja) residenti fi Stat Membru ieħor;

(2)

il-kumpannija omm fil-fatt titqies li ma hijiex eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435/KEE rigward dividendi mqassma mis-sussidjarja;

(3)

l-azzjonist(i) (diretti jew indiretti) tal-kumpannija omm, residenti f’pajjiż mhux fl-UE/ŻEE, huma meqjusa li huma s-sid(ien) benefiċjarji tad-dividendi inkwistjoni;

(4)

l-azzjonisti (diretti jew indiretti) imsemmija hawn fuq jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit rigward kapital hawn fuq imsemmi;

l-Artikolu 63 TFUE f’dak il-każ jipprekludi leġiżlazzjoni skont liema l-Istat Membru fejn is-sussidjarja hija residenti jintaxxa d-dividendi inkwistjoni meta dan l-istess Stat Membru jqis li kumpanniji residenti li jissodisfaw ir-rekwiżit rigward kapital li jinsab fid-Direttiva 90/435/KEE, jiġifieri, fis-sena fiskali 2011 iżommu mill-inqas 10 % tal-kapital azzjonarju fil-kumpannija li qed tqassam id-dividendi, huma eżenti mit-taxxa fuq dawn id-dividendi?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147.)