Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja) fl-20 ta’ Ottubru 2016 – Volkswagen AG vs Finančné riaditeľstvo SR

(Kawża C-533/16)

(2017/C 022/08)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd Slovenskej republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Volkswagen AG

Konvenuta: Finančné riaditeľstvo SR

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva 2008/9 (1) u d-dritt għar-rimbors tat-taxxa għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tal-VAT jeżiġi neċessarjament li jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri

i)

il-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz, u

ii)

l-applikazzjoni tal-VAT mill-fornitur fuq il-fattura.

Fi kliem ieħor, huwa possibbli li r-rimbors tat-taxxa jintalab mill-persuna taxxabbli li fir-rigward tagħha ma tkunx ġiet applikata l-VAT permezz ta’ fattura?

2)

Il-fatt li t-terminu għar-rimbors tat-taxxa jiġi kkalkolat minn mument li fih ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi għall-applikazzjoni tad-dritt għar-rimbors tat-taxxa huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew ta’ newtralità tal-VAT?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 167 u tal-Artikolu 178(a) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali neċessarji għall-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa, jipprekludu li l-awtoritajiet fiskali jirrifjutaw li jagħtu lil persuna taxxabbli d-dritt għar-rimbors tat-taxxa eżerċitat fit-terminu previst mid-Direttiva 2008/9, liema taxxa tkun ġiet applikata fir-rigward tagħha mill-fornitur fuq il-fattura u tkun inġabret minn dan tal-aħħar qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit mid-dritt nazzjonali?

4)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huma prinċipji fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, l-awtoritajiet Slovakki eċċedew il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan iddefinit mid-Direttiva tal-VAT sa fejn irrifjutaw li jagħtu lill-persuna taxxabbli d-dritt għar-rimbors tat-taxxa mħallsa għar-raġuni li t-terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt nazzjonali għar-rimbors tat-taxxa kien skada meta, matul id-dekorrenza ta’ dan it-terminu, il-persuna taxxabbli ma setgħetx teżerċita d-dritt tagħha għar-rimbors tat-taxxa u minkejja li t-taxxa kienet inġabret korrettament u r-riskju ta’ frodi fiskali jew ta’ nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa kien ġie totalment eskluż?

5)

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u d-dritt għal amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skontha, għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għar-rimbors tat-taxxa, hija d-data tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali dwar ir-rimbors tat-taxxa li hija determinanti, u mhux id-data tal-eżerċizzju mill-persuna taxxabbli tad-dritt għar-rimbors tat-taxxa?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23).