Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

27.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fil-5 ta’ Diċembru 2016 – Kreuzmayr GmbH

(Kawża C-628/16)

(2017/C 095/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kreuzmayr GmbH

Domandi preliminari

Domanda 1:

F’sitwazzjonijiet bħal dik tal-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli X1 tiddisponi minn oġġetti maħżuna fl-Istat Membru A, fejn X1 biegħ dawn l-oġġetti lil persuna taxxabbli X2 u fejn X2 informa lil X1 bl-intenzjoni tiegħu li jittrasporta l-oġġetti fl-Istat Membru B filwaqt li ppreżenta lil X1 in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu maħruġ mill-Istat Membru B,

u fejn X2 biegħ mill-ġdid dawn l-oġġetti lil persuna taxxabbli X3 filwaqt li ftiehem ma’ dan tal-aħħar li X3 għandu jipprovdi t-trasport jew jittrasporta dawn l-oġġetti mill-Istat Membru A lejn l-Istat Membru B, fejn X3 pprovda t-trasport jew ittrasporta l-oġġetti mill-Istat Membru A lejn l-Istat Membru B u fejn X3 diġà seta’ jiddisponi mill-oġġetti bħala proprjetarju fl-Istat Membru A,

iżda fejn X2 ma informax lil X1 li huwa kien diġà biegħ mill-ġdid l-oġġetti qabel ma’ dawn telqu mill-Istat Membru A,

u fejn X1 ma setax ikun jaf li ma huwiex X2 li għandu jipprovdi t-trasport jew jittrasporta l-oġġetti mill-Istat Membru A lejn l-Istat Membru B,

id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-kunsinna li ssir minn X1 lil X2 huwa ddeterminat skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2006/112/KE (1), b’mod li l-kunsinna li ssir minn X1 lil X2 tkun kunsinna intra-Komunitarja (imsejħa bi trasport)?

Domanda 2:

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li X3 jista’, madankollu, inaqqas bħala VAT tal-input il-VAT tal-Istat Membru B iffaturata lilu minn X2, sa fejn X3 juża l-oġġetti inkwistjoni għall-finijiet tal-operazzjonijiet taxxabbli tiegħu fl-Istat Membru B u sa fejn ma jistax jiġi akkużat b’użu abbużiv tat-tnaqqis tal-VAT tal-input?

Domanda 3:

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 u jekk X1 isir jaf sussegwentement li X3 pprovda t-trasport u li huwa seta’ diġà jiddisponi mill-oġġetti bħala proprjetarju fl-Istat Membru A, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsinna li ssir minn X1 lil X2 titlef retroattivament il-kwalità tagħha ta’ kunsinna intra-Komunitarja (li għandha għalhekk tiġi kklassifikata retroattivament bħala kunsinna msejħa mingħajr trasport)?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).