Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi – Klawżola ta’ standstill – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tirrigwarda kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi – Emenda ta’ din il-leġiżlazzjoni, segwita bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni preċedenti – Dħul ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li joriġina miż-żamma ta’ krediti ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru – Inklużjoni ta’ tali dħul fil-bażi taxxabbli ta’ persuna taxxabbli li għandha r-residenza fiskali tagħha fi Stat Membru – Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C-135/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

X GmbH

vs

Finanzamt Stuttgart – Körperschaften,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.-C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X GmbH, minn K. Weber u D. Pohl, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, E. de Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Zettergren u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 64 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u l-Finanzamt Stuttgart - Körperschaften (iċ-Ċentru tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Stuttgart – Dipartiment tal-Persuni Ġuridiċi, il-Ġermanja) dwar l-inklużjoni tad-dħul magħmul minn Y, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru miżmuma 30 % minn X, fil-bażi taxxabbli ta’ din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Ir-raba’ parti tal-Gesetz über die Besteuerung bei Auslandsbeziehungen (il-Liġi dwar it-Tassazzjoni fil-Każ ta’ Relazzjonijiet Barranin), tat-8 ta’ Settembru 1972 (BGBl. 1972 I, p. 1713), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AStG 2006”), bit-titolu “Ishma f’kumpanniji intermedjarji barranin”, tinkludi l-Artikoli 7 sa 14 ta’ din il-liġi.

4        Skont l-Artikolu 7(1) tal-AStG 2006, “kumpannija barranija” hija ddefinita bħala “persuna ġuridika, grupp ta’ persuni jew fond, fis-sens tal-Körperschaftsteuergesetz [(il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji)], li la l-ġestjoni tiegħu u lanqas is-sede tiegħu ma jinsabu fil-Ġermanja u li ma huwiex eskluż mill-issuġġettar għat-taxxa fuq il-kumpanniji skont l-Artikolu 3(1) [ta’ din l-aħħar liġi]”. Skont dan l-istess Artikolu 7(1), meta persuni suġġetti b’mod illimitat għat-taxxa jkollhom sehem ta’ iktar minn nofs tal-kapital ta’ tali kumpannija, id-dħul li fir-rigward tiegħu din il-kumpannija hija kumpannija intermedjarja, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-AStG 2006, għandu jiġu intaxxat fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni għall-ammont li jikkorrispondi għas-sehem li għandu jiġi attribwit lilha fil-kapital nominali ta’ din il-kumpannija.

5        L-Artikolu 7(6) tal-AStG 2006 jipprovdi:

“Jekk kumpannija barranija hija kumpannija intermedjarja għal dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit fis-sens tal-paragrafu (6a) u jekk persuna suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa jkollha f’din il-kumpannija sehem ta’ mill-inqas 1 %, dan id-dħul intermedjarju huwa intaxxat fir-rigward ta’ din il-persuna bil-mod kif iddefinit fil-paragrafu (1), anki jekk il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan il-paragrafu ma jiġux issodisfatti. [...]”

6        L-Artikolu 7(6a) tal-AStG 2006 jipprevedi:

“Id-dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit huwa dħul tal-kumpannija intermedjarja barranija [...] li joriġina mid-detenzjoni, mill-amministrazzjoni, miż-żamma jew miż-żieda fil-valur ta’ mezzi ta’ ħlas, ta’ krediti, ta’ titoli, ta’ ishma (bl-eċċezzjoni tad-dħul imsemmi fil-punti 8 u 9 tal-Artikolu 8(1)) jew ta’ assi simili, sakemm il-persuna taxxabbli ma tistabbilixxix li dan joriġina minn attività konkorrenti għal attività proprja tal-kumpannija barranija li taqa’ taħt il-punti 1 sa 6 tal-Artikolu 8(1) [...]”

7        Skont l-Artikolu 8(1) tal-AStG 2006, kumpannija stabbilita f’pajjiż terz għandha titqies bħala “kumpannija intermedjarja” għad-dħul li huwa suġġett għal tassazzjoni baxxa u li ma joriġinax mill-attivitajiet ekonomiċi elenkati fil-punti 1 sa 10 ta’ dan il-paragrafu. Skont dawn tal-aħħar, huma esklużi mill-kunċett ta’ “kumpannija intermedjarja” il-kumpanniji li jirċievu dħul li joriġina, bla ħsara għal diversi eċċezzjonijiet u kjarifiki, mill-attivitajiet tal-agrikoltura u tal-forestrija, mill-manifattura, mill-ipproċessar, mit-trasformazzjoni jew mill-immontar ta’ oġġetti, mill-produzzjoni ta’ enerġija, mit-tfittxija u mill-estrazzjoni ta’ minerali, mill-operazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu jew ta’ impriżi tal-assigurazzjoni, mill-kummerċ, mill-provvista ta’ servizzi, mill-kiri, miż-żieda jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni permezz ta’ self, ta’ kapital li fir-rigward tiegħu l-persuna taxxabbli tista’ turi li dan żdied biss fi swieq ta’ kapital barranin u mhux fi ħdan persuna relatata mal-persuna taxxabbli jew mal-kumpannija barranija, mid-distribuzzjonijiet ta’ profitti ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, mit-trasferiment ta’ sehem miżmum f’kumpannija oħra kif ukoll mix-xoljiment tagħha jew mit-tnaqqis tal-kapital tagħha, u mit-trasformazzjonijiet ta’ kumpanniji.

8        Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kumpannija intermedjarja stabbilita f’pajjiż terz, l-Artikolu 8(3) tal-AStG 2006 jiddefinixxi tassazzjoni tal-profitti bħala “baxxa” meta din tkun inqas minn 25 %.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li X, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, kellha, matul il-perijodu li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, sehem ta’ 30 % f’Y, kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede u t-tmexxija tagħha fl-Isvizzera. F’Ġunju 2005, Y ikkonkludiet “kuntratt ta’ xiri mill-ġdid u ta’ trasferiment ta’ krediti” ma’ Z GmbH, kumpannija ta’ amministrazzjoni ta’ drittijiet sportivi stabbilita fil-Ġermanja.

10      Il-krediti hekk ittrasferiti lil Y kienu bbażati fuq kuntratti li permezz tagħhom Z kienet tagħti sussidji mhux rimborsabbli lil klabbs sportivi, u b’hekk kienet tipprovdi likwidità lil dawn il-klabbs, u inkambju hija kienet tingħata “ishma fil-profitti” li l-ammont minimu tagħhom kien jikkorrispondi għall-ammont imħallas minn Z bħala sussidji, għalkemm dan l-ammont jista’ jkun ikbar skont b’mod partikolari l-prestazzjoni sportiva tal-klabb ikkonċernat u d-dħul tiegħu li joriġina, b’mod partikolari, mid-drittijiet ta’ xandir.

11      Y ħallset lil Z, bħala l-prezz tax-xiri għat-trasferiment tal-krediti inkwistjoni, ammont ta’ EUR 11 940 461, li għalih hija kienet kompletament irrikorriet għal finanzjament estern. F’Novembru 2005, X tat lil Y self li jammonta għal EUR 2.8 miljuni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Jannar 2007, iċ-Ċentru tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Stuttgart – Dipartiment tal-Persuni Ġuridiċi ddikjara li X kienet irċeviet dħul li joriġina mill-attività passiva ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz. Peress li, skont dan iċ-ċentru, Y kellha tiġi kklassifikata bħala kumpannija intermedjarja għal “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens tal-Artikolu 7(6) u (6a) tal-AStG 2006, parti mid-dħul magħmul minn Y permezz tal-krediti miksuba mingħand Z ġiet inkluża fil-bażi taxxabbli ta’ X, li l-profitt tagħha għas-sena 2006 kien ġie kkalkolat għal EUR 546 651, li minnu seta’ jitnaqqas telf ta’ EUR 95 223 stabbilit għas-sena preċedenti.

13      X ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), li madankollu ċaħdet dan ir-rikors.

14      Sussegwentement għal din iċ-ċaħda, X appellat quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja). Skont din il-qorti, huwa paċifiku li Y kienet għal X “kumpannija intermedjarja” u li d-dħul magħmul minn Y b’riżultat tal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ krediti kien “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens tal-Artikolu 7(6) u tal-Artikolu 8(1) tal-AStG 2006. Peress li X kellha iktar minn 1 % tal-kapital azzjonarju ta’ din l-aħħar kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, kien, b’mod korrett, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li l-imsemmi dħul, rċevut minn Y, kien ġie inkluż fil-bażi taxxabbli ta’ X pro rata mas-sehem tagħha f’din il-kumpannija. Għaldaqstant, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, l-appell ta’ X minn din id-deċiżjoni tal-1 ta’ Jannar 2007 huwa infondat.

15      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, madankollu, li l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-ishma li persuni taxxabbli Ġermaniżi għandhom f’kumpanniji stabbiliti f’pajjiżi terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħux jiksru l-Artikolu 63(1) TFUE, li jipprovdi, b’mod partikolari, li kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi hija pprojbita.

16      Qabel ma tittratta l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 63 TFUE, din il-qorti tfakkar, madankollu, li, skont il-klawżola ta’ standstill, li tinsab fl-Artikolu 64(1) TFUE, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 63 TFUE ma tippreġudikax “l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta’ l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi”, meta dan il-moviment jinvolvi, b’mod partikolari, investimenti diretti. Abbażi tal-premessa li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi investiment dirett f’pajjiż terz, f’dan il-każ l-Isvizzera, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, minn qabel, jekk ir-regoli nazzjonali dwar il-kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi, applikabbli matul is-sena fiskali inkwistjoni, kellhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjoni “li [tkun t]eżist[i] fil-31 ta’ Diċembru 1993”, peress li dawn ir-regoli ġew emendati sussegwentement għal din id-data.

17      F’dan ir-rigward, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tispjega li dawn ir-regoli, hekk kif kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993, kienu ġew emendati, b’mod partikolari, permezz tal-Gesetz zur Senkung der Steuersätze und zur Reform der Unternehmensbesteuerung (il-Liġi li Tnaqqas it-Taxxa u li Tirriforma t-Tassazzjoni tal-Impriżi), tat-23 ta’ Ottubru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1433, iktar ’il quddiem l-“iStSenkG 2000”) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Din il-qorti tindika li l-iStSenkG 2000 “biddlet sostanzjalment” ir-regoli eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, iżda hija tispjega li l-emendi hekk magħmula madankollu tħassru ftit wara permezz tal-Gesetz zur Fortentwicklung Unternehmenssteuerrechts ta’ l-iżvilupp (il-Liġi dwar l-Evoluzzjoni tat-Tassazzjoni tal-Impriżi), tal-20 ta’ Diċembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3858, iktar ’il quddiem l-“UntStFG 2001”), li daħlet fis-seħħ fuq dan il-punt fil-25 ta’ Diċembru 2001 u li, fir-rigward tas-sistema fiskali tal-kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiż terz, tinvolvi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital relatat ma’ investimenti diretti essenzjalment identika għal dik li tirriżulta mir-regoli eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993. Sa fejn l-emendi introdotti permezz tal-iStSenkG 2000 setgħu jwasslu, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, għal inklużjoni ta’ “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit” fil-bażi fiskali ta’ persuna taxxabbli residenti biss mis-sena 2002, it-tħassir tagħhom seħħ qabel ma l-imsemmija emendi setgħu jippermettu lill-amministrazzjoni fiskali twettaq tali inklużjoni.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) titlob interpretazzjoni tal-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, taħt żewġ aspetti.

19      Fl-ewwel lok, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE tippermettix l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment tal-kapital bejn Stat Membru u pajjiż terz li jirrigwarda investimenti diretti, minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni kien ġie estiż wara l-31 ta’ Diċembru 1993 sabiex ikopri wkoll investimenti oħra, b’mod partikolari dawk hekk imsejħa “ta’ portafoll”. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 7(6) tal-AStG 2006, fil-verżjoni li tirriżulta mill-UntStFG 2001, naqqset b’mod partikolari l-livell ta’ sehem fil-kumpannija intermedjarja stabbilita f’pajjiż terz meħtieġ għal tali inklużjoni minn 10 % għal 1 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija. Issa, peress li din l-emenda ma tirrigwardax, bħala prinċipju, investimenti diretti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klawżola ta’ standstill tista’ xorta waħda tapplika fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

20      It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-Artikolu 64(1) TFUE tirrigwarda l-iskop ratione temporis tal-emendi sinjifikattivi magħmula permezz tal-iStSenkG 2000 lir-regoli dwar id-“dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”. Dawn l-emendi daħlu fis-seħħ, iżda setgħu jwasslu għal inklużjoni ta’ dħul intermedjarju fil-bażi taxxabbli ta’ persuna taxxabbli residenti biss minn data sussegwenti għal dik li fiha l-imsemmija emendi tħassru permezz tal-UntStFG 2001. Madankollu, l-emenda tas-sitwazzjoni ġuridika eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 saret, għalkemm temporanjament, parti integrali mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u setgħet, b’hekk, interrompiet il-validità tar-regoli restrittivi eżistenti f’dik id-data. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-garanzija ta’ żamma ta’ restrizzjoni nazzjonali għall-moviment liberu tal-kapital eżistenti sal-31 ta’ Diċembru 1993 tistax tintemm esklużivament minħabba l-effett leġiżlattiv formali ta’ leġiżlazzjoni li temenda, jew jekk din il-leġiżlazzjoni għandhiex ukoll tkun ġiet effettivament implimentata fil-prattika.

21      Fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taqax taħt il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, minħabba wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti u għandha, għaldaqstant, tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita taħt l-Artikolu 63(1) TFUE u, f’dan il-każ, jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-kwistjoni dwar it-tassazzjoni tad-dħul tal-kumpanniji intermedjarji fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), iżda li din il-kawża kienet taqa’ fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u mhux f’dak tal-moviment liberu tal-kapital, applikabbli wkoll għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk il-prinċipji stabbiliti f’din l-aħħar sentenza fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment kellhom jiġu trasposti mingħajr ebda riżerva għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tkun tikser l-Artikolu 63(1) TFUE. Fil-fatt, skont din il-leġiżlazzjoni, l-inklużjoni ta’ “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit” fil-bażi taxxabbli ta’ azzjonist residenti fil-Ġermanja ma sseħħx biss fil-każ ta’ arranġamenti purament artifiċjali li l-għan tagħhom huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali, fis-sens tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544). Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun tapplika indipendentement mill-funzjoni ekonomika tal-kumpannija intermedjarja u l-azzjonist ikkonċernat ma jkollux l-opportunità jistabbilixxi u juri lill-awtoritajiet fiskali l-bażi ekonomika tal-impenn tiegħu f’pajjiż terz.

23      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment stabbiliti fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), japplikawx għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u, jekk ikun il-każ, liema rekwiżiti ta’ natura kwalitattiva u kwantitattiva għandu, f’dan il-kuntest, jissodisfa s-sehem f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz sabiex dan ma jitqiesx bħala “purament artifiċjali”.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1.      L-Artikolu 57(1) KE [li sar l-Artikolu 64(1) TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li restrizzjoni fi Stat Membru, fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, fir-rigward ta’ moviment ta’ kapital minn u lejn pajjiżi terzi, li tinvolvi [jinvolvi] investimenti diretti, ma hijiex prekluża mill-Artikolu 56 KE (issa l-Artikolu 63 TFUE) lanqas fil-każ fejn dispożizzjoni nazzjonali, fis-seħħ fid-data ta’ riferiment, li kienet tirrestrinġi l-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi, kienet essenzjalment tapplika biss għal investimenti diretti, iżda sussegwentement ġiet estiża sabiex tkopri wkoll parteċipazzjonijiet [ishma] ta’ portafoll f’kumpanniji barranin [ta’] inqas mil-limitu ta’ 10 %?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993, li tirrestrinġi l-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi, li tinvolvi investimenti diretti, u li kienet essenzjalment tapplika biss għal investimenti diretti, il-fatt li tapplika dispożizzjoni sussegwenti, li essenzjalment tikkorrispondi għar-restrizzjoni eżistenti fid-data ta’ riferiment, iżda li r-restrizzjoni eżistenti fid-data ta’ riferiment tkun ġiet suġġetta, wara din id-data u matul perijodu qasir, għal modifika sostanzjali minn liġi li, minkejja li daħet fis-seħħ legalment, qatt ma tkun ġiet applikata fil-prattika peress li ġiet issostitwita, qabel ma setgħet tapplika għall-ewwel darba għal każ speċifiku, b’dispożizzjoni li hija applikabbli preżentement?

3.      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal waħda miż-żewġ domandi: l-Artikolu 56 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ammont taxxabbli ta’ persuna taxxabbli stabbilita f’dan l-Istat Membru, u li għandha parteċipazzjoni [sehem] ta’ mill-inqas ta’ 1 % f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ l-Isvizzera), tinkludi, f’perċentwali pro rata tal-parteċipazzjoni miżmuma, id-dħul pożittiv miksub minn din il-kumpannija li joriġina minn investimenti tal-kapital, meta tali dħul ikun intaxxat b’rata iktar baxxa minn dik fl-Istat Membru msemmi l-ewwel?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 63(1) TFUE ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, li essenzjalment kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, minkejja li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni kienet ġiet estiża, wara din id-data, għall-ishma li ma jinvolvux investiment dirett.

26      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Moviment tal-kapital kopert minn din id-dispożizzjoni jinkludi, b’mod partikolari, l-investimenti diretti fil-forma ta’ sehem f’impriża permezz taż-żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u fil-kontroll tagħha (investimenti magħrufa bħala “diretti”) u l-akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapital magħmul bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (investimenti msejħa “ta’ portafoll”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-282/04 u C-283/04, EU:C:2006:608, punti 18 u 19, u l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapore), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 80 u 227).

27      Madankollu, skont l-Artikolu 64(1) TFUE, Stat Membru jista’ japplika, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi terzi, restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk dawn imorru kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63(1) TFUE, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet kienu diġà jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 187; tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, EU:C:2007:297, punt 39, u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 86).

28      Sa fejn il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, tipprovdi li “[l]-Artikolu 63 ma jippreġudika[x] l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta’ l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett [...]”, mill-kliem tagħha stess jirriżulta li r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, lejn jew minn pajjiżi terzi, li jinvolvi investimenti diretti, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-klawżola. Min-naħa l-oħra, investimenti ta’ portafoll ma humiex inklużi fost il-moviment ta’ kapital imsemmi f’din il-klawżola.

29      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li X kellha, matul is-sena fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sehem ta’ 30 % f’Y, sehem li l-qorti tar-rinviju tikklassifika bħala investiment dirett, u, min-naħa l-oħra, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie estiż wara l-31 ta’ Diċembru 1993, b’tali mod li din ma tkoprix biss l-ishma ta’ iktar minn 10 % fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, iżda wkoll l-ishma ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ tali kumpanniji, ishma li din il-qorti tikklassifika bħala investiment ta’ portafoll.

30      Issa, sabiex tkun tapplika l-klawżola ta’ standstill prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, ma huwiex neċessarju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi tkun tirrigwarda esklużivament il-moviment tal-kapital li għalih isir riferiment f’din id-dispożizzjoni.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tapplika mhux biss għall-moviment tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 64(1) TFUE, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet oħra ma huwiex ta’ natura li jipprekludi l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ standstill fiċ-ċirkustanzi li hija tkopri. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-klawżola ma jiddependix mill-għan speċifiku ta’ restrizzjoni nazzjonali, iżda mill-effett ta’ din tal-aħħar fuq il-moviment tal-kapital li għalih isir riferiment fl-Artikolu 64(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, X, C-317/15, EU:C:2017:119, punti 21 u 22).

32      Għaldaqstant, l-Artikolu 63(1) TFUE ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali u li tirrigwarda il-moviment tal-kapital kopert mill-Artikolu 64(1) TFUE, bħal, b’mod partikolari, investiment dirett, lejn jew minn pajjiżi terzi, minkejja estensjonijiet possibbli, wara din id-data, tal-portata tal-leġiżlazzjoni li minnha tirriżulta din ir-restrizzjoni għal tipi oħra ta’ moviment tal-kapital, bħal investimenti ta’ portafoll.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-emenda introdotta permezz tal-UntStFG 2001 li tipprevedi t-tnaqqis tal-livell ta’ sehem minn 10 % għal 1 % fil-kapital tal-kumpanniji kkonċernati, minkejja li setgħet twassal għall-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ta’ investimenti li ma humiex investimenti diretti, ma jistax ikollu effett fuq il-possibbiltà, għall-Istat Membru kkonċernat, li jkompli japplika, għall-pajjiżi terzi, restrizzjonijiet eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 taħt id-dritt nazzjonali, sakemm dawn jirrigwardaw moviment tal-kapital kopert mill-Artikolu 64(1) TFUE.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 63(1) TFUE ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, li essenzjalment kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, minkejja li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni kienet ġiet estiża, wara din id-data, għall-ishma li ma jinvolvux investiment dirett.

 Fuq it-tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 63(1) TFUE tapplika għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, meta l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li minnha tirriżulta din ir-restrizzjoni kienet ġiet, wara l-31 ta’ Diċembru 1993, emendata sostanzjalment minħabba l-adozzjoni ta’ liġi li daħlet fis-seħħ, iżda li ġiet issostitwita, anki qabel ma ġiet applikata fil-prattika, b’leġiżlazzjoni essenzjalment identika għal dik applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1993.

36      Hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, tippermetti, b’deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital stabbilit fit-Trattat FUE, l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ moviment tal-kapital, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu “restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993”.

37      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993” imsemmi fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandu jitfakkar li kull dispożizzjoni nazzjonali adottata wara dik id-data ma hijiex, minħabba dan il-fatt biss, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja prevista f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jistgħu jiġu assimilati ma’ tali restrizzjonijiet “li jkunu jeżistu” dawk previsti minn dispożizzjonijiet adottati wara din id-data li, essenzjalment, huma identiċi għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li jillimitaw ruħhom inaqqsu jew ineħħu ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ moviment stabbiliti f’din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punti 189 u 192; tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, EU:C:2007:297, punt 41, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 49).

38      Għalkemm il-klawżola ta’ standstill prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE għaldaqstant tawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw restrizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-klawżola mingħajr limitu ta’ żmien, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jinżammu intatti fir-rigward tas-sustanza tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993” jippreżupponi li l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ r-restrizzjoni inkwistjoni kien jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat b’mod mhux interrott minn dik id-data ’l quddiem (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 48; tal-5 ta’ Mejju 2011, Prunus u Polonium, C-384/09, EU:C:2011:276, punt 34, u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 81).

39      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema derogatorja stabbilita mill-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, ma tistax tapplika għad-dispożizzjonijiet, adottati minn Stat Membru, li, filwaqt li huma essenzjalment identiċi għal leġiżlazzjoni li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993, introduċew mill-ġdid ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital li, wara t-tħassir tal-leġiżlazzjoni preċedenti jew wara l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jemendaw il-loġika li fuqha kienet ibbażata din il-leġiżlazzjoni, ma kienx għadu jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 192; tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 49, u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punti 87 u 88).

40      Fil-fatt, hemm lok li jitqies li, meta jsir tali tħassir jew emenda, l-Istat Membru kkonċernat jirrinunzja għall-possibbiltà li huwa kellu, skont l-Artikolu 64(1) TFUE, li jkompli japplika fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi ċerti restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital li kienu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punti 86 sa 88).

41      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE tippreżupponi, mhux biss iż-żamma tal-kontenut sostantiv essenzjali tar-restrizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kontinwità ratione temporis ta’ din ir-restrizzjoni. Fil-fatt, li kieku ma kienx meħtieġ li r-restrizzjonijiet permessi skont il-klawżola ta’ standstill prevista f’din id-dispożizzjoni jkunu jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat b’mod mhux interrott mill-31 ta’ Diċembru 1993, Stat Membru jkun jista’, fi kwalunkwe mument, jintroduċi mill-ġdid ir-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, li kienu jeżistu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali f’dik id-data, iżda li ma nżammewx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 48; tal-5 ta’ Mejju 2011, Prunus u Polonium, C-384/09, EU:C:2011:276, punt 34, u tal-24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C-464/14, EU:C:2016:896, punt 81).

42      Barra minn hekk, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet li leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tissodisfa sabiex titqies bħala li “[tkun t]eżist[i]” fil-31 ta’ Diċembru 1993 minkejja emenda tal-kuntest ġuridku nazzjonali wara din id-data għandhom, huma wkoll, jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, EV, C-685/16, EU:C:2018:743, punti 80 u 81).

43      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993, kienet ġiet emendata wara dik id-data. Madankollu, hekk kif ġie indikat, b’mod partikolari, fil-punti 17 u 20 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-emendi magħmula għall-kuntest ġuridiku eżistenti f’dik id-data permezz tal-iStSenkG 2000 tħassru xi żmien wara l-adozzjoni tagħhom bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-UntStFG 2001.

44      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-iStSenkG 2000 ħassret id-dispożizzjonijiet li minnhom tirriżulta r-restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tidher madankollu li tqis li l-emendi għal-leġiżlazzjoni preċedenti permezz ta’ din il-liġi, minn tal-inqas, emendaw il-loġika li fuqha din il-leġiżlazzjoni kienet ibbażata. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssostni, f’dan ir-rigward, li, permezz tal-adozzjoni l-iStSenkG 2000, il-leġiżlatur Ġermaniż sostanzjalment irriforma s-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji u tal-azzjonisti tagħhom, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiż terz, imfassla fuq din is-sistema ġenerali, li kienet, fil-fehma tagħha, ġiet “sostanzjalment mibdula”.

45      Jekk wieħed jassumi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-tibdiliet hekk magħmula fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tal-iStSenkG 2000 kienu effettivament emendaw il-loġika li fuqha l-leġiżlazzjoni preċedenti kienet ibbażata, jew saħansitra ħassru din il-leġiżlazzjoni, għandu jiġi eżaminat l-impatt, fuq l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ standstill, tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li dawn it-tibdiliet, għalkemm kienu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001, setgħu jagħtu lok għall-inklużjoni ta’ “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit” fil-bażi fiskali ta’ persuna taxxabbli biss mis-sena 2002, jiġifieri wara t-tħassir ta’ dawn il-bidliet, li seħħ mad-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-UntStFG 2001, fil-25 ta’ Diċembru 2001.

46      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, restrizzjoni għall-moviment tal-kapital eżistenti skont id-dritt nazzjonali mill-31 ta’ Diċembru 1993 ma tistax titqies bħala li kienet għamlet parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat b’mod mhux interrott minn dik id-data, b’mod partikolari, meta l-leġiżlazzjoni li minnha tirriżulta din ir-restrizzjoni hija mħassra jew meta l-loġika li fuqha kienet ibbażata din il-leġiżlazzjoni hija emendata. Tali tħassir jew emenda jseħħ, bħala prinċipju, mad-dħul fis-seħħ, skont il-proċeduri kostituzzjonali nazzjonali previsti għal dan il-għan, tad-dispożizzjonijiet li jħassru jew jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti.

47      Madankollu, minkejja d-dħul fis-seħħ formali tad-dispożizzjonijiet li jħassru jew li jemendaw il-leġiżlazzjoni li minnha tirriżulta restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993, din ir-restrizzjoni għandha titqies bħala li nżammet b’mod mhux interrott meta l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ tħassir jew ta’ emenda tkun iddifferita skont id-dritt nazzjonali u dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jitħassru huma stess qabel ma jsiru applikabbli. Fil-fatt, f’tali każ, hemm lok li jitqies li tali restrizzjoni kompliet tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat b’mod mhux interrott.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-iStSenkG 2000 kienet ġiet adottata flimkien ma’ dispożizzjonijiet li jipprevedu d-differiment tal-applikabbiltà ta’ din il-liġi, b’tali mod li l-emendi għas-sistema fiskali tal-kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiż terz permezz ta’ din il-liġi ma kinux applikabbli għall-moviment tal-kapital transkonfinali msemmi fl-Artikolu 64(1) TFUE, matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-25 ta’ Diċembru 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-UntStFG 2001, ikollu jitqies li r-restrizzjoni li għaliha tirreferi din il-qorti nżammet b’mod mhux interrott mill-31 ta’ Diċembru 1993, fis-sens tal-klawżola ta’ standstill prevista f’din id-dispożizzjoni.

49      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-iStSenkG 2000 saru applikabbli hekk kif dawn daħlu fis-seħħ, ikun hemm lok li jitqies li l-adozzjoni ta’ din il-liġi interrompiet l-eżistenza kontinwa tar-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interruzzjoni li għandha twassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE.

50      Dan ikun il-każ jekk ir-regoli fiskali li jirriżultaw mill-iStSenkG 2000, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001, kienu jimplikaw li d-dħul intermedjarju magħmul matul is-sena 2001 kellu jiġi inkluż fil-bażi fiskali tal-persuna taxxabbli residenti kkonċernata, minkejja l-fatt li, minħabba t-tħassir ta’ din il-liġi fil-25 ta’ Diċembru 2001, l-amministrazzjoni fiskali fl-aħħar mill-aħħar ma applikatx dawn ir-regoli sabiex tiġbor, fl-2002, it-taxxi relatati ma’ dan id-dħul.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 63(1) TFUE tapplika għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, meta l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li minnha tirriżulta din ir-restrizzjoni kienet ġiet, wara l-31 ta’ Diċembru 1993, emendata sostanzjalment minħabba l-adozzjoni ta’ liġi li daħlet fis-seħħ, iżda li ġiet issostitwita, anki qabel ma ġiet applikata fil-prattika, b’leġiżlazzjoni essenzjalment identika għal dik applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1993, sakemm l-applikabbiltà ta’ din il-liġi ma ġietx iddiferita skont il-liġi nazzjonali, b’mod li, minkejja d-dħul fis-seħħ tagħha, din ma kinitx applikabbli għall-moviment tal-kapital transkonfinali msemmi fl-Artikolu 64(1) TFUE, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tielet domanda

52      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tqis, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, hemm lok li tiġi eżaminata, skont it-talba tal-qorti tar-rinviju, it-tielet domanda tagħha.

53      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha d-dħul magħmul minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li ma joriġinax minn attività stess ta’ din il-kumpannija, bħal dak ikklassifikat bħala “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa inkluż, pro rata mas-sehem miżmum, fil-bażi fiskali ta’ persuna taxxabbli residenti f’dan l-Istat Membru, meta din il-persuna taxxabbli jkollha sehem ta’ mill-inqas 1 % f’din il-kumpannija u meta dan id-dħul ikun suġġett, f’dan il-pajjiż terz, għal livell ta’ tassazzjoni iktar baxx minn dak eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat.

54      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li tiġi analizzata, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, u, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, in-natura ammissibbli ta’ tali restrizzjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

55      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital jinkludu dawk li huma tali li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 40; tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 50, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/10, EU:C:2012:688, punt 28).

56      Skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli li hija fiskalment residenti fil-Ġermanja, li għandha sehem ta’ mill-inqas 1 % f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li għandu livell “baxx” ta’ tassazzjoni, għandha tiġi intaxxata, pro rata mas-sehem tagħha, fuq id-dħul imsejjaħ “passiv”, jiġifieri d-“dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, magħmul minn din il-kumpannija, irrispettivament minn kwalunkwe distribuzzjoni tal-profitti. Min-naħa l-oħra, persuna taxxabbli li għandha sehem ekwivalenti f’kumpannija stabbilita fil-Ġermanja ma hijiex suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni, peress li din hija intiża li tapplika, skont id-definizzjoni tagħha, biss f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

57      Tali differenza fit-trattament fiskali tista’ toħloq konsegwenzi sfavorevoli għal persuna taxxabbli residenti, li għandha sehem f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li taqla’ tali dħul “passiv”, peress li l-profitti ta’ din il-kumpannija huma inklużi fil-bażi taxxabbli tal-persuna taxxabbli pro rata mas-sehem tagħha fiha. Fil-fatt, meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli li għandha sehem paragunabbli f’kumpannija stabbilita fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha, f’dan il-każ il-Ġermanja, din id-differenza fit-trattament toħloq żvantaġġ fiskali għall-persuna taxxabbli li tinvesti kapital f’pajjiż terz, sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tattribwixxi l-profitti ta’ persuna ġuridika distinta lil din il-persuna taxxabbli u tissuġġettahom għat-taxxa fir-rigward ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, punt 45).

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tiddisswadi lill-investituri suġġetti b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja milli jinvestu f’kumpanniji stabbiliti f’ċerti pajjiżi terzi u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE.

 Fuq in-natura ammissibbli tar-restrizzjoni

59      Fid-dawl tan-natura restrittiva tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat, hekk kif ifakkar il-Gvern Ġermaniż, jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, li jipprovdi li “[l]-Artikolu 63 m’għandh[u]x [jippreġudika] id-dritt ta’ l-Istati Membri [...] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

60      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, sa fejn jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, EU:C:2008:489, punt 57; tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 56, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 55).

61      Fil-fatt, id-differenzi fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE ma għandhom jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 65(3), la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għalhekk, li tali differenzi fit-trattament jistgħu jiġu awtorizzati biss meta dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew, fil-każ kuntrarju, meta dawn ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, EU:C:2000:294, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, EU:C:2004:484, punt 29, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, EU:C:2009:559, punt 68).

62      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni tirrigwardax sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli u, jekk ikun il-każ, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni tistax tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

–       Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet

63      Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital billi jsostni li s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli li għandhom sehem f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz suġġetta għal taxxa baxxa, prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli li għandhom tali sehem f’kumpannija residenti fil-Ġermanja. Skont dan il-gvern, dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli, b’mod partikolari minħabba li din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda ishma f’kumpanniji li ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali Ġermaniża u li huma suġġetti, f’pajjiż terz, biss għal livell baxx ta’ tassazzjoni.

64      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għall-Istat Membru għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, EU:C:2007:439, punt 38; tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et, C-80/12, EU:C:2014:200, punt 25, u tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 32).

65      F’dan ir-rigward, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa “li timpedixxi jew li tinnewtralizza t-trasferiment tad-dħul (passiv) tal-persuni suġetti b’mod illimitat għat-taxxa lejn Stati b’livell baxx ta’ tassazzjoni”. Skont il-Gvern Ġermaniż, din il-leġiżlazzjoni hija intiża wkoll li timpedixxi l-evażjoni tat-taxxa permezz tat-trasferiment artifiċjali ta’ dħul lejn pajjiżi terzi b’livell baxx ta’ tassazzjoni.

66      Ċertament, l-għan tal-ġlieda kontra t-trasferiment ta’ dħul lejn pajjiżi terzi b’livell baxx ta’ tassazzjoni ma huwiex intiż li jintlaħaq minn Stat Membru fil-kuntest ta’ investimenti magħmula fi ħdan dan l-Istat.

67      Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li kemm jista’ jkun tqarrab is-sitwazzjoni tal-kumpanniji residenti li investew kapital f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz b’livell “baxx” ta’ tassazzjoni lejn dik ta’ kumpanniji residenti li investew il-kapital tagħhom f’kumpannija oħra residenti fil-Ġermanja, bil-għan, b’mod partikolari, li tinnewtralizza l-vantaġġi fiskali eventwali li dawk tal-ewwel jistgħu jiksbu mill-investiment tal-kapital tagħhom f’pajjiż terz. Issa, mill-mument li fih Stat Membru jissuġġetta, unilateralment, kumpannija residenti għat-taxxa fuq dħul magħmul minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li fiha l-imsemmija kumpannija residenti għandha sehem, is-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija residenti toqrob lejn dik ta’ kumpannija residenti li għandha sehem f’kumpannija oħra residenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, punt 45, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, EU:C:2006:783, punti 35 u 36).

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-eżami tan-natura eventwalment iġġustifikata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-fatt li jiġi aċċettat li sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli sempliċiment minħabba li l-investitur inkwistjoni għandu ishma f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, filwaqt li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi preċiżament ir-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital transkonfinali, ixejjen kull sinjifikat ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C-650/16, EU:C:2018:424, punt 35).

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjonijiet li huma oġġettivament paragunabbli.

–       Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

70      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, f’din l-ipoteżi, sa fejn din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, EU:C:2007:594, punti 79 u 82; tat-23 ta’ Jannar 2014, DMC, C-164/12, EU:C:2014:20, punt 44, u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C-480/16, EU:C:2018:480, punt 64).

71      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Svediż iqisu li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bbażati fuq is-salvagwardja ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, fuq il-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali kif ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

72      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi tikkostitwixxi raġuni ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari, meta l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi sabiex jipprevjenu aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 121; tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 47, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 98).

73      Fuq l-istess linja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali meta din tkun tirrigwarda speċifikament l-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, li l-uniku għan tagħhom huwa l-evażjoni tat-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet imwettqa fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, punti 51 u 55; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, EU:C:2007:161, punti 72 u 74, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar, C-282/12, EU:C:2013:629, punt 34).

74      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, van Caster, C-326/12, EU:C:2014:2269, punt 46, u tat-22 ta’ Novembru 2018, Huijbrechts, C-679/17, EU:C:2018:940, punt 36). F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-kontrolli fiskali huma intiżi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT, C-318/10, EU:C:2012:415, punt 44).

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali mressqa mill-partijiet ikkonċernati huma, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, marbuta strettament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, EU:C:2005:763, punt 51; tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, EU:C:2010:26, punt 69, u tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT, C-318/10, EU:C:2012:415, punt 48). Peress li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif imfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, jikkorrispondi, essenzjalment, għal dawn ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali, għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u jekk din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

76      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha, għandu jiġi rrilevat li din tipprevedi, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(6) u fl-Artikolu 8(3) tal-AStG 2006, li l-profitti ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li tirċievi “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, mhux taxxabbli fil-Ġermanja u suġġetti għal tassazzjoni baxxa, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-pajjiż terz ikkonċernat, huma, irrispettivament minn kwalunkwe distribuzzjoni ta’ dawn il-profitti, inklużi fil-bażi fiskali ta’ persuna, suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, pro rata mal-perċentwali tas-sehem tagħha f’din il-kumpannija, u intaxxati fir-rigward tagħha bħala dividend iddistribwit.

77      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment ta’ krediti minn Z, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, lil Y, kumpannija mhux suġġetta għall-kompetenza fiskali Ġermaniża, jista’ jkollha bħala konsegwenza li d-dħul iġġenerat minn attivitajiet ta’ klabbs sportivi mwettqa fit-territorju Ġermaniż, li miegħu huma marbuta dawn il-krediti, ikun, għall-inqas parzjalment, eskluż mill-kompetenza fiskali Ġermaniża, għalkemm din il-kwistjoni tad-dritt fiskali sostantiv applikabbli hija suġġetta, madankollu, għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed fatti sabiex tikkonstata li, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura artifiċjali, lanqas ma jista’ jiġi eskluż, sa fejn l-unika attività ta’ Y tikkonsisti fiż-żamma ta’ krediti mixtrija mill-ġdid minn kumpannija stabbilita fil-Ġermanja permezz ta’ finanzjament estern, inkluż self mogħti minn X, li s-sehem li din tal-aħħar għandha f’Y ma għandu ebda ġustifikazzjoni kummerċjali valida, iżda li dan jista’ jkun intiż, prinċipalment jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali, sabiex tiġi evitata t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet imwettqa fit-territorju Ġermaniż permezz tal-użu ta’ Y bħala kumpannija intermedjarja għal dan il-għan.

78      Meta leġiżlazzjoni, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tipprevedi l-inklużjoni tad-dħul ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz b’livell “baxx” ta’ tassazzjoni fil-bażi fiskali ta’ kumpannija suġġetta b’mod illimitat għat-taxxa fil-Ġermanja, tista’ tinnewtralizza, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-effetti ta’ eventwali trasferiment artifiċjali ta’ dħul lejn tali pajjiż terz, tali leġiżlazzjoni hija, bħala prinċipju, adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija trid tilħaq.

79      Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

80      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li kumpannija residenti jkollha sehem f’kumpannija oħra stabbilita f’pajjiż terz ma jistax, fih innifsu, jagħti lok għal preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u ta’ evażjoni fiskali u jiġġustifika, fuq din il-bażi, miżura fiskali li tippreġudika l-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, EU:C:1998:370, punt 26; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, EU:C:2002:704, punt 62, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, EU:C:2007:594, punt 91). Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata meta din tkun speċifikament intiża sabiex tostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali.

81      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “arranġament purament artifiċjali”, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), tistax tiġi trasposta għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet taqa’ taħt il-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 49 TFUE, sa fejn l-imsemmija kawża kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li kienet tipprevedi t-tassazzjoni, fir-rigward ta’ persuna taxxabbli stabbilita f’dan l-Istat, tad-dħul ta’ kumpannija, stabbilita fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari meta l-persuna taxxabbli residenti kellha iktar minn 50 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija.

82      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 67 u 68 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), li l-istabbiliment ta’ kumpannija fi Stat Membru għandu n-natura ta’ “arranġament purament artifiċjali” meta jiġi kkonstatat, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi, li din il-kumpannija hija stabbiliment fittizju sa fejn din ma teżerċita ebda attività ekonomika effettiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ eżistenza fiżika ta’ din il-kumpannija f’termini ta’ bini, ta’ persunal u ta’ tagħmir. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li tali stabbilimenti fittizji, b’mod partikolari dawk li għandhom il-karatteristiċi ta’ sussidjarja li sservi biss bħala “kaxxa postali” jew bħala “faċċata”, jistgħu jkunu suġġetti għal sistema fiskali speċifika bil-għan tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali, mingħajr oġġezzjoni għal dan mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

83      Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni, imsemmija espressament mill-qorti tar-rinviju, dwar liema rekwiżiti kwalitattivi u kwantitattivi għandhom jiġu ssodisfatti mis-sehem ta’ persuna taxxabbli residenti f’kumpannija, stabbilita f’pajjiż terz, sabiex dan ma jitqiesx bħala “purament artifiċjali”, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ma huwiex intiż li jipprovdi qafas għall-kundizzjonijiet li fihom il-kumpanniji jistgħu jistabbilixxu ruħhom fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, EU:C:2012:707, punt 100), iżda li jilliberalizza l-moviment tal-kapital transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, EU:C:1995:451, punt 19, u tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 46).

84      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital, il-kunċett ta’ “arranġament purament artifiċjali” ma jistax neċessarjament jiġi llimitat għall-elementi dwar l-assenza ta’ realtà ekonomika tal-istabbiliment ta’ kumpannija msemmija fil-punti 67 u 68 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, EU:C:2006:544), peress li l-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi evitata indebitament it-tassazzjoni fi Stat Membru jew sabiex wieħed jibbenefika indebitament minn vantaġġ fiskali fih jista’ jseħħ, fir-rigward ta’ moviment ta’ kapital transkonfinali, f’diversi forom. Ċertament, l-imsemmija elementi jistgħu jikkostitwixxu indizji dwar l-eżistenza ta’ arranġament purament artifiċjali wkoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari fejn jirriżulta neċessarju li tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni kummerċjali ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija li ma twettaqx attivitajiet ekonomiċi tagħha stess. Madankollu, dan il-kunċett jista’ ikopri wkoll, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital, kull arranġament li l-għan prinċipali tiegħu jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa t-trasferiment artifiċjali tal-profitti ġġenerati permezz ta’ attivitajiet imwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru lejn pajjiżi terzi b’livell baxx ta’ tassazzjoni.

85      Madankollu, f’dan il-każ, jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża biss li tostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ tali arranġamenti artifiċjali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(6) u l-Artikolu 8(3) tal-AStG 2006, meta jiġi kkonstatat li persuna taxxabbli residenti jkollha mill-inqas 1 % tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija, stabbilita f’pajjiż terz b’livell baxx ta’ tassazzjoni, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tirċievi “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, dan id-dħul huwa awtomatikament inkluż fil-bażi taxxabbli ta’ din il-persuna taxxabbli, mingħajr ma din tal-aħħar tingħata l-possibbiltà tipproduċi provi li juru li s-sehem tagħha ma jirriżultax minn arranġament artifiċjali, bħal, b’mod partikolari, ir-raġunijiet kummerċjali għas-sehem tagħha f’din il-kumpannija jew in-natura reali tal-attività ekonomika eżerċitata minnha.

86      Issa, din in-natura awtomatika tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, essenzjalment paragunabbli ma’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ frodi jew ta’ evażjoni fiskali, ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi unikament tal-kriterji stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, għalkemm livell baxx ta’ tassazzjoni applikabbli għad-dħul ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz jew in-natura “passiva” tal-attivitajiet li minnhom dan joriġina, kif iddefiniti minn din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jikkostitwixxu indizji ta’ aġir li jista’ jwassal għall-frodi jew għall-evażjoni fiskali, dawn ma humiex, fihom infushom, biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-akkwist ta’ sehem f’din il-kumpannija minn persuna taxxabbli residenti fi Stat Membru neċessarjament jikkostitwixxi arranġament artifiċjali fil-każijiet kollha.

87      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tkun proporzjonata mal-għan intiż għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali, għandha, f’kull każ fejn l-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet artifiċjali ma tistax tiġi eskluża, tqiegħed lill-persuna taxxabbli f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi provi dwar ir-raġunijiet kummerċjali eventwali li għalihom it-tranżazzjoni inkwistjoni tkun ġiet konkluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, EU:C:2007:161, punt 82; tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT, C-318/10, EU:C:2012:415, punt 50, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Itelcar, C-282/12, EU:C:2013:629, punt 37).

88      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu tippreżumi l-eżistenza ta’ aġir artifiċjali għas-sempliċi raġuni li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni huma ssodisfatti, filwaqt li ma tagħti ebda possibbiltà lill-persuna taxxabbli kkonċernata sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, tmur lil hinn, bħala prinċipju, minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

89      Madankollu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex diretta lejn l-Istati Membri, iżda lejn pajjiżi terzi.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni ma tistax tiġi kompletament trasposta għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, peress li dan il-moviment jaqa’ taħt kuntest legali differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu lil persuna taxxabbli l-possibbiltà li tipproduċi provi li juru l-eventwali raġunijiet kummerċjali għas-sehem tagħha f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali obbligu għandha tiġi evalwata skont id-disponibbiltà tal-miżuri amministrattivi u leġiżlattivi li jippermettu, jekk ikun il-każ, li tiġi vverifikata l-veraċità ta’ dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C-451/05, EU:C:2007:594, punt 98; tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punti 45 u 46, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 85).

92      Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun tipprovdi li l-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali jiddependi fuq li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet li l-osservanza tagħhom tista’ biss tiġi vverifikata billi tinkiseb informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz, dan l-Istat Membru jista’, bħala prinċipju, jirrifjuta li jagħti dan il-vantaġġ jekk, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ obbligu konvenzjonali ta’ dan l-Istat terz li jipprovdi informazzjoni, ikun impossibbli li din l-informazzjoni tinkiseb mingħand dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċemrbu 2007, A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 63; tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 67, u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 84).

93      F’dan il-każ, il-konstatazzjoni li s-sehem tal-kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’kumpannija stabbilita f’pajjiż terz ma jirriżultax, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(6) u fl-Artikolu 8(3) tal-AStG 2006 huma ssodisfatti, minn arranġament artifiċjali teħtieġ analiżi, mill-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża, ta’ informazzjoni relatata, b’mod partikolari, man-natura tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija stabbilita f’pajjiż terz.

94      Jekk Stat Membru ma huwiex obbligat jaċċetta l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li fiha persuna taxxabbli ta’ dan l-Istat Membru għandha sehem, mingħajr ma jkun jista’ jivverifika, fejn meħtieġ, il-veraċità ta’ din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 85), hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, f’dan il-każ, jekk hemmx, b’mod partikolari, obbligi konvenzjonali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera, li jistabbilixxu kuntest ġuridiku ta’ kooperazzjoni u mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, li huma effettivament ta’ natura li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi li jivverifikaw, jekk ikun il-każ, il-veraċità tal-informazzjoni li tirrigwarda lill-kumpannija stabbilita fl-Isvizzera pprovduta sabiex jintwera li s-sehem ta’ din il-persuna taxxabbli f’din tal-aħħar ma jirriżultax minn arranġament artifiċjali.

95      Sakemm tali kuntest ġuridiku, b’mod partikolari konvenzjonali, ma jkunx jeżisti bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-pajjiż terz ikkonċernat, għandu jitqies li l-Artikolu 63(1) TFUE ma jipprekludix li l-Istat Membru kkonċernat japplika leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-inklużjoni tad-dħul ta’ kumpannija stabbilita f’pajjiż terz fil-bażi taxxabbli ta’ persuna taxxabbli residenti, mingħajr ma din tal-aħħar tingħata l-possibbiltà turi l-eventwali raġunijiet kummerċjali għas-sehem tagħha f’din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, jekk kellu jiġi kkonstatat li tali kuntest ġuridiku jeżisti, il-persuna taxxabbli kkonċernata għandha tingħata l-possibbiltà turi, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, l-eventwali raġunijiet kummerċjali għall-investiment tagħha fil-pajjiż terz ikkonċernat.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha d-dħul magħmul minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li ma joriġinax minn attività stess ta’ din il-kumpannija, bħal dak ikklassifikat bħala “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa inkluż, pro rata mas-sehem miżmum, fil-bażi fiskali ta’ persuna taxxabbli residenti f’dan l-Istat Membru, meta din il-persuna taxxabbli jkollha sehem ta’ mill-inqas 1 % f’din il-kumpannija u meta dan id-dħul huwa suġġett, f’dan il-pajjiż terz, għal livell ta’ tassazzjoni iktar baxx minn dak eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm ma jeżistix kuntest legali li jipprevedi, b’mod partikolari, obbligi konvenzjonali ta’ natura li jawtorizzaw lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jivverifikaw, jekk ikun il-każ, il-veraċità tal-informazzjoni li tirrigwarda lil din l-istess kumpannija pprovduta sabiex jintwera li s-sehem ta’ din il-persuna taxxabbli f’din tal-aħħar ma jirriżultax minn arranġament artifiċjali.

 Fuq l-ispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 63(1) TFUE ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, li essenzjalment kienet teżisti fil-31 ta’ Diċembru 1993 skont leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, minkejja li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni kienet ġiet estiża, wara din id-data, għall-ishma li ma jinvolvux investiment dirett.

2)      Il-klawżola ta’ standstill, prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 63(1) TFUE tapplika għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investimenti diretti, meta l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li minnha tirriżulta din ir-restrizzjoni kienet ġiet, wara l-31 ta’ Diċembru 1993, emendata sostanzjalment minħabba l-adozzjoni ta’ liġi li daħlet fis-seħħ, iżda li ġiet issostitwita, anki qabel ma ġiet applikata fil-prattika, b’leġiżlazzjoni essenzjalment identika għal dik applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1993, sakemm l-applikabbiltà ta’ din il-liġi ma ġietx iddiferita skont il-liġi nazzjonali, b’mod li, minkejja d-dħul fis-seħħ tagħha, din ma kinitx applikabbli għall-moviment tal-kapital transkonfinali msemmi fl-Artikolu 64(1) TFUE, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3)      L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha d-dħul magħmul minn kumpannija stabbilita f’pajjiż terz li ma joriġinax minn attività stess ta’ din il-kumpannija, bħal dak ikklassifikat bħala “dħul intermedjarju li għandu n-natura ta’ kapital investit”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, huwa inkluż, pro rata mas-sehem miżmum, fil-bażi fiskali ta’ persuna taxxabbli residenti f’dan l-Istat Membru, meta din il-persuna taxxabbli jkollha sehem ta’ mill-inqas 1 % f’din il-kumpannija u meta dan id-dħul huwa suġġett, f’dan il-pajjiż terz, għal livell ta’ tassazzjoni iktar baxx minn dak eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm ma jeżistix kuntest legali li jipprevedi, b’mod partikolari, obbligi konvenzjonali ta’ natura li jawtorizzaw lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jivverifikaw, jekk ikun il-każ, il-veraċità tal-informazzjoni li tirrigwarda lil din l-istess kumpannija pprovduta sabiex jintwera li s-sehem ta’ din il-persuna taxxabbli f’din tal-aħħar ma jirriżultax minn arranġament artifiċjali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.