3.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 213/20 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-3 ta’ April 2017 – Morgan Stanley & Co International plc vs Ministre de l'Économie et des Finances
(Kawża C-165/17)
(2017/C 213/26)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Morgan Stanley & Co International plc
Konvenut: Ministre de l’Économie et des Finances
Domandi preliminari
1) |
F’każ li l-ispejjeż sostnuti minn kumpannija sussidjarja fl-ewwel Stat Membru ikunu ddedikati esklużivament għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha stabbilta fi Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2), (3) u (5) u tal-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (1), kif riprodotti fl-Artikoli 168, 169 u 173 sa 175 tad-Direttiva 2006/112/KE (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jimplikaw li l-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja għandu japplika għal dawn l-ispejjeż it-tnaqqis pro rata tal-kumpannija sussidjarja, iddeterminat skont it-tranżazzjonijiet li hija twettaq fl-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tagħha u skont regoli applikabbli f’dan l-Istat Membru, jew it-tnaqqis pro rata tal-kumpannija parent, jew inkella tnaqqis pro rata speċifiku li jgħaqqad flimkien ir-regoli applikabbli fl-Istati Membri ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija sussidjarja u tal-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tal-eżistenza possibbli ta’ skema ta’ għażla għat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq it-tranżazzjonijiet? |
2) |
Liema regoli jeħtieġ li jiġu applikati fil-każ partikolari li fih l-ispejjeż jiġu sostnuti mill-kumpannija sussidjarja kemm għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet tagħha fl-Istat ta’ reġistrazzjoni tagħha kif ukoll għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet tal-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tal-kunċett ta’ spejjeż ġenerali u ta’ tnaqqis pro rata? |
(1) Sitt Direttiva tal-Kunsill [77/388/KE], tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).
(2) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).