Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 256/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall) fit-22 ta’ Mejju 2017 – MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia S.A. vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-295/17)

(2017/C 256/10)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia S.A.

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 2(1)(c), 64(1), 66(a) u 73, kollha tad-Direttiva 2006/112/KE (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-VAT hija dovuta minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet (televiżjoni, internet, netwerk mobbli u netwerk fiss) fir-rigward tal-ħlas mitlub lill-klijenti tiegħu, fil-każ li jiġi tterminat kuntratt li jorbot għal perijodu ta’ żmien determinat (perijodu ta’ fedeltà), għal raġuni attribwibbli lill-klijent, qabel ma jiskadi l-imsemmi perijodu ta’ żmien, ta’ ammont stabbilit bil-quddiem, ekwivalenti għall-valur tal-ħlas bażiku ta’ kull xahar dovut mill-klijent skont il-kuntratt, immultiplikat bin-numru ta’ ħlasijiet ta’ kull xahar li jkun għad fadal sa tmiem il-perijodu ta’ fedeltà, fejn meta l-imsemmi ammont jiġi ffatturat u indipendentement mill-ħlas effettiv tiegħu, l-operatur diġà jkun waqqaf il-provvista ta’ servizzi, meta:

a)

il-valur iffatturat ikollu bħala għanijiet kuntrattwali li jiddiswadi lill-klijent milli ma josservax il-perijodu ta’ fedeltà fejn impenja ruħu li jħallas id-danni mġarrba mill-operatur minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà, b’mod speċifiku permezz tat-telf fid-dħul li kien jagħmel li kieku l-kuntratt kellu jiġi osservat sa tmiem l-imsemmi perijodu, kif ukoll minħabba l-ftehim għal rati iktar baxxi, il-provvista ta’ tagħmir u offerti oħra, b’xejn jew bi prezz imnaqqas, kif ukoll minħabba l-ispejjeż ta’ reklamar u l-kisba ta’ klijenti;

b)

il-kuntratti b’perijodu ta’ fedeltà li ġew miftiehma jkollhom remunerazzjoni, għall-partijiet li nnegozjawhom, ogħla minn dik għal kuntratt mingħajr perijodu ta’ fedeltà miftiehma minnhom, fiż-żewġ każijiet (jiġifieri, fil-kuntratti bi u mingħajr perijodu ta’ fedeltà) kienet tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-valur tal-ħlasijiet ta’ kull xahar stabbilit fil-kuntratti miftiehma;

c)

il-valur iffaturat jista’ jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali?

2)

In-nuqqas ta’ verifika ta’ ebda waħda, jew ta’ wħud, mill-punti tal-ewwel domanda, jista’ jbiddel ir-risposta tal-istess domanda?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).