Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/25


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-51/18)

(2018/C 112/32)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Gossement, B.-R. Killmann, Bevollmächtigte)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi kollha tagħha taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT, peress li tintaxxa l-VAT fuq ir-remunerazzjoni dovuta lid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin::

L-Awstrija tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, ir-remunerazzjoni dovuta lill-awtur bħala dritt tal-bejgħ mill-ġdid ta’ xogħol oriġinali tal-arti fl-Awstrija, dritt li ġie introdott permezz tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/84/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti. Għaldaqstant l-Awstrija tikser l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT.

Fil-każ tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ skambju bejn l-awtur u d-debitur. Ir-remunerazzjoni li għandha titħallas lill-awtur mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid tirriżulta mil-liġi, li hija mfassla b’tali mod li l-bejjiegħ – jew min kien involut fil-bejgħ mill-ġdid – għandu jħallas lill-awtur mingħajr ma l-awtur jipprovdi servizzi. Il-provvista ta’ servizz mill-awtur seħħet qabel il-bejgħ mill-ġdid meta fil-fatt l-awtur qiegħed ix-xogħol oriġinali tiegħu għall-ewwel darba fis-suq.

Ir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid pagabbli lill-awtur għalhekk ma hijiex ekwivalenti għal kwalunkwe servizz mill-awtur, iżda r-remunerazzjoni hija bbażata biss fuq il-prezz miksub fuq il-bejgħ mill-ġdid, li l-ammont tiegħu ma jistax jiġi influwenzat mill-awtur. L-awtur huwa intitolat għar-remunerazzjoni, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi servizz – kemm permezz ta’ teħid ta’ azzjoni jew ta’ ommissjoni – jew li jista’ jirrealizzaha jew a fortiori. Konsegwentement, ir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-drittijiet tal-awtur sussegwenti ma hijiex korrispettiv għal provvista jew għal servizz fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT.


(1)  Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240.