18.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 211/16 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-5 ta’ April 2018 – UniCredit Leasing EAD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na NAP
(Kawża C-242/18)
(2018/C 211/20)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: UniCredit Leasing EAD
Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na NAP
Domandi preliminari
1) |
Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), tippermetti, fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ leasing finanzjarju, it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli u r-rimbors tal-VAT, ikkalkolata fuq il-bażi ta’ avviż ta’ reviżjoni li daħal fis-seħħ, fejn l-ammont taxxabbli jirrappreżenta t-total tal-pagamenti mensili dovuti fir-rigward tal-leasing għall-perijodu kollu tal-kuntratt? |
2) |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: fil-każ li l-kuntratt ta’ leasing finanzjarju jiġi xolt minħabba n-nuqqas parzjali tal-ħlas tal-pagamenti dovuti fir-rigward tal-leasing, liema waħda mill-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 tista’ tiġi invokata mil-lessor fil-konfront ta’ Stat Membru sabiex jikseb it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT fir-rigward tal-ammonti tal-pagamenti dovuti li ma sarux fil-perijodu bejn il-waqfien tal-ħlas u l-mument li fih ġie xolt il-kuntratt, sa fejn dan ix-xoljiment ma għandux effett retroattiv, kif tikkonferma klawżola f’dan il-kuntratt stess? |
3) |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(2) tad-Direttiva 2006/112 tippermetti li jingħad li, f’każ bħal dak ineżami, hemm deroga mill-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni? |
4) |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2006/112 tippermetti li jingħad li l-kunċett ta’ xoljiment użat f’din id-dispożizzjoni jkopri l-każijiet li fihom, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ leasing finanzjarju mingħajr għażla, il-lessor ma jistax jibqa’ jeżiġi mingħand il-lessee l-ħlas tal-pagamenti dovuti fir-rigward tal-leasing, u dan sa fejn xolja l-kuntratt ta’ leasing minħabba li ma kienx ġie onorat min-naħa tal-lessee, iżda, skont il-kuntratt, ikollu dritt għal kumpens fl-ammont tal-pagamenti kollha fir-rigward tal-leasing li ma jkunux tħallsu u li jkunu dovuti sat-tmiem tal-perijodu tal-leasing? |
(1) ĠU 2006, L 347, p. 1.