Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

2 ta’ April 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Artikolu 2(a)(i) u (iii), il-punt (ab) tal-Parti A u t-tielet inċiż tal-Parti B tal-Anness I – Kunċetti ta’ ‘kumpanniji inkorporati taħt id-dritt tar-Renju Unit’ u ta’ ‘corporation tax fir-Renju Unit’ – Kumpanniji rreġistrati f’Ġibiltà u li huma suġġetti hemmhekk għat-taxxa fuq il-kumpanniji”

Fil-Kawża C-458/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

“GVC Services (Bulgaria)” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “GVC Services (Bulgaria)” EOOD, minn D. Yordanov, advokat, kif ukoll minn D. Tench, V. Nagrani, P. Montegriffo, G. Jackson u E. Sheard, solicitors,

–        għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” - Sofia, minn N. Kalistratov u S. Atanasova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. S. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli, bħala aġent, assistit minn D. Yates u L. Ruxandu, barristers,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u Y. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a)(i) u (iii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), u tal-punt (ab) tal-Parti A u tal-aħħar inċiż tal-Parti B tal-Anness I tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “GVC Services (Bulgaria)” EOOD, stabbilita fil-Bulgarija (iktar ’il quddiem “GVC”), u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” - Sofia (id-Direttur tad-Direttorat tal-Appelli u tat-Taxxi u tas-Sigurtà Soċjali ta’ Sofija, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) dwar avviż ta’ aġġustament tat-taxxa li jikkonstata dejn fiskali fir-rigward ta’ dividendi ddistribwiti u mħallsa minn GVC lill-kumpannija omm tagħha PGB Limited Gibraltar, li hija stabbilita f’Ġibiltà, għall-perijodu bejn it-13 ta’ Lulju 2011 u l-21 ta’ April 2016.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-istatus ta’ Ġibiltà

3        Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li t-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna djun ta’ taxxa dovuti għal perijodu qabel l-1 ta’ Frar 2020, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7).

4        Ġibiltà hija territorju Ewropew li tiegħu Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, jassumi r-relazzjonijiet esterni fis-sens tal-Artikolu 355(3) TFUE u li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

5        L-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-1972”) jipprevedi madankollu li ċerti partijiet tat-Trattat ma japplikawx għal Ġibiltà.

6        L-Artikolu 28 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jipprovdi:

“L-atti tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] dwar il-prodotti elenkati fl-Anness [I] tat-Trattat [FUE] u l-prodotti suġġetti, mal-importazzjoni tagħhom [fl-Unjoni], għal regoli speċifiċi bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll l-atti dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ ma japplikawx għal Ġibiltà, sakemm il-[Kunsill tal-Unjoni Ewropea] li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-[Kummissjoni Ewropea] ma jipprovdix xorta oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, flimkien mal-punt 4 tal-Parti I tal-Anness I tiegħu, Ġibiltà ma tagħmilx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni.

 Id-Direttiva 2011/96

8        Il-premessi 3 sa 6 u 8 tad-Direttiva 2011/96 jiddikjaraw:

“(3)      Il-għan tad-Direttiva 90/435/KE huwa li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali [omm] tagħhom mit-taxxi fuq l-interessi u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija prinċipali.

(4)      Ir-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Unjoni kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat it-tħaddim effettiv ta’ suq intern ta’ dan it-tip. Dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li, rigward dan ir-raggruppament ta’ kumpanniji fl-Istati Membri differenti, jiġu previsti regoli tat-taxxa li jkunu newtrali mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex l-intrapriżi jitħallew jaddattaw lilhom infushom għall-ħtiġiet tas-suq intern, sabiex iżidu l-produttività tagħhom u sabiex itejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-livell internazzjonali.

(5)      Dan ir-raggruppament jista’ jirriżulta fil-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji prinċipali [omm] u ta’ sussidjarji.

(6)      Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/435/KEE id-dispożizzjonijiet tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji prinċipali [omm] u dawk sussidjarji fl-Istati Membri differenti kienu jvarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u kienu ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk applikabbli għall-kumpanniji prinċipali u s-sussidjari fl-istess Stat Membru. Il-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti kienet b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru. Kien meħtieġ li jiġi eliminat dak l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji fil-livell Komunitarju.

[...]

(8)      Huwa barra minn hekk meħieġ, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, li l-qligħ li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali [omm] tagħha jiġu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi.”

9        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/96:

“Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva:

“(a)      għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru li jkun ġej mis-sussidjarji fi Stati Membri oħra;

(b)      għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru lill-kumpanniji fi Stati Membri oħra li tagħhom huma sussidjarji;

[...]”

10      L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ tfisser kull kumpannija li:

(i)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fl-Anness I, Parti A,

(ii)      skont il-liġijiet tat-taxxa ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f’dan l-Istat Membru għall-għanijiet tat-taxxa u, skont it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma’ Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Unjoni għall-għanijiet tat-taxxa,

(iii)      barra minn hekk, tkun suġġetta għal waħda mit-taxxi elenkati fl-Anness I, Parti B, mingħajr il-possibbilità ta’ għażla jew li tiġi eżentata minnhom, jew li tkun suġġetta għal kwalunkwe taxxa oħra li tista’ tibdel kwalunkwe waħda minn dawk it-taxxi;”

11      L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[i]l-qligħ li sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali [omm] tagħha għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi [mit-taxxa f’ras il-għajn]”.

12      Il-parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/96 tistabbilixxi l-lista tal-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2(a)(i) ta’ din id-direttiva u ssemmi, fil-punt (ab), il-“kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tar-Renju Unit”.

13      Fil-parti B ta’ dan l-Anness I tinsab il-lista tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2(a)(iii) tal-imsemmija direttiva, li tinkludi, fl-aħħar inċiż tagħha, il-“corporation tax fir-Renju Unit”.

 Id-dritt Bulgaru

14      Skont l-Artikolu 194(1) u (3) taż-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) (DV Nru 105, tat-22 ta’ Diċembru 2006):

“1.      Dividendi u dħul minn likwidazzjoni li jiġu ddistribwiti (ippersonifikati) minn persuni ġuridiċi nazzjonali lill-persuni segwenti għandhom ikunu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn:

(1)      lil persuni ġuridiċi barranin [...]

[...]

3.      Il-paragrafu 1 ma japplikax meta d-dividendi u d-dħul minn likwidazzjoni jiġu ddistribwiti lil dawn il-persuni jew istituzzjonijiet:

[...]

(3)      [...] persuna ġuridika barranija li għal finijiet tat-taxxa hija residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Kontraenti ieħor tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bl-esklużjoni ta’ każijiet ta’ distribuzzjoni moħbija ta’ profitti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      GVC hija kumpannija b’responsabbiltà limitata b’membru wieħed irregolata mid-dritt Bulgaru, li tipprovdi servizzi ta’ teknoloġija tal-informatika. Sal-1 ta’ Frar 2016, il-kapital tagħha kien kompletament miżmum minn PGB Limited – Gibraltar, kumpannija inkorporata f’Ġibiltà.

16      Matul il-perijodu bejn it-13 ta’ Lulju 2011 u l-21 ta’ April 2016, GVC għaddiet lill-kumpannija omm tagħha, PGB Limited – Gibraltar, dividendi u ħallsithom lilha mingħajr ma żammet jew ħallset taxxa fuqhom fil-Bulgarija, billi qieset li l-imsemmija kumpannija omm setgħet tiġi kkunsidrata bħala persuna ġuridika barranija li għandha d-domiċilju fiskali tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni, skont l-Artikolu 194(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.

17      Billi qieset, għall-kuntrarju, li, f’dan il-każ, kellha tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma, l-awtorità fiskali Bulgara kompetenti ħarġet, fl-1 ta’ Diċembru 2017, avviż ta’ aġġustament tat-taxxa, intiż għall-irkupru ta’ ammont ta’ BGN 930 529.54 (lev Bulgaru) (madwar EUR 467 000), li minnhom BGN 669 690.32 (madwar EUR 342 000) kienu jikkostitwixxu l-ammont prinċipali u BGN 260 839.22 (madwar EUR 134 000) kienu jikkostitwixxu l-interessi moratorji. GVC ikkontestat dan l-avviż billi ppreżentat ilment amministrattiv quddiem id-Direttur, li kkonferma l-imsemmi avviż. GVC adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni għall-annullament tal-avviż ikkonfermat.

18      GVC issostni li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għal Ġibiltà li hija territorju Ewropew li tiegħu Stat Membru jassumi r-relazzjonijiet esterni fis-sens tal-Artikolu 355(3) TFUE u li d-distribuzzjoni tad-dividendi ma taqax taħt l-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 28 sa 30 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-kumpannija omm tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/96 billi din il-kumpannija tista’ tiġi assimilata għal kumpannija inkorporata fir-Renju Unit u suġġetta f’Ġibiltà għat-taxxa fuq il-kumpanniji li tikkorrispondi, fil-fehma tagħha, għall-“corporation tax fir-Renju Unit” prevista fit-tielet inċiż tal-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

19      Min-naħa l-oħra, id-Direttur isostni li l-Anness I tad-Direttiva 2011/96 jistabbilixxi lista espliċita u eżawrjenti kemm tal-kumpanniji (Parti A) kif ukoll tat-taxxi (Parti B) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Huwa jikkunsidra li din id-direttiva tiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li għalhekk dan ma jistax jiġi estiż għall-kumpanniji stabbiliti f’Ġibiltà u li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, sa fejn ir-regoli fiskali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod estensiv.

20      Peress li kellha dubji dwar jekk GVC, bħala sussidjarja ta’ kumpannija omm irreġistrata f’Ġibiltà u li hija hemmhekk suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/96 u jekk, konsegwentement, din għandhiex tiġi eżentata mit-taxxa f’ras il-għajn fil-Bulgarija, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 2(a)(i) tad-Direttiva [2011/96] u tal-punt (ab) tal-Parti A tal-Anness I tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ‘kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tar-Renju Unit’ jinkludu l-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà?

(2)      Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 2(a)(iii) tad-Direttiva 2011/96/UE u tal-Parti B tal-Anness I tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li “corporation tax fir-Renju Unit” tinkludi t-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta f’Ġibiltà?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21      Għalkemm ma qajjimx formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern tar-Renju Unit jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li ma jidhirx li huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domandi preliminari sabiex tkun tista’ tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali.

22      Fir-rigward tal-istatus ta’ Ġibiltà fid-dritt tal-Unjoni, kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, PGB Limited – Gibraltar, bħala kumpannija stabbilita f’Ġibiltà, diġà tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 194(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, jiġifieri dik li tkun persuna ġuridika barranija li għandha d-domiċilju fiskali tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni. Konsegwentement, skont dan il-gvern, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/96 ma hijiex meħtieġa.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C-394/18, EU:C:2020:56, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, kif jirrileva espressament il-Gvern tar-Renju Unit stess, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu preċiżament miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/96.

25      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk PGB Limited – Gibraltar, bħala kumpannija inkorporata f’Ġibiltà, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/96, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-taxxa imposta fuq din il-kumpannija f’Ġibiltà tiġġustifikax l-eżenzjoni ta’ GVC, bħala sussidjarja, mit-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fil-Bulgarija, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/96 mitluba mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew tqajjem problema ta’ natura ipotetika, peress li din l-interpretazzjoni hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

27      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a)(i) u (iii) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A u mal-aħħar inċiż tal-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “kumpanniji inkorporati skont il-liġi tar-Renju Unit” u ta’ “corporation tax fir-Renju Unit”, li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludux il-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà u li huma suġġetti hemmhekk għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

29      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-perijodu kkonċernat fit-tilwima fil-kawża prinċipali huwa kopert kemm mid-Direttiva tal-Kunsill 90/435, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 757) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”), kif ukoll mid-Direttiva 2011/96, li ħassret u ssostitwixxiet lil din l-ewwel direttiva. Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti baqgħu l-istess, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li tingħata risposta għad-domandi magħmula fir-rigward biss tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2011/96.

30      Sa fejn, matul il-perijodu rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, Ġibiltà kienet tikkostitwixxi territorju Ewropew li tiegħu Stat Membru, jiġifieri r-Renju Unit, jassumi r-relazzjonijiet esterni, id-dritt tal-Unjoni kien japplika, bħala prinċipju, f’dan it-territorju skont l-Artikolu 355(3) TFUE, bla ħsara għall-esklużjonijiet espressament previsti mill-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-30/01, EU:C:2003:489, punt 47; digriet tat-12 ta’ Ottubru 2017, Fisher, C-192/16, EU:C:2017:762, punt 29, u s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C-267/16, EU:C:2018:26, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tad-Direttiva 2011/96, għandu jiġi rrilevat li din ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 115 TFUE, li jippermetti lill-Kunsill jadotta direttivi għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern. Skont il-premessi 3 sa 6 tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li teżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi u profitti oħra mqassma minn sussidjarji lill-kumpannija omm tagħhom u li telimina t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija omm, sabiex jiġu ffaċilitati r-raggruppamenti ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 90/435, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Brussels Securities, C-389/18, EU:C:2019:1132, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li din id-Direttiva 2011/96 ma taqa’ taħt ebda waħda mill-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 28 u 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972.

33      Madankollu, sabiex isir magħruf jekk il-kumpanniji omm inkorporati f’Ġibiltà u li huma hemmhekk suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji jistgħux jitolbu l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tal-profitti mqassma mis-sussidjarji tagħhom stabbiliti fl-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, jiġifieri l-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A u mal-aħħar inċiż tal-Parti B tal-Anness I tagħha.

34      F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tad-Direttiva 90/435, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni waħda minn dawn id-direttivi hija applikabbli wkoll għall-ewwel waħda minn dawn id-direttivi (digriet tat-14 ta’ Ġunju 2018, GS, C-440/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:437, punt 30). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 90/435 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi sistema komuni għall-kumpanniji kollha tal-Istati Membri, u lanqas għat-tipi kollha ta’ ishma (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves, C-48/07, EU:C:2008:758, punt 49, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C-247/08, EU:C:2009:600, punt 36).

35      Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, kull possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/96 jiġi estiż b’analoġija għal kumpanniji oħra minbarra dawk elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva hija eskluża, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva huwa ddefinit permezz ta’ lista eżawrjenti ta’ kumpanniji.

36      Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A u mal-aħħar inċiż tal-Parti B tal-Anness I tagħha, jirriżulta li, fir-rigward tar-Renju Unit, id-Direttiva 2011/96 tapplika biss għall-“kumpanniji inkorporati skont il-liġi tar-Renju Unit” u suġġetti għall-“corporation tax fir-Renju Unit”.

37      Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu riferiment espliċitu għad-dritt tar-Renju Unit. Għalhekk dawn għandhom jiġu interpretati konformement mad-dritt nazzjonali indikat bħala applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C-116/11, EU:C:2012:739, punt 50).

38      Issa, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit ippreċiża li, skont id-dritt intern ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpanniji inkorporati skont id-dritt nazzjonali tiegħu jistgħu jinkludu biss kumpanniji li huma kkunsidrati li huma inkorporati fir-Renju Unit, li ma jinkludux, fi kwalunkwe każ, il-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà, fatt li ma ġiex formalment ikkontestat mill-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Barra minn hekk, dan il-gvern ippreċiża, ukoll mingħajr kontestazzjoni, li, skont id-dritt intern tar-Renju Unit, it-taxxa miġbura f’Ġibiltà ma tikkostitwixxix “corporation tax fir-Renju Unit”.

40      Minn dan isegwi, fid-dawl tal-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ applikabbiltà prevista fl-Artikolu 2(a)(i) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li s-sistema ta’ taxxi stabbilita minn Ġibiltà ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ applikabbiltà prevista fl-Artikolu 2(a)(iii) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-aħħar inċiż tal-Parti B tal-Anness I tagħha.

41      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma bla ħsara għall-obbligu li jiġu osservati, fid-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 49 u 63 TFUE u li jiġi vverifikat, eventwalment, jekk it-tassazzjoni tal-profitti mqassma minn sussidjarja Bulgara lill-kumpannija omm tagħha stabbilita f’Ġibiltà tikkostitwixxix, fid-dawl tad-dritt ta’ stabbiliment jew tal-moviment liberu tal-kapital li minnu jgawdu l-kumpanniji stabbiliti f’Ġibiltà (digriet tat-12 ta’ Ottubru 2017, Fisher, C-192/16, EU:C:2017:762, punti 26 u 27), restrizzjoni u, jekk iva, jekk tali restrizzjoni hijiex iġġustifikata.

42      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a)(i) u (iii) tad-Direttiva 2011/96, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A u mal-aħħar inċiż tal-parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “kumpanniji inkorporati skont il-liġi tar-Renju Unit” u ta’ “corporation tax fir-Renju Unit”, li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma jipprevedux il-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà u li huma hemmhekk suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(a)(i) u (iii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-punt (ab) tal-Parti A u mat-tielet inċiż tal-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “kumpanniji inkorporati taħt id-dritt tar-Renju Unit” u ta’ “corporation tax fir-Renju Unit”, li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma jipprevedux il-kumpanniji inkorporati f’Ġibiltà u li huma hemmhekk suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.