Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

11.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Timiș (ir-Rumanija) fit-13 ta’ Novembru 2018 – Amărăști Land Investment SRL vs Direcția Generală a Finanțelor Publice Timiș, Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Timișoara

(Kawża C-707/18)

(2019/C 54/08)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Timiș

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Amărăști Land Investment SRL

Konvenuti: Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Timişoara, Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Timiş

Domandi preliminari

1)

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112 (1), b’mod partikolari tal-Artikoli 24, 28, 167 u tal-Artikolu 168(a) tagħha, meta fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li ma kinitx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-artijiet (reġistru tal-artijiet) u lanqas ma kienet irreġistrata fil-mument tat-trasferiment tagħha, ix-xerrej taxxabbli, li jassumi l-obbligu kuntrattwali li jwettaq, bi spejjeż tiegħu, l-atti neċessarji għall-ewwel reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ din il-proprjetà immobbli, dan ikun qiegħed iwettaq provvista ta’ servizzi favur il-bejjiegħ jew inkella akkwist ta’ servizzi marbuta mal-investiment fi proprjetà immobbli li fir-rigward tiegħu għandu jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT?

2)

Id-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari l-Artikoli 167 u 168(a) tagħha, tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-ispejjeż sostnuti mix-xerrej taxxabbli fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-proprjetà immobbli li fuqha huwa għandu dritt ta’ kreditu li jikkonsisti fit-trasferiment futur tad-dritt tal-proprjetà u li huwa kiseb mingħand il-bejjiegħa li d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fuq il-proprjetà immobbli ma huwiex irreġistrat fir-reġistru tal-artijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet ta’ qabel l-investiment li fir-rigward tagħhom il-persuna taxxabbli tibbenefika mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT?

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari l-Artikoli 24, 28, 167 u 168(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż sostnuti mix-xerrej taxxabbli fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-proprjetà immobbli li ġiet ċeduta lilu u li fuqha huwa għandu, bis-saħħa ta’ kuntratt, dritt ta’ kreditu li jikkonsisti fit-trasferiment futur tad-dritt tal-proprjetà mingħand il-bejjiegħa li d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fuq il-proprjetà immobbli ma huwiex irreġistrat fir-reġistru tal-artijiet għandhom jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi favur il-bejjiegħa, meta x-xerrej u l-bejjiegħa qablu li l-prezz tal-proprjetà immobbli ma jinkludix il-korrispettiv għat-tranżazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni?

4)

Fis-sens tad-Direttiva 2006/112, l-ispejjeż marbuta mat-tranżazzjonijiet amministrattivi konnessi mal-proprjetà immobbli li ġiet ċeduta lix-xerrej u li fuqha dan tal-aħħar għandu dritt ta’ kreditu li jikkonsisti fit-trasferiment futur tad-dritt tal-proprjetà mingħand il-bejjiegħ, li jinkludu, iżda li ma humiex limitati għall-ispejjeż marbuta mal-ewwel reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet, għandhom neċessarjament jitħallsu mill-bejjiegħ jew jistgħu jiġu sostnuti mix-xerrej jew minn waħda mill-partijiet fit-tranżazzjoni, skont kif qablu l-partijiet, bil-konsegwenza li din il-persuna tkun intitolata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).