Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fl-4 ta’ Settembru 2019 – BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-656/19)

(2020/C 95/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Prattika ta’ Stat Membru li jassimila l-kunċett ta’ “bagalji personali”, iddefinit bħala wieħed mill-elementi tad-definizzjoni ta’ kunsinni lil passiġġier barrani ta’ oġġetti eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud, għall-kunċett ta’ effetti personali użat fil-Konvenzjoni dwar il-faċilitajiet doganali għat-turiżmu, konkluża fi New York fl-4 ta’ Ġunju 1954, u fil-protokoll addizzjonali għall-konvenzjoni, kif ukoll għall-kunċett ta’ “bagalji” previst fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, hija konformi mal-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1)?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi ddeffinit il-kunċett ta’ “bagalji personali” previst fl-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-fatt li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit fid-direttiva? Prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jagħmlu esklużivament riferiment għas-“sens ġenerali tal-kliem” hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 146 u 147 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jekk persuna taxxabbli ma għandiex dritt għal eżenzjoni mit-taxxa abbażi tal-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT fuq kunsinna ta’ oġġetti lil vjaġġatur barrani, għandha, skont il-bżonn, tiġi eżaminata, abbażi tal-Artikolu 146 tad-Direttiva tal-VAT, il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mit-taxxa fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni anki minkejja l-assenza tal-formalitajiet doganali previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jew fl-att ġuridiku delegat?

4)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun li, fl-assenza ta’ eżenzjoni fiskali għal vjaġġatur barrani, it-tranżazzjoni hija eliġibbli għall-eżenzjoni mill-VAT minħabba esportazzjoni, din it-tranżazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala kunsinna eżentata mill-VAT minħabba bejgħ għall-esportazzjoni jekk l-intenzjoni tal-klijient, meta ordna, kienet espliċitament tmur kontra tali bejgħ għall-esportazzjoni?

5)

Jekk ir-risposti għad-domandi 3 u 4 ikunu fl-affermattiv, f’każ li jixbah lil dak inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri f’każ fejn il-persuna li toħroġ il-fattura kienet konxja mill-fatt, fil-mument tal-kunsinna, li l-għan tax-xiri kien il-bejgħ mill-ġdid, li x-xerrej barrani, minkejja dan, kellu l-intenzjoni li jimporta dawn l-oġġetti inkwantu vjaġġatur barrani, u li għalhekk il-persuna li ħarġet il-fattura kienet in mala fede meta mliet il-formola ta’ applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa li sservi għall-ksib tar-rimbors tat-taxxa u meta rrimborsat, abbażi tal-eżenzjoni għall-vjaġġaturi barranin, it-taxxa fuq il-valur miżjud iffatturata, il-prattika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-amministrazzjoni fiskali tirrifjuta r-rimbors tat-taxxa ddikjarata u mħallsa bi żball fir-rigward ta’ kunsinna lil vjaġġatur barrani, mingħajr ma tikkwalifika l-kunsinna tal-oġġetti bħala bejgħ għall-esportazzjoni u mingħajr ma twettaq korrezzjoni tat-tranżazzjoni f’dan is-sens, minkejja l-fatt mhux ikkontestat li l-oġġetti ħarġu mill-Ungerija inkwantu bagalji, hija kompatibbli mal-Artikoli 146 u 147 tad-Direttiva tal-VAT u mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1