Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

17.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/32


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal d’arrondissement (Il-Lussemburgu) fil-21 ta’ Novembru 2019 – EQ vs Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA

(Kawża C-846/19)

(2020/C 54/35)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’arrondissement

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EQ

Konvenuta: Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE (1) għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ relazzjoni trijangolari fejn il-fornitur tas-servizzi jkun inkarigat sabiex jipprovdihom minn entità li ma tkunx l-istess persuna bħall-benefiċjarju tal-provvisti tas-servizzi?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk il-provvisti tas-servizzi jkunux ipprovduti fil-kuntest ta’ missjoni fdata minn awtorità ġudizzjarja indipendenti?

3)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tinbidel skont jekk ir-remunerazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi tkunx imġarrba mill-benefiċjarju tal-provvisti jew imġarrba mill-Istat li entità minn tiegħu tkun inkarigat lill-fornitur tas-servizzi sabiex jipprovdihom?

4)

Il-kunċett ta’ attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti ta’ servizzi meta r-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi ma tkunx legalment obbligatorja u li l-ammont tagħha, meta tingħata, a) jkun evalwat każ b’każ, u b) ikun dipendenti dejjem fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-provvisti u ċ) jkun ikkalkolat b’riferiment għal somma f’daqqa, perċentwali tad-dħul tal-benefiċjarju tal-provvisti, jew għall-provvisti pprovduti?

5)

Il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi u […] merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat bħala li jinkorpora jew jeskludi l-provvisti mwettqa fil-kuntest ta’ skema ta’ protezzjoni tal-adulti stabbilita bil-liġi u suġġetta għall-istħarriġ ta’ awtorità ġudizzjarja indipendenti?

6)

Il-kunċett ta’ “korpi […] rikonoxxuti […] bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, imsemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat, bl-għan tar-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-korp, bħala li jimponi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-forma tal-operat tal-fornitur tas-servizzi, jew fir-rigward tal-għan altruist jew ta’ lukru tal-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi, jew b’mod iktar ġenerali bħala li jirrestrinġi permezz ta’ kriterji u/jew kundizzjonijiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) jew is-sempliċi eżekuzzjoni tal-provvisti “marbuta […] ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” hija suffiċjenti sabiex il-korp inkwistjoni jingħata natura soċjali?

7)

Il-kunċett ta’ “korpi […] rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali” msemmi fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi proċess ta’ rikonoxximent li huwa appoġġjat minn proċedura u kriterji ddeterminati minn qabel, jew ir-rikonoxximent ad hoc jista’ jsir każ b’każ, meta jkun xieraq, minn awtorità ġudizzjarja?

8)

Il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT li teżiġi mingħand il-persuna responsabbli mill-VAT, il-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet ekonomiċi relatati ma’ perijodu mitmum mad-deċiżjoni ta’ tassazzjoni tal-awtorità wara li din l-awtorità tkun aċċettat matul perijodu estiż qabel dan il-perijodu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-imsemmija persuna taxxabbli li ma jkunux jinkludu t-tranżazzjonijiet ekonomiċi tal-istess natura fit-tranżazzjonijiet taxxabbli? Din il-possibbiltà tal-awtorità inkarigata mill-irkupru tal-VAT hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).