Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007 1(1)

Kawża C-442/05

Finanzamt Oschatz

vs

Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Tassazzjoni – Sitt Direttiva VAT – Artikolu 4(5) – Anness D(2) – ‘Provvista ta’ ilma’– Artikolu 12(3)(a) – Rata mnaqqsa – Anness H, Kategorija 2 – ‘Provvisti ta’ l-ilma’”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE jirrigwarda l-interpretazzjoni tat-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) u t-termini “Provvisti ta’ l-ilma” fl-Anness H, Kategorija 2 għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima(2) (iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). Il-qorti tar-rinviju, il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi) (il-Ġermanja), tistaqsi jekk il-komunikazzjoni ta’ dar mas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma għal ħlas ikkalkulat b’mod separat hijiex koperta taħt dawk it-termini.

I –    Dritt Komunitarju rilevanti

2.        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmulha bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

3.        L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi minn għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘persuna taxxabbli’ kif ġej:

“1. ‛Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet […]

[…]

5. Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m'għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollomx għalfejn jitqiesu.

[…]”

4.        Fl-Anness D il-“provvista ta’ ilma” hija msemmija fil-lista bħala waħda mill-attivitajiet li ssir referenza għalihom fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

5.        L-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun iffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi […]

[...]

[L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw kemm rata waħda mnaqqsa, kif ukoll żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati huma ffissati għal perċentwali ta’ l-ammont taxxabbli li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u dawn japplikaw biss għall-provvista ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi tal-kategoriji msemmija fl-Anness H.]”

[It-traduzzjoni tal-kliem f’parenteżi kwadri mhijiex uffiċjali]

6.        Fl-Anness H “Provvisti ta’ l-ilma” huma msemmija fost l-oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”).

II – Liġi nazzjonali rilevanti

7.        Skond il-Paragrafu 1(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, iktar’il quddiem l-“UstG”), fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi li kuntrattur jaffettwa bi ħlas fil-kuntest tan-negozju tiegħu fil-Ġermanja huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

8.        L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(3) ta’ l-UstG tipprovdi li persuna legali rregolata mid-dritt pubbliku hija suġġetta biss għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ jekk twettaq negozju jew professjoni ta’ natura kummerċjali kif stabbilit fl-Artikolu 1(1)(6) u l-Artikolu 4 tal-Liġi tat-taxxa tal-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, iktar’il quddiem il-“KStG”). Il-provvista ta’ ilma lill-pubbliku hija waħda mill-attivitajiet ta’ natura kummerċjali msemmija fil-lista fl-Artikolu 4(3) tal-KStG.

9.        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-rata standard tat-taxxa kienet 16 % fil-Ġermanja skond l-Artikolu 12(1) ta’ l-UStG.

10.      Skond l-Artikolu 12(2)(1) ta’ l-UStG, flimkien mal-Punt 34 ta’ l-Anness għall-UStG, il-“provvista ta’ ilma” hija suġġetta għar-rata mnaqqsa ta’ 7 %.

III – Il-kawża prinċipali u d-digriet tar-rinviju

11.      Iż-Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien (iktar’il quddiem “ir-rikorrenti”), assoċjazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku, tipprovdi ilma għax-xorb u tittratta l-ilma użat. L-membri tagħha huma numru ta’ bliet u kunsilli lokali fir-reġjun amministrattiv tas-Sassonja.

12.      Minbarra li tipprovdi lill-klijenti tagħha bl-ilma, ir-rikorrenti tagħmel komunikazzjonijiet ta’ l-ilma fid-djar fuq talba tas-sidien tal-proprjetà bi ħlas ta’ l-ispejjeż. Permezz tal-komunikazzjoni fid-djar ir-rikorrenti tikkomunika s-sistema tagħha ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma ma’ l-istallazzjoni partikolari ta’ sid il-proprjetà. Il-pipijiet li jikkomunikaw d-djar mas-sistema jibqgħu proprjetà tar-rikorrenti.

13.      Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rata mnaqqsa tat-taxxa ta’ 7 %, li tapplika għall-provvista ta’ ilma fil-Ġermanja, għandha tkun applikabbli wkoll għall-provvista tal-komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar peress li l-komunikazzjoni hija intiża esklużivament sabiex tassigura l-provvista ta’ l-ilma fil-proprjetà.

14.      Il-Finanzamt (l-Uffiċċju tat-Taxxa) Oschatz (iktar’il quddiem “il-konvenut”) jikkunsidra, madanakollu, li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni f’dar għandha titqies bħala servizz indipendenti, jiġifieri l-“provvista ta’ komunikazzjoni mas-sistema tad-distribuzzjoni” u għandha tiġi ntaxxata bir-rata standard. Din il-pożizzjoni ġiet stabbilita f’ittra lill-Bundesministerium der Finanzen (Ministeru Federali tal-Finanzi) ta’ l-4 ta’ Lulju 2000.

15.      Il-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) laqgħet talba dwar il-kwistjoni li tressqet mir-rikorrenti kontra l-konvenut wara oġġezzjoni li ma ġietx milqugħa fir-rigward ta’ stima ta’ taxxa tar-rikorrenti li saret mill-konvenut. Il-Finanzgericht iddeċidiet li s-servizzi mogħtija mill-applikant lill-utenti, jiġifieri l-provvista ta’ ilma u l-istabbiliment tal-komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar, tirrappreżenta fit-totalità tagħha s-servizz unitarju ta’ “provvista ta’ ilma” u għandha tiġi ntaxxata skond il-liġi Ġermaniża bir-rata mnaqqsa ta’ 7 %.

16.      Il-Bundesfinanzhof mhijiex ċerta jekk it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar għal ħlas ikkalkulat b’mod separat huwiex kopert bit-terminu “l-provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) tas-Sitt Direttiva. Fl-eventwalità li t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, flimkien mal-Anness D(2) tagħha, mhumiex applikabbli għat-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar għal ħlas ikkalkulat b’mod separat, tqum id-domanda, skond il-Bundesfinanzhof, jekk fit-tqegħid ta’ dik il-komunikazzjoni r-rikorrenti kinitx qed taġixxi bħala persuna taxxabbli skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

17.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tar-rata ta’ taxxa li għandha tiġi applikata, il-Bundesfinanzhof hija inklinata li tqis it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma bħala inkluża fit-termini “Provvisti ta’ l-ilma” u għandha għalhekk tiġi ntaxxata bir-rata mnaqqsa. Madanakollu, din tikkunsidra li din il-kwistjoni tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

18.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-komunikazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma ma’ l-istallazzjoni ta’ sid ta’ proprjetà (l-hekk imsejħa ‛komunikazzjoni fid-dar’) minn impriża għal provvista ta’ ilma għal ħlas ikkalkulat b’mod separat taqa’ taħt it-titolu ta’ [‛il-provvista ta’ ilma’/‛Provvisti ta’ l-ilma’](3) fi ħdan it-tifsira tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (Anness D(2) u Anness H, Kategorija 2)?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, il-konvenut, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ l-Italja u l-Kummissjoni. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta fl-10 ta’ Mejju 2007.

IV – Fuq l-ammissibbiltà

20.      Il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubju dwar l-ammissibbiltà tal-parti tad-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva. Huwa jikkunsidra li l-eżitu tal-kawża prinċipali ma jiddependix fuq interpretazzjoni ta’ l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva peress illi mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti meta installat il-komunikazzjonijiet ta’ l-ilma fid-djar kienet qegħda twettaq negozju skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(3) ta’ l-UStG. Il-kwistjoni dwar l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva għalhekk mhijiex rilevanti u hija ta’ natura ipotetika. Il-konvenut jikkunsidra li deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva kienet tkun rilevanti għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mitluba tikkunsidra jekk, fl-eventwalità li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar mhuwiex kopert mit-termini ta’ l-Anness D(2), r-rikorrenti taġġixxix, meta teżerċita attività bħal din, bħala persuna taxxabbli skond l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva. Din id-domanda ma saritx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Fejn domandi ppreżentati minn qorti nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni(4). Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn meħtieġ, li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom il-kawża ġiet rrinvijata lilha mill-qorti nazzjonali sabiex tiġi vverifikata l-kompetenza proprja tagħha u, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li qed tintalab tippreżentax konnessjoni mal-fatti tal-kawża prinċipali jew ma’ l-għan tagħha, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex marbuta tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi. Jekk jidher li d-domanda li saret mhijiex manifestament rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tikkonstata li m’hemm l-ebda ħtieġa li tipproċedi għal sentenza(5).

22.      Fil-fehma tiegħi, mhuwiex ovvju fil-kawża preżenti li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li qed tintalab mill-qorti nazzjonali fir-rigward ta’ l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva m’għandha l-ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew hija ta’ natura ipotetika kif isostni l-konvenut u l-Gvern Ġermaniż.

23.      Jidher ċar mid-digriet tar-rinviju mill-qorti nazzjonali u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż li r-rikorrenti, meta tinstalla komunikazzjonijiet ta’ l-ilma fid-djar, hija taħt l-obbligu li tħallas il-VAT skond il-liġi Ġermaniża. Madankollu, l-qorti tar-rinviju indikat fid-digriet tar-rinviju li r-rikorrenti tidher, għall-inqas bħala prinċipju, li mhijiex persuna taxxabbli skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Il-qorti tar-rinviju għalhekk mhijiex ċerta jekk l-attività ta’ tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar għal ħlas ikkalkulat b’mod separat hijiex attività koperta mit-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) u jekk ir-rikorrenti għandhiex għalhekk titqies bħala persuna taxxabbli skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

24.      Il-kwistjoni ċentrali fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tidher, mid-digriet tar-rinviju mill-qorti nazzjonali, li tirrigwardja l-applikazzjoni jew le ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa għall-attività ta’ tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, flimkien ma’ l-Anness H, Kategorija 2 tagħha. Madanakollu, fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni tqum biss jekk l-entità li tqiegħed il-komunikazzjoni taġixxi bħala persuna taxxabbli meta twettaq dik l-attività u din ta’ l-aħħar hija suġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva.

25.      Peress li l-qorti nazzjonali indikat, abbażi tal-kawża quddiemha, li r-rikorrenti tista’ ma tkunx persuna taxxabbli skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sakemm it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma għal ħlas ikkalkulat b’mod separat jaqa’ fi ħdan it-termini ta’ l-Anness D(2), jiena tal-fehma li d-domanda dwar jekk it-tqegħid ta’ konnessjoni ta’ ilma għal ħlas ikkalkulat separatament huwiex kopert mit-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) hija rilevanti għall-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

26.      Għalhekk, għandha tingħata tweġiba għall-parti tad-domanda li tirrigwarda l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva bil-ħsieb li l-qorti nazzjonali tiġi pprovduta b’dawk l-elementi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu ta’ assistenza sabiex tiddeċidi l-kawża pendenti quddiemha. L-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà li tqajmet għandha tiġi miċħuda u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fir-rigward ta’ Anness D(2) għas-Sitt Direttiva għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

V –    Fuq il-mertu

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

27.      Ir-rikorrenti u l-Gvern Taljan jikkunsidraw li tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar huwa kopert mit-termini “provvista ta’ ilma” jew “Provvisti ta’ l-ilma” kif previst fl-Anness D(2) u l-Anness H, Kategorija 2 rispettivament għas-Sitt Direttiva. Dawn jikkunsidraw li komunikazzjonijiet ta’ l-ilma fid-djar huma indispensabbli għall-provvista ta’ l-ilma. Il-Gvern Taljan jissottometti li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-djar hija anċillari għall-provvista prinċipali, jiġifieri l-provvista ta’ ilma.

28.      Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-djar mhijiex provvista separata mill-provvista ta’ l-ilma. Mill-perspettiva tal-klijent, il-komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar isservi biss biex tagħmel il-provvista ta’ l-ilma possibbli u m’għandha l-ebda għan ieħor. Dan hu enfasizzat mill-fatt li għal raġunijiet legali u prattiċi l-klijent ma jistax jakkwista ilma minn xi impriża oħra. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li għat-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar jintalab ħlas partikolari jew jinvolvi ħlas ta’ darba mhuwiex rilevanti minn perspettiva ta’ VAT. Il-fatt li l-ispejjeż relatati mat-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-dar in kwistjoni jiġu mnaqqsa mill-ħlas ta’ kull xahar għall-ispejjeż fissi u l-ħlas marbut mal-konsum attwali ta’ l-ilma jindika li hemm prezz wieħed għall-provvista ta’ l-ilma, b’parti minnu li tiġi kkalkulata b’mod speċifiku. Barra dan, filwaqt li l-komunikazzjoni titqiegħed darba, hija indispensabbli għall-provvista ta’ l-ilma fuq bażi kontinwa u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala provvista indipendenti. Mhijiex sempliċiment il-komunikazzjoni, imma anki l-preżenza ta’ provvista ta’ l-ilma, li jżidu l-valur tal-bini in kwistjoni b’mod kontinwu. Għal kuntrarju ta’ dak li ġie argumentat mill-konvenut, il-preżunzjoni li l-ilma ma jistax jiġi kkonsmat f’binjiet b’komunikazzjoni ma jirriflettix ir-realtà. Barra minn hekk, l-ammont (għoli) iċċarġjat għall-komunikazzjoni fid-djar mhuwiex bażi valida biex wieħed jikkonkludi li din hija provvista indipendenti. Filwaqt li l-komunikazzjoni tista’ tiswa elf Euro, il-konsum ta’ ilma f’dar jista’ jammonta għal tmienja sa tnax-il elf Euro fuq perijodu ta’ erbgħin sa ħamsin sena.

29.      Il-konvenut u l-Gvern Ġermaniż limitaw l-argumenti tagħhom għall-interpretazzjoni ta’ l-Anness H, Kategorija 2 għas-Sitt Direttiva. Il-konvenut, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jissottomettu li t-teqgħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma mhijiex koperta mit-termini “Provvisti ta’ l-ilma” fl-Anness H, Kategorija 2 għas-Sitt Direttiva. Huma jikkunsidraw li peress li r-regoli dwar l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa jidderogaw mir-regoli ġenerali taħt is-Sitt Direttiva dawn għandhom, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati b’mod strett. It-termini “Provvisti ta’ l-ilma” għandhom għalhekk jiġu limitati għall-provvista ta’ ilma stricto sensu u m’għandhomx jinkludu xi servizzi addizzjonali bħal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biex tiġi assigurata l-provvista ta’ l-ilma. Il-konvenut u l-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw għalhekk li t-tqegħid tal-komunikazzjoni fid-djar għandha tiġi ntaxxata bir-rata standard.

30.      Il-Gvern Ġermaniż żied jgħid li l-prinċipju tan-newtralità tal-VAT jidgħajjef jekk it-termini “provvista ta’ ilma” kellhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ż-żejjed peress li servizzi paragunabbli bħal per eżempju t-tqegħid ta’ komunikazzjonijiet tal-gass jew ta’ l-elettriku, mhumiex suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ taxxa. Il-konvenut jissottometti wkoll li jekk is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti jiġu aċċettati, it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar mill-fornitur tiġi ntaxxata bir-rata mnaqqsa filwaqt li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni minn kumpannija tal-bini indipendenti tiġi ntaxxata bir-rata standard.

31.      Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jinnota li l-Istati Membri huma, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, liberi li jiddeċiedu jekk japplikawx rata mnaqqsa.

32.      Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni għalhekk jikkunsidraw li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar u l-provvista ta’ ilma għandhom jiġu ttrattati bħala żewġ provvisti prinċipali, suġġetti skond il-Gvern Ġermaniż għal rati differenti. Il-komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar ma tistax għalhekk titqies bħala provvista anċillari.

33.      Il-Kummissjoni taċċetta li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni f’dar hija kundizzjoni preliminari u neċessarja għall-provvista ta’ l-ilma. Madanakollu, minn perspettiva teknika, il-kostruzzjoni tal-komunikazzjoni strettament m’għandha l-ebda relazzjoni mal-provvista ta’ l-ilma. Il-konvenut, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw, b’mod partikolari, li l-fatt li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-dar huwa sid il-bini filwaqt li l-konsum attwali ta’ l-ilma jista’ jiġi addebitat, per eżempju, lill-inkwilin tal-bini, juri li l-komunikazzjoni u l-ilma nnifsu mhumiex provvista waħda. Il-konvenut jinnota wkoll li l-komunikazzjoni hija ta’ benefiċċju għall-bini fuq bażi kontinwa. Fuq kollox, skond il-konvenut u l-Kummissjoni, il-komunikazzjoni titqiegħed darba u m’għandha l-ebda rabta temporali mal-provvista ta’ l-ilma. Il-fatt li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni f’dar tiġi tiswa bħala medja ftit eluf ta’ Euros filwaqt li l-provvista ta’ l-ilma tiswa ġeneralment ftit mijiet fis-sena wkoll jissuġġerixxi li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni mhijiex attività anċillari. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, minn perspettiva finanzjarja hemm żewġ provvisti distinti li huma interpretati bħala tali mill-konsumaturi. Din il-konklużjoni hija konformi mad-distinzjoni li saret bejn il-kostruzzjoni u l-provvista ta’ netwerk u l-provvista ta’ ilma permezz tan-netwerk(6).

34.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li għalkemm mill-perspettiva ta’ konsumatur medju t-tqegħid tal-komunikazzjoni u l-provvista ta’ ilma jservu l-istess oġġettiv ekonomiku, dan minnu nnifsu mhux biżżejjed sabiex dawn jiġu meqjusin bħala provvista waħda. Biex ikun hemm provvista waħda l-elementi differenti jridu jkunu tant konnessi mill-qrib li ma jintgħarfux. Dan mhux il-każ fil-kawża preżenti. Il-Gvern Ġermaniż jinnota wkoll li l-komunikazzjoni fid-djar tista’ titqiegħed mingħajr ebda obbligu li tintuża u b’hekk li jiġi pprovdut l-ilma.

35.      Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tat-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D, il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemmx provi biżżejjed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex taċċerta ruħha jekk ir-rikorrenti fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju hijiex korp li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb il-parti tad-domanda dwar l-Anness D billi tiddikjara li l-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk l-attivitajiet tar-rikorrenti humiex taxxabbli.

B –    Evalwazzjoni

36.      Il-partijiet f’din il-kawża essenzjalment mhumiex qed jaqblu dwar jekk it-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) u “Provvisti ta’ l-ilma” fl-Anness H, Kategorija 2 għas-Sitt Direttiva jinkludux it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar.

37.      Għandu jiġi nnutat li s-Sitt Direttiva ma tagħtix definizzjoni la tat-termini “provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) jew tat-termini “Provvisti ta’ l-ilma” fl-Anness H, Kategorija 2. Il-preambolu għall-Anness H għas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri, meta jagħmlu t-traspożizzjoni tal-kategoriji ta’ oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Anness H fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jużaw in-nomenklatura magħquda sabiex jistabbilixxu xi tkopri b’mod preċiż il-kategorija kkonċernata. In-nomenklatura maqgħuda stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana(7), kif emendata, tikkonsisti, inter alia, f’nomenklatura tas-sistema armonizzata għal oġġetti biss. Madanakollu din ma tipprovdi ebda assistenza biex jiġu ddefiniti t-termini “Provvisti ta’ l-ilma”, u lanqas verament it-termini “provvista ta’ ilma”.

38.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, id-domandi li ġew irrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu riżolti biss abbażi tal-kliem użati fl-Anness H, Kategorija 2, għas-Sitt Direttiva. Fi kwalsiasi każ, it-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma ambigwi partikolarment fejn jiġu eżaminati u pparagunati verżjonijiet lingwistiċi differenti tas-Sitt Direttiva. Filwaqt li l-kliem ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi jistgħu jiffavorixxu interpretazzjoni dejqa tat-termini fl-Anness D(2) u l-Anness H, Kategorija 2, għas-Sitt Direttiva li tkun tillimita l-għan tagħhom għas-sempliċi konsenja ta’ ilma, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jiffavorixxu interpretazzjoni iktar wiesgħa(8). Minħabba d-differenzi lingwistiċi, l-għan tat-termini in kwistjoni ma jistax jiġi stabbilit abbażi ta’ interpretazzjoni li hija esklużivament testwali. Ikun għalhekk xieraq li jiġu kkunsidrati kriterji ta’ interpretazzjoni oħrajn, b’mod partikolari l-iskema ġenerali u l-għan tas-sistema regolatorja li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jifformaw parti minnha(9).

39.      Jiena nikkunsidra li għalhekk huwa meħtieġ li jiġu eżaminati separatament l-Anness D u H fis-sistema tas-Sitt Direttiva u li jiġi kkunsidrat l-għan partikolari tagħhom.

1.      Anness D

40.      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli, kif definiti fl-Artikolu 4(1) fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi(10). Konformi mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5), l-Istati Membri huma meħtieġa li jassiguraw li korpi regolati bid-dritt pubbliku jiġu ttrattati bħala persuni taxxabbli fejn jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni. Barra dan, konformi mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa impost l-obbligu “[f]i kwalsiasi każ” fuq Stati Membri li jittrattaw korpi regolati bid-dritt pubbliku bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista fl-Anness D għal dik id-direttiva, safejn l-attivitajiet in kwistjoni ma jkunux tant żgħar li ma jkollomx għalfejn jitqiesu.

41.      It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, flimkien ma’ l-Anness D tagħha, huma għalhekk fil-fehma tiegħi eċċezzjonijiet għal jew derogi mir-“regola ġenerali” li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5). L-għan ta’ kemm it-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa li n-newtralità tat-taxxa tiġi ppreservata f’sitwazzjonijiet li fihom korpi rregolati mid-dritt pubbliku jeżerċitaw, fil-kuntest tas-sistema ġuridika li hija partikolari għalihom, attivitajiet jew operazzjonijiet li jistgħu wkoll jitwettqu, f’kompetzzjoni magħhom, minn individwi privati skond sistema ta’ dritt privat jew abbażi ta’ konċessjonijiet amministrattivi(11).

42.      Madanakollu, fejn attività hija msemmija fl-Anness D m’hemm l-ebda bżonn li jiġi eżaminat l-istat legali tal-korp li jeżerċita dik l-attività u lanqas il-kwalità li fiha l-attività tiġi eżerċitata. Dan l-eżerċizzju m’hemmx bżonnu peress illi jekk attività hija koperta mit-termini ta’ l-Anness D għas-Sitt Direttiva l-entità li teżerċita dik l-attività hija, bħala prinċipju, taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività. Fil-fehma tiegħi dan joħroġ mill-kliem “[f]i kwalsiasi każ” użati f’dik id-dispożizzjoni. Barra dan, m’hemmx il-ħtieġa li jiġi stabbilit bħal fil-każ tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5), jekk it-trattament ta’ korp pubbliku bħala persuna li mhijiex taxxabbli jwassalx għal distorzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. Fejn l-attività hija koperta mill-Anness D, distorzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni hija preżunta. Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-Konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C-369/04(12), l-Anness D jelenka dawk l-attivitajiet li jistgħu jiġu eżerċitati kemm minn korpi pubbliċi u minn impriżi tas-settur privat u fejn’il-konnessjoni ekonomika hija primarja u ċara’(13). It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, flimkien mal-Anness D tagħha, huwa mfassal sabiex jassigura li korpi pubbliċi u impriżi tas-settur privat jitqegħdu fuq l-istess livell għal skopijiet ta’ taxxa fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness D.

43.      Fir-rigward ta’ l-attività li tirrigwarda l-provvista ta’ ilma msemmija fl-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva, huwa ċar mid-Direttiva 2004/17(14) li impriżi pubbliċi u privati huma attivi f’ċerti Stati Membri fis-settur ta’ l-ilma u jikkompetu fil-“provvista ta’ netwerks fissi intiżi biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, trasport, jew distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb” u “l-provvista ta’ ilma tax-xorb lil tali netwerks”(15). Barra dan, waqt is-seduta pubblika f’din il-kawża r-rikorrenti kkonfermat li fil-Ġermanja għadd ta’ tipi differenti ta’ entitajiet kemm ta’ natura privata u pubblika jqegħdu komunikazzjonijiet ta’ ilma fid-djar. Barra dan, jidher mis-sottomissjonijiet li l-attività tat-tqegħid ta’ komunikazzjonijiet ta’ ilma fid-djar hija ta’ rilevanza ekonomika konsiderevoli minħabba l-ispejjeż involuti.

44.      Għalhekk fil-fehma tiegħi jidher li jkun fi ħdan l-ispirtu u l-għan tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, u ta’ l-Anness D tagħha, li wieħed jinkludi t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar taħt it-termini l-“provvista ta’ ilma” fl-Anness D(2) ta’ din id-direttiva.

2.      L-Anness H

45.      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal provvisti tal-kategoriji(16) ta’ oġġetti u servizzi li ssir referenza għalihom fl-Anness H għal dik id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet huma minn natura tagħhom eċċezzjonijiet għall-prinċipju li tiġi applikata r-rata standard ta’ VAT u għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod strett(17).

46.      L-Anness H ġie inkorporat fis-Sitt Direttiva permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (approssimazzjoni tar-rati tal-VAT)(18). Minbarra “Provvisti ta’ l-ilma”, l-Anness H fih sittax il-kategorija oħra ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ taxxa.

47.      La l-premessi għad-Direttiva 92/77, u tabilħaqq lanqas dawk għas-Sitt Direttiva, ma jipprovdu ebda spjegazzjoni dwar l-għan u l-iskop ta’ l-Anness H. Madanakollu, fil-fehma tiegħi jidher, l-ewwel nett mill-kategoriji ta’ oġġetti u servizzi msemmija fl-Anness H stess u t-tieni nett mill-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, approssimazzjoni tar-rati tal-VAT(19), li l-għan ta’ l-Anness H għas-Sitt Direttiva, flimkien mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tagħha, huwa li jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa għal oġġetti u servizzi l-iktar importanti ta’ kuljum u għal attivitajiet li jservu għan soċjali jew pubbliku.

48.      Fil-fehma tiegħi, ilma nadif huwa oġġett essenzjali ta’ użu ta’ kuljum u l-aċċess għalih mingħajr dubju jippromwovi l-interessi tas-saħħa umana(20). Peress li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar ma sservi l-ebda għan ieħor ħlief li tikkomunika dar man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma u hija kundizzjoni preliminari u neċessarja sabiex jiġi akkwistat l-ilma minn dak in-netwerk, il-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa għall-provvista ta’ tali komunikazzjonijiet tkun fil-fehma tiegħi konformi ma’ l-għan previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva u fl-Anness H tagħha.

49.      Jien għalhekk inqis li t-termini “Provvisti ta’ l-ilma” li hemm referenza għalihom fl-Anness H, Kategorija 2, għas-Sitt Direttiva jinkludu t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar.

50.      Fil-fehma tiegħi jkun fadal li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni selettiva ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti aspetti biss tal-kategorija ‘Provvisti ta’ l-ilma’ hijiex permissibbli, u jekk huwa l-każ, fil-kuntest tal-kawża preżenti, jekk l-esklużjoni tat-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar minn dak it-trattament hijiex permissibbli(21). Huwa ċar mill-kliem tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva u l-użu tat-terminu “jista’” f’din id-dispożizzjoni li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa minn Stati Membri hija minn natura tagħha mhux obbligatorja. Id-deċiżjoni jekk tiġix applikata rata mnaqqsa ta’ taxxa għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri.

51.      Fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003 fil-Kawża C-384/01(22), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li t-test ta’ l-Artikolu 12(3)(b) tas-Sitt Direttiva, li jippermetti l-impożizzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT fuq provvisti ta’ gass naturali u elettriku, ma jipprojbixxix l-applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa għal aspetti konkreti u speċifiċi, bħal per eżempju l-ħlas fiss li jagħti d-dritt għal kwantità minima ta’ elettriku lill-utenti, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm ebda riskju ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni(23).

52.      Fil-fehma tiegħi, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jista’ wkoll jiġi interpretat b’dan il-mod, u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu rata mnaqqsa ta’ VAT fuq aspetti distinti u indipendenti tal-provvista ta’ ilma, suġġett madankollu għall-kundizzjoni importanti li l-prinċipju tan-newtralità fiskali, inerenti fis-sistema komuni tal-VAT, ma jiġix kompromess. Sabiex jiġi aċċertat jekk it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar jistax jintgħaraf u jiġi iżolat minn aspetti oħrajn tal-kategorija “Provvisti ta’ l-ilma”, jien nikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar provvisti komposti tista’ tiġi applikata b’mod utli.

53.      Kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni in kwistjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk humiex involuti żewġ provvisti distinti jew aktar jew jekk hijiex involuta provvista waħda. Meta jiġu kkunsidrati ż-żewġ fatti li, l-ewwel nett, isegwi mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva li, normalment, kull tranżazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala separata u indipendenti u li, it-tieni nett, tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fuq il-livell kummerċjali m’għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata, għandhom fl-ewwel lok jiġu individwalizzati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni in kwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix lill-konsumatur, meqjus bħala konsumatur medju, diversi provvisti prinċipali separati jew provvista waħda. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija provvista waħda fejn żewġ elementi jew aktar minn tnejn, fornuti mill-persuna taxxabbli lill-konsumatur, meqjus bħala konsumatur medju, għandhom konnessjoni tant stretta li jiffurmaw, oġġettivament, provvista kummerċjali waħda li ma tistax tiġi sseparata u li kieku kellha tiġi sseparata tingħata xejra artifiċjali(24).

54.      Barra dan, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li servizz għandu jiġi meqjus bħala anċillari għal servizz prinċipali, u għalhekk jingħata l-istess trattament fiskali tas-servizz prinċipali, jekk għall-klijenti ma jkunx jikkonstitwixxi għan fih innifsu, imma mezz ta’ kif jiġi gawdut aħjar is-servizz prinċipali li ġie pprovdut(25).

55.      Jiena nikkunsidra li t-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar ma tikkostitwix għan fih innifsu għall-persuna li tagħmel talba għat-tqegħid tal-komunikazzjoni. Kif ġie rrilevat fil-punt 48 iktar’il fuq, l-uniku għan tat-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma f’dar, mill-perspettiva tal-persuna li tagħmel talba għaliha u ċertament ta’ l-impriża li tqiegħed dik il-komunikazzjoni, huwa li tagħmel possibbli l-provvista ta’ l-ilma minn netwerk ta’ distribuzzjoni għal dar. Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż innifsu jammetti fis-sottomissjonijiet tiegħu li mill-perspettiva tal-konsumatur medju t-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-dar u l-provvista ta’ ilma jservu l-istess objettiv ekonomiku(26). Jidhirli li jkun ferm artifiċjali li tiddistingwi jew tiżola t-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-dar mill-ilma attwalment fornut minn netwerk lid-dar in kwistjoni.

56.      L-eżistenza ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar hija rekwiżit essenzjali sabiex tikseb l-ilma minn netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma u għalhekk għandha, fil-fehma tiegħi, tgawdi mill-istess trattament fiskali bħall-ilma pprovdut li jidher li fil-Ġermanja, skond il-qorti tar-rinviju, jiġi intaxxat b’rata mnaqqsa.

57.      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-komunikazzjoni titqiegħed darba fuq perijodu estiż ta’ żmien, fil-fehma tiegħi, ma jbiddilx l-analiżi mogħtija iktar’il fuq meta tqis il-ħtieġa kontinwa tal-komunikazzjoni biex jinkiseb l-ilma minn netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma. Barra dan, il-fatt, fil-kawża preżenti, li t-tqegħid tal-komunikazzjoni tista’ tinvolvi ħlas għoli bil-quddiem meta mqabbel, per eżempju, mal-ħlas ta’ kull xahar għall-konsum ta’ l-ilma, mhuwiex fil-fehma tiegħi deċiżiv u ma jservix sabiex jikser ir-rabta intrinsika u funzjonali bejn it-tqegħid tal-komunikazzjoni u l-provvista ta’ l-ilma minn netwerk ta’ distribuzzjoni għal ġo dar.

58.      Jiena tal-fehma li l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż u tal-konvenut fil-punt 30 iktar’il fuq huma infondati u m’hemm l-ebda riskju ta’ preġudizzju fir-rigward tal-prinċipju tan-newtralità fiskali(27) tas-sistema tal-VAT jekk it-tqegħid ta’ komunikazzjoni fid-djar hija inkluża fit-termini “Provvisti ta’ l-ilma” fl-Anness H, Kategorija 2, għas-Sitt Direttiva.

59.      Fil-fehma tiegħi ma hemm ebda relazzjoni bejn it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ l-ilma fid-djar u t-tqegħid, per eżempju, ta’ komunikazzjonijiet ta’ gass jew elettriku għal dak li għandu x’jaqsam mal-VAT. Wieħed irid jammetti li jista’ jkun hemm xebħ bejn it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar u t-tqegħid ta’ komunikazzjonijiet għall-provvista ta’ gass jew elettriku. Madanakollu, il-provvista ta’ gass u l-provvista ta’ elettriku, minn naħa waħda, u l-provvista ta’ ilma min-naħa l-oħra, jingħataw status legali differenti taħt is-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota biss li filwaqt li l-provvista ta’ gass u l-provvista ta’ elettriku huma inklużi fl-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva flimkien mal-provvista ta’ ilma, ‘Provvisti ta’ l-ilma’, u mhux il-provvista ta’ gass u l-provvista ta’ elettriku, jidhru fost il-kategoriji ta’ oġġetti u servizzi msemmija fl-Anness H għas-Sitt Direttiva. Fl-opinjoni tiegħi, il-provvista ta’ ilma, minn naħa waħda u l-provvista ta’ gass u l-provvista ta’ elettriku min-naħa l-oħra ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “attivitajiet paragunabbli” għal dak li għandu x’jaqsam mal-VAT.

60.      Konsegwentement, it-termini “Provvisti ta’ l-ilma” li hemm referenza għalihom fl-Anness H, Kategorija 2, għas-Sitt Direttiva jinkludu l-attività tat-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar. Barra minn hekk, it-tqegħid ta’ komunikazzjoni ta’ ilma fid-djar u l-ilma mqassam lid-dar in kwistjoni għandhom jiġu meqjusa bħala tranżazzjoni waħda għal dak li jirrigwarda l-VAT.

VI – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti t-tweġiba li ġejja għad-domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof:

Il-komunikazzjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma ma’ l-istallazzjoni ta’ sid ta’ proprjetà minn impriża għall-provvista ta’ l-ilma għal ħlas ikkalkulat b’mod separat taqa’ taħt it-titolu ta’ [“il-provvista ta’ ilma”/“Provvisti ta’ l-ilma”] fi ħdan it-tifsira tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (Anness D(2) u Anness H, Kategorija 2) u għandha titqies, flimkien ma’ l-ilma mwassal fid-dar in kwistjoni, li tifforma tranżazzjoni waħda għal dak li jirrigwarda l-VAT.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU L 145, p. 1.


3 –      Għandu jiġi nnutat li fil-verżjoni oriġinali bil-lingwa Ġermaniża tad-domanda rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali tuża t-termini “Lieferungen von Wasser”, li tirrifletti l-fatt li terminoloġija identika hija użata fl-Anness D(2) u l-Anness H, Kategorija 2 għal verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tas-Sitt Direttiva. Madankollu, ma tiġix użata terminoloġija identika f’dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħrajn. Per eżempju, it-termini ‘supply of water’ jiġu użati fl-Anness D(2) filwaqt li t-termini “Water supplies” jiġu użati fl-Anness H, Kategorija 2 fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva.


4 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst Sass (C-254/98, Ġabra I-151, punt 13).


5 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, Ġabra I-1711, punt 15).


6 – Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, p. 1). Ara wkoll id-disa’ inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-aċċess għan-netwerk fir-rigward ta’ l-elettriku u l-gass.


7 – ĠU L 256, p. 1.


8 – Per eżempju l-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tat-termini ta’ l-Anness D(2) u l-Anness H, Kategorija 2 għas-Sitt Direttiva jistgħu jimplikaw skop aktar dejjaq peress li l-kliem ‘Lieferungen von Wasser’ jistgħu jiġu interpretati bħala li qed jirreferu għas-sempliċi konsenja ta’ ilma. Mill-banda l-oħra, it-termini użati fil-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ingliż (the supply of water), bil-Franċiż (la distribution d’eau), bit-Taljan (Erogazione di acqua), bl-Ispanjol (Distribucíon de agua) u bis-Slovakk (Zásobovanie vodou) ta’ l-Anness D(2) għas-Sitt Direttiva jippermettu interpretazzjoni differenti u iktar wiesgħa u jistgħu jiġu interpretati bħala li jinkludu ħidmiet aktar komprensivi li jassiguraw aċċess pubbliku għall-ilma.


9 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-156/98, Ġabra I-6857, punt 50), u tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-53/05, Ġabra I-6215, punt 20).


10 – Dan huwa wkoll il-każ fejn jiġbru miżati, drittijiet, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet oħrajn fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet.


11 – Dan l-approċċ għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva ġie kkonfermat reċentement ħafna mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C-430/04, Ġabra I-4999, punt 24).


12 – Konklużjonijiet tas-7 ta’ Settembru 2006 (Ġabra, p. I-5247).


13 – Ara l-punti 93 u 94 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott f’Hutchison 3G.


14 – Iċċitata fin-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna. L-Anness III għad-Direttiva 2004/17, li jelenka entitajiet kontraenti fis-setturi tal-produzzjoni, trasport jew distribuzzjoni ta’ ilma tax-xorb fl-Istati Membri, jirreferi kemm għal impriżi privati u pubbliċi. Jidher mill-premessi għad-Direttiva 2004/17, b’mod partikolari mill-għaxar premessa, li din id-direttiva kienet ġiet adottata, inter alia, sabiex tassigura li t-trattament ugwali ta’ entitajiet kontraenti li joperaw fis-settur pubbliku u dawk li joperaw fis-settur privat ma jiġix ippreġudikat.


15 – Ara l-Artikolu 2 dwar id-definizzjoni ta’ entitajiet suġġetti għad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 4 intitolat “Ilma” dwar il-lista ta’ attivitajiet f’dak is-settur koperti minn din id-direttiva.


16 – L-użu tat-terminu “kategorija” fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jindika li l-oġġetti msemmija fl-Anness H għal din id-Direttiva huma titoli għal gruppi jew klassijiet jew oġġetti jew servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ taxxa.


17 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-83/99, Ġabra I-445, punti 18 u 19).


18 – ĠU L 316, p. 1.


19 – ĠU tat-12 ta’ Settembru 1988, C 237, p. 21.


20 – Ara, per eżempju, is-sitt premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ĠU L 330, p. 32.


21 – Dan iqum minħabba l-fatt li, skond l-ittra tal-Bundesministerium der Finanzen ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, il-“provvista ta’ komunikazzjoni man-netwerk tad-distribuzzjoni” għandha tiġi intaxxata bir-rata standard, filwaqt li skond il-qorti tar-rinviju konformi mal-liġi Ġermaniża l-provviżjoni ta’ ilma hija suġġetta għar-rata mnaqqsa.


22 – Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01, Ġabra I-4395, punti 24 u 26 sa 28).


23 – Fil-Konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, Ġabra p. I-6269), l-Avukat Ġenerali Kokott indikat, madankollu, li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-384/01), li kienet tirrigwarda l-Artikolu 226 KE, m’għandhiex tiġi interpretata ħażin. Fil-fehma tagħha, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-384/01 tidher li qed taċċetta li “parti waħda” ta’ provvista tista’ tkun suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ taxxa, dik il-kawża kellha x’taqsam primarjament mal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx ippreżentat provi li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa tabilħaqq wasslet għal distorzjoni tal-kompetizzjoni f’dak il-każ speċifiku. Għalhekk mhux possibbli, skond l-Avukat Ġenerali Kokott, li wieħed jasal għal konklużjonijiet ġenerali mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-punti 33 u 34.


24 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C-41/04, Ġabra I-9433, punti 19, 20 u 22).


25 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Card Protection Plan Ltd (C-349/96, Ġabra I-973, punt 30), li tirreferi għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24).


26 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


27 – Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jipprekludi, b’mod partikolari, li merkanzija jew provvista ta’ servizzi simili, li għaldaqstant jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-VAT, b’tali mod li l-imsemmija merkanzija jew l-imsemmija provvista għandhom jiġu suġġetti għal rata uniformi. Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20) u tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-481/98, Ġabra I-3369, punti 21 u 22).