Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2007 1(1)

Kawża C-293/06

Deutsche Shell

vs

Finanzamt für Groβunternehmen in Hamburg

“Libertà ta’ stabbiliment – Tassazzjoni tal-kumpanniji – Telf minħabba l-kambju li jbatu kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru mar-ripatrijazzjoni tal-kapital inizjali mogħti lil stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor”






1.        F’din il-kawża l-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) ta’ Amburgu, il-Ġermanja, staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex kontra l-libertà ta’ stabbiliment li l-Istat Membru A jitratta telf fil-kambju li jirriżulta mir-ripratrijazzjoni tal-kapital inizjali mogħti minn kumpannija stabbilta f’dak l-Istat lil stabbiliment permanenti fl-Istat Membru B b’munita differenti bħala li jifforma parti mill-profitti ta’ l-istabbilimenti u li jeskludi dak it-telf, fuq il-bażi ta’ konvenzjoni ta’ tassazzjoni doppja, mill-bażi ta’ stima tat-taxxa tal-kumpannija fl-Istat Membru A, anki jekk it-telf fil-kambju ma jistax jifforma parti mill-profitti ta’ l-istabbiliment li għandhom jiġu meħudin in kunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru B u għalhekk ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fl-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri.

 Il-leġiżlazzjoni rilevanti

2.        Kumpannija stabbilita fil-Ġermanja hija, bħala prinċipju, suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja fuq id-dħul dinji tagħha.(2)

3.        Skond il-Konvenzjoni ta’ Tassazzjoni Doppja ta’ l-1925 (aktar’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ l-1925”) bejn il-Ġermanja u l-Italja, din ir-regola hija mitigata fir-rigward tad-“dħul miksub permezz ta’ l-attività ta’” stabbilment Taljan(3) ta’ kumpannija Ġermaniża. Skond l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ l-1925, tali dħul huwa biss suġġett għat-taxxa fl-Italja.

4.        Skond il-liġi Ġermaniża, persuna eżentata minn konvenzjoni ta’ tassazzjoni doppja minn taxxa fuq “dħul magħmul minn attività kummerċjali” ta’ fergħa barranija tista’ tnaqqas kwalunke telf konness ma’ dak id-dħul sakemm tali telf (i) jista’ jitnaqqas li kieku d-dħul ma jkunx eżentat, u (ii) ikun jeċċedi d-dħul pożittiv li huwa eżenti b’dan il-mod.(4)

5.        Dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala dħul u kif għandu jiġi aċċertat id-dħul huma kwistjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati skond l-EStG.(5) Din il-liġi tipprovdi li “[s]akemm ikollha rabta ekonomika diretta ma’ dħul mhux taxxabbli, in-nefqa ma tistax titnaqqas bħall li kieku tikkostitwixxi nefqa ta’ l-impriża għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima.”(6)

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali

6.        Skond il-fatti deskritti mill-qorti ta’ rinviju, ir-rikorrenti quddiem din il-qorti, Deutsche Shell GmbH (aktar’il quddiem “Deutsche Shell”), hija kumpannija li għandha l-uffiċju prinċipali tan-negozju tagħha fil-Ġermanja. Fl-1974, Deutsche Shell stabbiliet fergħa fl-Italja. Skond id-dritt Taljan, il-profitti ġġenerati minn dik il-fergħa kienu rreġistrati f’kontabbiltà kummerċjali u fiskali ppreparata fil-munita Taljana u, għal Deutsche Shell, f’kontabbiltà kummerċjali u fiskali Ġermaniża separata.

7.        Deutsche Shell ipprovdiet lill-fergħa tagħha b’kapital inizjali, li tniżżel fil-kontabbiltà kummerċjali u fiskali Ġermaniża separata skond ir-rata tal-kambju tad-DEM li kienet tapplika fil-mument ta’ kull pagament li sar bil-LIT. Għal kemm damet operattiva l-fergħa, parti minn dan il-kapital inizjali tħallset lura permezz tar-ripatrijazzjoni tal-profitti, li tnaqqsu mill-kapital inizjali aġġustat. Dawn it-tranżazzjonijiet twettqu skond ir-rata tal-kambju bejn il-LIT u d-DEM fid-dati rilevanti tal-pagament tat-tranżazzjonijiet.

8.        Fit-28 ta’ Frar 1992, Deutsche Shell ittrasferiet l-assi tal-fergħa lil kumpannija sussidjarja li kienet 100% proprjetà tagħha (Sierra Gas S.r.L.: aktar’il quddiem “Sierra”) u għalqet il-fergħa. Deutsche Shell imbagħad biegħet l-ishma li akkwistat permezz ta’ dak it-trasferiment lil kumpannija indipendenti Taljana (Edison Gas S.p.A., aktar’il quddiem “Edison”).

9.        Din it-tranżazzjoni twettqet f’LIT. Fis-17 ta’ Lulju 1992, il-flus li ġew realizzati mill-bejgħ ta’ l-ishma lil Edison ġew ittrasferiti lil Deutsche Shell. Is-somma totali li ġiet ittrasferita, wara l-konverżjoni minn LIT għal DEM, kienet ta’ DEM 139 507 643 (bejn wieħed u ieħor EUR 71,3 miljun). Minn dawn il-fondi qabel il-konverżjoni, LIT 83 658 896 927 intużaw sabiex jitħallas lura l-kapital inizjali li kien għadu ma tħallasx. Dak l-ammont ipproduċa s-somma ta’ DEM 111 868 677 (bejn wieħed u ieħor EUR 57 miljun) fuq il-bażi tar-rata tal-kambju fis-seħħ fis-17 ta’ Lulju 1992 (LIT 1 000 = DEM 1,3372). Meta din is-somma kienet ipparagunata ma’ l-ispejjeż storiċi ta’ l-akkwist tal-kapital inizjali li tħallas lura, ir-riżultat għar-rikorrenti kien telf fil-kambju ta’ DEM 122 698 502 (bejn wieħed u ieħor EUR 62.7 miljun).

10.      Il-profitti mit-trasferiment tal-fergħa Taljana lil Sierra u l-bejgħ sussegwenti ta’ l-ishma ta’ Sierra kienu intaxxati fl-Italja. Madankollu, peress li dan sar f’LIT, it-telf fil-kambju ma deherx, u ma tteħidx in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-istima ta’ l-ammont suġġett għat-taxxa Taljana.

11.      Ir-rikorrenti sostniet li, mid-DEM 139 507 643 ittrasferiti, it-telf fil-kambju ta’ DEM 122 698 502 għandu jittieħed in kunsiderazzjoni u jiġi mpaċċi mal-profitti tagħha meta tiġi kkalkulata t-taxxa dovuta fil-Ġermanja. L-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi (aktar’il quddiem il-“Finanzamt”) rrifjutaw li jagħmlu dan. Il-kwistjoni waslet quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti Fiskali) ta’ Amburgu.

12.      Il-Finanzgericht ikkonkludiet li, mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, il-Finanzamt kienet applikat il-Konvenzjoni ta’ l-1925 korrettament. Fid-dawl tat-termini ta’ din il-Konvenzjoni u l-applikazzjoni normali tagħha fid-dritt Ġermaniż, hija kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex it-telf ikkontestat, minħabba r-rata tal-kambju, ta’ DEM 122 698 502 jiddaħħal fil-kalkolu tat-taxxa dovuta minn Deutsche Shell fil-Ġermanja. Dan għaliex it-telf irriżulta – għalkemm indirettament – “permezz ta’ l-attività” tal-fergħa fl-Italja u għalhekk tqies bħala parti mid-“dħul” tagħha. Għalhekk dan it-telf jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni għal finijiet ta’ taxxa biss f’dak l-Istat Membru.

13.      Il-Finanzgericht, madankollu, ma kinitx żgura jekk l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha tad-dritt kinux kompatibbli mad-dritt Komunitarju u mal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit fl-Artikolu 43 KE. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

(1)      Huwa kontra l-Artikolu 52, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 58, tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE) li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-Istat ta’ l-oriġini, tittratta t-telf fil-kambju ta’ kumpannija prinċipali Ġermaniża li jirriżulta mir-ripatrijazzjoni ta’ l-hekk imsejjaħ kapital inizjali mogħti lil stabbiliment Taljan bħala parti mill-profitti ta’ dak l-istabbilment u li teskludi dak it-telf, fuq il-bażi ta’ l-eżenzjoni skond l-Artikoli 3(1), 3(3) u 11.1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Tassazzjoni Doppja ta’ l-1925 bejn il-Ġermanja u l-Italja, mill-bażi ta’ stima tat-taxxa Ġermaniża, anki jekk it-telf fil-kambju ma jistax jifforma parti mill-profitti ta’ l-istabbilment li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għal finijiet ta’ tassazzjoni fl-Italja u għalhekk la jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni fl-Istat ta’ l-oriġini u lanqas fl-Istat fejn jinsab l-istabbilment?

(2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: huwa kontra l-Artikolu 52, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 58, tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE) l-fatt li t-telf fil-kambju msemmi aktar’il fuq jista jiġi inkluż fil-bażi ta’ stima tat-taxxa Ġermaniża imma jista’ jitnaqqas bħala nefqa ta’ l-impriża biss safejn l-istabbiliment Taljan ma jagħmel l-ebda profitt mhux taxxabbli?

 Nota dwar il-fatti tal-kawża

14.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm il-Finanzamt kif ukoll il-Ġermanja kkontestaw il-fatti kif ġew esposti fid-deċiżjoni ta’ rinviju tal-Finanzgericht. Iċ-ċirkustanza fattwali mhux tas-soltu ta’ din il-kawża taw lok għal domanda min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn Deutsche Shell u l-Finanzamt intalbu jipprovdu dettalji dwar ir-ripatrijazzjoni tal-profitti.

15.      Il-Finanzamt issostni li d-deskrizzjoni tal-fatti mogħtija minn Deutsche Shell hija, fil-parti l-kbira tagħha, fittizja, l-istess bħat-telf fil-kambju nnifsu. Il-profitti ripatrijati (li kienu ntaxxati fl-Italja) kienu jikkostitwixxu fluss intern ta’ pagamenti, li saru bi skop ta’ trasparenza. Il-kapital inizjali kien sempliċement assorbit fil-kapital operattiv tal-fergħa Taljana. Peress li kien hemm kont kumpensatorju intern, il-flus li tħallsu lill-kumpannija prinċipali ma kinux l-istess flus bħal dawk li ġew riċevuti bħala kapital inizjali.

16.      Il-valur effettiv ta’ l-assi kapitali ma tnaqqasx bid-devalwazzjoni tal-lira Taljana, u l-valur intern tal-kapital inizjali għalhekk baqa’ kostanti meta kien evalwat f’DEM u varja meta kien evalwat f’LIT, aktar milli bil-maqlub.

17.      Il-Ġermanja ssostni li Deutsche Shell qed tipprova tpaċċi t-tassazzjoni tal-profitt mill-bejgħ fl-Italja (li kien jammonta għal DEM 95 551 905 f’taxxa) bi tnaqqis korrispondenti ta’ “telf” magħżul b’attenzjoni u għalkollox fittizju fil-Ġermanja (li kien jammonta għal DEM 122 698 502). Il-Ġermanja ssostni li r-rikorrenti qed tipprova tiddividi, b’mod artifiċjali, il-profitt li rċeviet mill-bejgħ ta’ l-istabbilment Taljan billi talloka ftit minnu għal ripatrijazzjoni tal-kapital inizjali.

18.      Deutsche Shell issostni li mhemm xejn “fittizju” f’sitwazzjoni fejn, minħabba d-devalwazzjoni tal-LIT fil-konfront tad-DEM, somma f’kapital inizjali espressa f’LIT tonqos bin-nofs meta tiġi konvertita lura f’DEM. It-telf ta’ DEM 122 698 502 li rriżulta fil-kambju kellu jittieħed in kunsiderazzjoni meta ġew evalwati l-profitti globali ta’ Deutsche Shell.

 Konklużjoni rigward il-kwistjoni dwar il-fatti tal-kawża

19.      Il-Ġermanja ssostni li din il-kawża hija għalkollox infondata, li t-telf huwa fittizju, u li d-dikjarazzjoni żbaljata ta’ Deutsche Shell rigward il-fatti wasslet għall-apparenza ta’ problema li fil-fatt ma teżistix. Għalhekk hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

20.      Madanakollu, minkejja l-intensità ta’ l-argument dwar il-fatti, ma ntweriex li l-proċeduri huma manifestament infondati. Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni vera bejn il-partijiet aktar tista’ tinsab f’kif għandhom jiġu interpretati l-fatti partikolari milli f’jekk il-fatti, bħala tali, jeżistux.

21.      Jekk il-fatti humiex tabilħaqq kif ġie ddikjarat fid-deċiżjoni ta’ rinviju hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Jekk il-fatti huma differenti minn dawk li ġew stabbiliti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu in kunsiderazzjoni din id-differenza meta, fl-aħħar mill-aħħar, tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-kawża.(7)

22.      Hija ġurisprudenza stabbilita(8) li, peress li l-Artikolu 234 KE huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu bħala bażi għas-sentenza tagħha l-fatti kif esposti fid-deċiżjoni ta’ rinviju mill-qorti nazzjonali. Skond l-Artikolu 234 KE, fil-każ ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa dak li tipprovdi l-elementi għall-interpretazzjoni tal-liġi.

23.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi t-talba għal-deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 L-ewwel domanda

24.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment tistaqsi jekk huwiex kontra l-Artikoli 43 KE u 48 KE li l-Istat Membru A jittratta telf fil-kambju ta’ kumpannija stabbilita fit-territorju tiegħu li jirriżulta mir-ripatrijazzjoni ta’ l-hekk imsejjaħ kapital inizjali mogħti lil fergħa fl-Istat Membru B bħala li jikkostitwixxi parti mill-profitti tal-fergħa u li jeskludi dak it-telf, fuq il-bażi ta’ eżenzjoni skond konvenzjoni ta’ tassazzjoni doppja, mill-bażi ta’ stima tat-taxxa tal-kumpannija, anki jekk it-telf fil-kambju ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni bħala parti mill-profitti tal-fergħa li għandhom jiġu stmati għal finijiet ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru B, u għalhekk ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fl-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri.

25.      Il-problema tirriżulta mill-fatt li d-dritt Ġermaniż iqis it-telf fil-kambju li jirriżulta mill-attività ta’ fergħa barranija ta’ kumpannija Ġermaniża – inkluż telf li jirriżulta mill-għeluq tal-fergħa – bħala li huwa relatat mad-dħul minn dik il-fergħa. Għalhekk, fil-każ li tali dħul ikun eżentat mit-taxxa Ġermaniża skond konvenzjoni ta’ tassazzjoni doppja, it-telf fil-kambju ma jistax jiġi inkluż fl-istima tat-taxxa tal-kumpannija fil-Ġermaniża. Per definizzjoni, it-telf fil-kambju m’għandu l-ebda effett fuq il-profitti tal-fergħa fl-Italja (peress li dan jirriżulta biss mal-konverżjoni tal-fondi ttrasferiti lill-kumpannija fil-munita ta’ l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija). Għalhekk, la jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni mill-fergħa u lanqas mill-kumpannija prinċipali.

26.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-libertà ta’ stabbilment tinvolvi d-dritt li l-kumpanniji, stabbiliti skond il-liġi ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċju prinċipali tagħhom fi ħdan il-Komunità, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ fergħa stabbilita hemmhekk.(9)

27.      Lanqas mhuwa kontestat li għalkemm id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment huma fformulati b’tali mod li għandhom l-għan prinċipali li jiżguraw trattament ugwali ta’ kumpanniji barranin fi Stat Membru ospitant, madankollu dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu wkoll lill-Istat ta’ l-oriġini milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija stabbilita skond il-leġiżlazzjoni tiegħu li taqa’ taħt id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 48 KE.(10)

28.      Mod ta’ kif tista’ tiġi approwċjata t-talba għal deċiżjoni preliminari huwa dak li jiġi mistoqsi jekk hemmx diskriminazzjoni kontra l-kumpanniji prinċipali f’tali sitwazzjoni meta pparagunata mat-trattament mogħti lil kumpannija li tista’ titqies bħala element ta’ paragun xieraq. Mod differenti, u forsi aktar dirett, ta’ kif għandha tiġi eżaminata l-istess kwistjoni huwa dak li nistaqsu jekk id-dritt Ġermaniż jikkostitwix restrizzjoni għad-dritt tal-libertà ta’ stabbilment u, jekk iva, jekk din hijiex iġġustifikata.

 Trattament diskriminatorju

29.      Sabiex jiġi stabbilit jekk id-dritt Ġermaniż jiddiskriminax kontra Deutsche Shell b’tali mod li jikser id-dritt tagħha għal-libertà ta’ stabbiliment, jeħtieġ li nidentifikaw kumpannija li tista’ titqies bħala element ta’ paragun xieraq.

30.      Id-deċiżjoni ta’ rinviju tal-Finanzgericht tipparaguna l-pożizzjoni tar-rikorrenti (kumpannija prinċipali Ġermaniża li taħdem bid-DEM, li waqqfet stabbiliment Taljan li jaħdem bil-LIT) mal-pożizzjoni ta’ kumpannija prinċipali Ġermaniża ipotetika li taħdem bid-DEM, li waqqfet stabbiliment [sic] Ġermaniż li jaħdem bil-LIT (jew b’munita oħra). Il-Finanzgericht tiddikjara li t-telf fil-kambju li jkun hemm b’riżultat ta’ operazzjonijiet bħal dawn ikun jista’ jitnaqqas. Madankollu, hija donnha taċċetta wkoll li jista’ ma jkunx hemm sitwazzjoni interna paragunabbli, peress li fergħa Ġermaniża qatt mhija se tingħata kapital inizjali f’munita barranija. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet issuġġerew numru ta’ kumpanniji ipotetiċi oħra li jistgħu jitqiesu bħala elementi ta’ paragun.(11)

31.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dritt Ġermaniż iwassal għal trattament diskriminatorju. Telf għall-kumpannija prinċipali ma jitteħidx in kunsiderazzjoni sempliċement għaliex dak it-telf huwa telf fil-kambju li ġej minn stabbiliment ibbażat barra mill-pajjiż. Il-fatt li din il-problema tirriżulta biss f’sitwazzjoni fejn ikunu involuti iktar minn Stat wieħed mhix ġustifikazzjoni għar-rifjut ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ tali telf. Barra minn hekk, il-kumpanniji f’din il-pożizzjoni għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali.

32.      Il-Finanzamt, il-Ġermanja u l-Olanda huma tal-fehma li n-nuqqas, intern, ta’ kumpanniji veri u proprja li jistgħu jitqiesu bħala elementi ta’ paragun juri li mhemm l-ebda diskriminazzjoni fl-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż.

33.      Nixtieq infakkar li problema simili kienet is-suġġett tal-kawża AMID.(12) F’din il-kawża, il-Belġju sostna li l-impriżi Belġjani li kellhom fergħa fi Stat Membru ieħor ma kinux fl-istess pożizzjoni bħall-impriżi li kienu kkonċentraw l-operat kollu tagħhom fil-Belġju. Iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi dejjem kienu se jkunu f’sitwazzjoni differenti, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ taxxa li twassal għal riżultati differenti mhux bilfors tikkostitwixxi diskriminazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-argument, u sostniet li dawn id-differenzi ma setgħux jispjegaw id-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ tipi ta’ kumpannija.(13)

34.      Jistgħu jiġu esplorati numru ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli ipotetiċi bejn stabbilment Ġermaniż u wieħed Taljan. L-għażla ta’ element ta’ paragun normalment tagħti lok għal dibattitu mqanqal, peress li d-deċiżjoni dwar jekk hemmx (jew le) trattament diskriminatorju ta’ spiss hija bbażata proprju fuq l-għażla preċiża ta’ element ta’ paragun. Din id-diskussjoni, f’dan ir-rigward, tfakkarni pjuttost fil-ġurisprudenza bikrija li kienet tittratta d-diskriminazzjoni minħabba s-sess, fejn inħliet ħafna linka fuq il-kwistjoni problematika ta’ l-element ta’ paragun xieraq għal mara tqila.(14)

35.      Fl-opinjoni tiegħi, minkejja li tista’ tkun ta’ interess akkademiku u intelletwali kunsiderevoli, fiċ-ċirkustanza speċifiċi ta’ din il-kawża, diskussjoni twila dwar id-diskriminazzjoni mhijiex neċessarja. Skond il-Kummissjoni, il-fattur deċiżiv sabiex tinstab risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Finanzgericht mhuwiex dak ta’ jekk kienx hemm trattament diskriminatorju, imma jekk id-dritt nazzjonali Ġermaniż joħloqx sitwazzjoni li għandha effett restrittiv fuq dawk li jixtiequ jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom.

36.      Jiena naqbel ma’ dan.

 Ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

37.      Deutsche Shell issostni li sistema fejn mhemm l-ebda possibbiltà li, la fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tal-kumpannija prinċipali, u lanqas fl-Istat Membru fejn ġiet stabbilita fergħa, jittieħed in kunsiderazzjoni telf fil-kambju, tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija prinċipali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li l-kumpannija prinċipali batiet telf li la jista’ jitnaqqas fl-Italja u lanqas fil-Ġermanja. Tali telf jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

38.      Il-Finanzamt, filwaqt li ssostni bil-qawwa kollha li mhemm l-ebda trattament diskriminatorju, ma tikkontestax li mhemm l-ebda restrizzjoni. Hija tillimita ruħha li tiddikjara li Deutsche Shell ma batiet l-ebda telf reali. Madankollu, jekk il-fatti huma kif ġew iddikjarati mill-qorti ta’ rinviju, jidher li Deutsche Shell batiet minn żvantaġġ reali li tabilħaqq jirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment.

39.      Fejn ikun hemm żvantaġġ reali għall-kumpanniji li jħallsu t-taxxi, huwa importanti li tiġi ddeterminata l-kawża tiegħu. Dan neċessarjament jinvolvi l-evalwazzjoni tas-sistema fiskali li tat lok għall-iżvantaġġ u li ssir distinzjoni bejn restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 48 KE u waħda li tirriżulta bħala konsegwenza sfavorevoli imma naturali tad-differenzi bejn is-sistemi fiskali ta’ Stati Membri differenti.(15)

40.      Kemm il-Ġermanja kif ukoll l-Olanda bbażaw irwieħhom b’mod konsiderevoli fuq il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-Kawża C-374/04 Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation.(16) Fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-Konklużjonijiet (li ma kinux speċifikatament segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-Qorti waslet għall-istess konklużjoni), l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikklassifika numru ta’ ċirkustanza li jkollhom effett restrittiv bħala “kważi restrizzjonijiet”. Huwa sostna li tali kważi restrizzjonijiet jirriżultaw sempliċment bħala konsegwenza inevitabbli tal-fatt li żewġ sistemi legali differenti jeżistu flimkien. Żewġ eżempji li mogħtija minnu kienu dak fejn ir-restrizzjonijijet tfaċċaw minħabba differenzi bejn sistemi fiskali nazzjonali, u dak fejn ir-restrizzjonijiet tfaċċaw minħabba l-ħtieġa li l-ġuriżdizzjoni fiskali tiġi diviża bejn żewġ Stati Membri. Huwa ssuġġerixxa li l-kważi restrizzjonijiet m’għandhomx jagħtu lok għal intervent ġudizzjarju.

41.      Jiena se nikkunsidra dan l-aspett aktar’il quddiem meta neżamina l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni(17). Hawnhekk jidhrili li dak li huwa deċiżiv huwa jekk kumpannija tkunx żvantaġġjata f’sitwazzjoni li tinvolvi aktar minn Stat Membru wieħed. Il-possibbiltà li kumpannija tista’ tkun żvantaġġjata minħabba li t-telf, li jirriżulta minn varjazzjoni negattiva fil-kambju li taffetwa t-tranżazzjonijiet bejnha u stabbiliment fi Stat Membru ieħor, ma jitteħidx in kunsiderazzjoni meta tiġi kkalkulata t-taxxa, jista’ jirriżulta biss fil-każ fejn dik il-kumpannija tkun involuta fi stabbiliment fi Stat Membru ieħor.

42.      Huwa wkoll dubjuż jekk iċ-ċirkustanza preżenti rriżultatx biss minħabba l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn is-sistema fiskali Ġermaniża u dik Taljana. L-iżvantaġġ jirriżulta minħabba telf fil-kambju li jidher biss fil-Ġermanja. Għalhekk, jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni biss mill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi. Għaldaqstant, l-iżvantaġġ li batiet Deutsche Shell jista’ jiġi attribwit fuq id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi. Għalkemm huwa minnu li dawn id-deċiżjonijiet jitwettqu fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni ta’ l-1925, madankollu dan ma jfissirx li d-differenzi jirriżultaw sempliċement minħabba l-koeżistenza ta’ żewġ sistemi fiskali.

43.      Tali sitwazzjoni żżid ir-riskji li taffaċċja kumpannija li tixtieq toħloq fergħa fi Stat Membru li juża munita differenti. Il-kumpannija prinċipali mhux biss talli jkollha taffaċċja r-riskji normali assoċjati mas-suċċess tal-fergħa, iżda talli, f’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollha taffaċċja anki livell ogħla ta’ riskju meta tipprovdi kapital inizjali lill-fergħa.(18)

44.      Bħala konsegwenza ta’ l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, Deutsche Shell batiet minn telf li ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-profitti globali tagħha għall-finjiet tal-kalkolu tat-taxxa. Dan ir-riżultat, bla dubju, jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment inqas attraenti. Nikkonkludi li ċ-ċirkustanza ta’ din il-kawża jagħtu lok għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens ta’ l-Artikoli 43 u 48 KE.

 Il-ġustifikazzjoni

45.      Hija ġurisprudenza stabbilita li restrizzjoni għad-dritt li wieħed jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tiegħu tista’ tkun iġġustifikata f’ċerti ċirkustanzi.

46.      Madankollu, tali restrizzjoni hija permissibbli biss jekk għandha għan leġittimu li jkun kompatibbli mat-Trattat u jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

47.      Barra minn hekk, għandu jintwera li l-applikazzjoni tal-miżura restrittiva hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan leġittimu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. (19)

48.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet f’din il-kawża ssuġġerew numru ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għat-trattament fiskali in kwistjoni. Se nindirizzahom waħda wara l-oħra.

 Allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħat ta’ tassazzjoni

49.      Kemm il-Ġermanja kif ukoll l-Olanda ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi u dawk Taljani. Il-Ġermanja tinvoka wkoll is-sovranità nazzjonali bħala ġustifikazzjoni. Hija tiddikjara li l-arranġamenti li ġew stabbiliti bil-Konvenzjoni ta’ l-1925 huma mod loġiku sabiex, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu ż-żewġ Stati, jiġu diviżi l-kompetenzi fiskali Ġermaniżi u Taljani. Peress li t-telf fil-kambju oriġina fl-Italja, dan jaqa’ taħt il-kompetenza Taljana u għandu jittieħed in kunsiderazzjoni f’dak l-Istat.

50.      Madankollu, kif enfasizzaw Deutsche Shell u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, fl-1992 l-Italja kienet topera bil-LIT u l-kalkoli kollha għal finijiet ta’ taxxa, għaldaqstant, twettqu biss f’LIT. It-telf fil-kambju deher biss meta s-somom f’LIT ġew ikkonvertiti f’DEM. Għaldaqstant, dan l-argument huwa minnu nnifsu vvizzjat u għandu jiġi miċħud bħala ġustifikazzjoni.

51.      Barra minn hekk, il-fatt li jiġi eskluż kompletament telf li jkun indiviżibbli f’wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati u li ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni bħala dħul tal-fergħa fis-sens normali ta’ dak it-terminu mhuwiex applikazzjoni proporzjonata tas-setgħa ta’ l-Istati Membri li jallokaw il-kompetenzi fiskali bejniethom.

 Il-koerenza fiskali

52.      Il-Ġermanja u l-Olanda jsostnu li l-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża tista’ tiġi kompromessa jekk Deutsche Shell titħalla tieħu in kunsiderazzjoni telf fil-kambju meta tikkalkula l-profitti globali tagħha għal finijiet ta’ taxxa fil-Ġermanja.

53.      Miżuri restrittivi jistgħu jiġu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi preżervata l-koerenza ta’ sistema fiskali nazzjonali. Madankollu, sabiex tali miżura tkun iġġustifikata, għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-iżvantaġġ finanzjarju li batiet kumpannija prinċipali, u vantaġġ fiskali korrispondenti, li jpaċċi l-iżvantaġġ li batiet dik il-kumpannija.(20) Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din il-ġustifikazzjoni b’mod strett.(21)

54.      Hemm vantaġġ li jpaċċi l-iżvantaġġ li batiet Deutsche Shell f’dan il-każ? Il-Ġermanja ssostni li l-vantaġġ tas-sistema eżistenti huwa li profitt li ġej minn bidla favorevoli fir-rati tal-kambju wkoll ma jitteħidx in kunsiderazzjoni.

55.      Madankollu, Deutsche Shell batiet minn telf fil-kambju. Hija ma tistax tbiddel dan fi profitt fil-kambju. Għaldaqstant, mhemm l-ebda vantaġġ kumpensatorju li qiegħed jiġi offrut lir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, din il-kawża hija simili għall-Kawża C-385/00 de Groot.(22) Fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti ma jistgħu jitolbu l-ebda vantaġġ fiskali u minflok qed jiġu mgħobbija bl-impossibbiltà li jnaqqsu telf.

56.      L-argument tal-Ġermanja, li fis-sistema preżenti dawk li jkunu fuq in-naħa t-tajba ta’ bidla fir-rati tal-kambju jibbenefikaw, jonqos milli jieħu in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jkun hemm “vantaġġi” għal dawk li jbatu minn piż minħabba l-miżura restrittiva. “Vantaġġi” fiskali tat-tip li jiġu ġġenerati hawnhekk mhumiex vantaġġi fiskali reali, imma minflok huma inugwaljanza doppja.

57.      Fil-kawża AMID, il-Belġju wkoll kien sostna li l-inugwaljanzi li nħolqu mil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana kienu ġġustifikati peress li kienu ta’ benefiċċju għal kumpannija li tkun f’pożizzjoni kuntrarja għal dik ta’ AMID. Tali kumpannija ipotetika tkun f’pożizzjoni aħjar minn kumpannija domestika li ma jkollha l-ebda stabbiliment fil-Lussemburgu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-argument.(23)

58.      Il-Kummissjoni ssostni li l-koerenza fiskali tkun, tabilħaqq, ippreservata aħjar billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett ta’ varjazzjoni fir-rata tal-kambju. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll Deutsche Shell jenfasizzaw li, li kieku t-telf minħabba r-rata tal-kambju kien, minflok, profitt minħabba r-rata tal-kambju, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dak l-element fil-kalkolu tat-taxxa jagħmel dak il-profitt finanzjarju “argent blanc”. Huma josservaw ukoll li s-sistema eżistenti hija, b’mod sproporzjonat, ta’ benefiċċju għal kumpannija li tagħmel qliegħ minn varjazzjoni fir-rata tal-kambju, filwaqt li ma toffri l-ebda vantaġġ kumpensatorju lil kumpannija li tbati finanzjarjament minn varjazzjoni negattiva fir-rata tal-kambju. Dan ma jistax jitqies li huwa koerenti.

59.      Jiena naqbel ma’ dawn iż-żewġ osservazzjonijiet. Ma nqisx li r-riżultati li ġew iġġenerati f’sitwazzjoni bħal dik preżenti mis-sistema fiskali Ġermaniża jistgħu jiġu ġġustifikati la b’referenza għall-allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u lanqas mill-ħtieġa li tkun ippreservata l-koerenza fiskali. Jekk (quod non), bħala prinċipju, hija permessa kull waħda mill-ġustifikazzjonijiet imsemmija, jiena xorta nikkunsidra l-esklużjoni totali tat-telf ikkawżat minn varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju bħala sproporzjonata.

60.      Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda magħmula mill-Finanzgericht.

 It-tieni domanda

61.      Jekk (kif qed nipproponi) l-ewwel domanda tingħata risposta pożittiva, isir neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni domanda tal-qorti ta’ rinviju, li tikkonċerna safejn l-Istat ta’ l-oriġini jista’ jeskludi l-possibbiltà li jnaqqas telf fil-kambju li jirriżulta mill-għeluq ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor. Dritt kwalifikat għal tnaqqis, li kien jinkludi telf fil-kambju fil-bażi ta’ stima fl-Istat ta’ l-oriġini, imma li jippermetti li dan jitnaqqas bħala nefqa ta’ l-impriża biss sakemm il-fergħa fl-Istat Membru l-ieħor m’għamlet l-ebda profitt mhux taxxabbli,(24) ikun biżżejjed sabiex jiżgura konformità ma’ l-Artikolu 43 KE?

62.      Ir-rinviju li għamlet il-Finanzgericht jiddikjara li n-nefqa ta’ l-impriża hija prekluża milli titnaqqas mill-profitti tal-kumpannija prinċipali jekk ikollha rabta ekonomika diretta ma’ dħul mhux taxxabbli. Fil-fehma tal-Finanzgericht, id-dħul mill-bejgħ ta’ l-ishma ta’ Deutsche Shell f’Edison mhux taxxabbli fil-Ġermanja, peress li diġà kien intaxxat fl-Italja.

63.      Madankollu, il-Finanzgericht ma tindikax jekk t-telf fil-kambju tteħidx in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ din it-taxxa.

64.      Il-qorti ta’ rinviju kienet ukoll tal-fehma li kien hemm rabta diretta ddefinita b’mod ċar bejn it-telf fil-kambju u l-profitt mhux taxxabbli ta’ Deutsche Shell li ġej mill-fergħa tagħha fl-Italja. Hija tispjega li, anki li kieku kien possibbli li t-telf fil-kambju jiġi inkluż fil-bażi ta’ stima tat-taxxa Ġermaniża, l-effett tal-leġiżlazzjoni rilevanti(25) jkun li t-telf fil-kambju jkun jista’ jitnaqqas biss sakemm ikun eċċeda l-profitti mhux taxxabbli tal-fergħa. Peress li t-telf fil-kambju kien inqas mill-profitti totali mhux taxxabbli li nkisbu mit-trasferiment ta’ l-assi tal-fergħa lil Sierra u mill-bejgħ ta’ l-ishma f’dik il-kumpannija, il-qorti ta’ rinviju tikkonkludi li d-dritt Ġermaniż jasal sabiex jeskludi lill-Finanzamt milli tieħu in kunsiderazjoni dan it-telf fil-kambju.

65.      Jekk dan huwa l-każ, il-qorti ta’ rinviju hija interessata f’jekk l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE, jipprekludix tali riżultat.

66.      L-osservazzjonijiet li jindirizzaw din id-domanda mhumiex ħafna. Deutsche Shell u l-Kummissjoni jillimitaw irwieħhom għall-ewwel domanda u jżidu biss li jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun iva, għaldaqstant it-tieni domanda wkoll għandha tingħata risposta pożittiva.

67.      Il-Ġermanja tiddikjara li din mhix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, u li tali restrizzjoni kif inhi imposta hija limitata għall-każ fejn it-telf ikollu rabta ekonomika diretta ma’ dħul mhux taxxabbli. L-Olanda ma trattatx speċifikatament it-tieni domanda.

68.      Il-Finanzamt issostni li, għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-1925, dan it-telf ma jistax jiġi trattat fi ħdan il-Ġermanja bħala telf iżolat. Tali konklużjoni hija prekluża mill-kliem użat fil-Konvenzjoni, li tiffoka fuq id-dħul. It-telf fil-kambju kien jifforma biss parti mill-kontabbiltà ta’ profitt u telf tal-fergħa Taljana. Peress li Deutsche Shell kienet kisbet profitt ġenerali għall-1992 permezz tal-fergħa Taljana tagħha, anki meta jittieħed in kunsiderazzjoni t-telf fil-kambju, qatt ma kien hemm telf li, skond l-Artikolu 2a(3) ta’ l-EstG, jista’ jitnaqqas.

69.      Kif diġà indikajt, madankollu, it-telf fil-kambju ma kienx apparenti fil-LIT, u għalhekk ma tqiesx fil-valutazzjoni fiskali Taljana tal-profitti tal-fergħa.

70.      Għalhekk jidher kontradittorju li l-EStG tiġi interpretata b’mod li t-telf fil-kambju nnifsu jiġi kklassifikat bħala parti mill-profitti ta’ l-istabbilment (jew direttament marbut ma’ dawk il-profitti) li ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja.

71.      Il-fatt li din il-kwistjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva offruta mill-qorti ta’ rinviju fit-tieni domanda tagħha, iwassal li jiġi injorat il-punt kruċjali tal-każ, li huwa li s-sistemi Ġermaniżi u Taljani ħolqu sistema fejn telf fil-kambju ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-ebda waħda mill-awtoritajiet fiskali. Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni xierqa ta’ l-Artikolu 43 KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE teħtieġ li tali telf jittieħed in kunsiderazzjoni kollu (bħal kwalunkwe telf ieħor ta’ impriża). Peress li dan it-telf kien inviżibbli waqt il-kalkolu tat-taxxa dovuta fl-Italja f’LIT, isegwi li dan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tat-taxxa fil-Ġermanja tal-profitti globali ta’ Deutsche Shell.

72.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun waħda pożittiva.

 Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar’il fuq, jiena ta’ l-opinjoni li r-risposti għad-domandi preliminari magħmulin mill-Finanzgericht għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1)      Huwa kontra l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-Istat ta’ l-oriġini, tittratta telf fil-kambju ta’ kumpannija prinċipali Ġermaniża li jirriżulta mir-ripatrijazzjoni ta’ l-hekk imsejjaħ kapital inizjali mogħti lil stabbiliment Taljan bħala parti mill-profitti ta’ dak l-istabbiliment u li teskludi dak it-telf, fuq il-bażi ta’ l-eċċenzjoni skond l-Artikoli 3(1), 3(3) u 11.1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Tassazzjoni Doppja ta’ l-1925 bejn il-Ġermanja u l-Italja, mill-bażi ta’ stima tat-taxxa Ġermaniża, anki jekk it-telf fil-kambju ma jistax jifforma parti mill-profitti ta’ l-istabbiliment li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tassazzjoni fl-Italja u għalhekk la jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni fl-Istat ta’ l-oriġini u lanqas fl-Istat fejn jinsab l-istabbilment.

(2)      Huwa kontra l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 48 KE, il-fatt li t-telf fil-kambju msemmi aktar’il fuq għandu jiġi inkluż fil-bażi ta’ stima tat-taxxa Ġermaniża imma jista’ jitnaqqas bħala nefqa ta’ impriza biss sakemm l-istabbiliment Taljan ma jagħmel l-ebda profitt mhux taxxabbli.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Paragrafu 1(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (Liġi dwar it-Taxxa fuq il-kumpanniji) 1992 (iktar ’il quddiem il-“KStG”).


3 – Għal finijiet ta’ sempliċità, f’dawn il-konklużjonijiet meta nirreferi għal tali stabbiliment permanenti se nuża t-terminu “fergħa”.


4 – L-ewwel sentenza tal-Paragrafu 2a(3) ta’ l-Einkommensteurergesetz (Il-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul) 1992 (iktar il-quddiem l-“EstG”).


5 – Paragrafu 8(1) tal-KStG.


6 – Paragrafu 3c.


7 – Għal iktar informazzjoni, ara n-Nota ta’ Informazzjoni dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali (ĠU 2005, L 143, p. 1 u 2).


8 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 1994. AC-ATEL Electronics Vertriebs (C-30/93, Ġabra p. I-2305, punti 16 u 17), ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96 Ġabra p. I-7835, punti 25 u 26, tad-29 ta’ April 1982 Pabst & Richarz (17/81 Ġabra p. 1331, punt 12) u tas-16 ta’ Settembru 1999, World Wildlife Fund (WWF) et (C-435/97, Ġabra p. I-5613).


9 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000 AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 20), li tiċċita s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, Ġabra p. 273, punt 18) u s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993 Commerzbank (C-330/91 Ġabra p. I-4017, punt 13).


10 – AMID, punt 21, li tiċċita s-sentenza 81/87 Daily Mail u General Trust, Ġabra 1988, p. 5483.


11 – B’hekk, Deutsche Shell tieħu bħala l-mudell għal paragun tagħha kumpannija prinċipali Ġermaniża bi stabbiliment fil-Ġermanja, li taħdem b’iktar minn munita waħda. Hija ssostni li l-varjazzjonijiet fil-valur tat-tieni munita jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġi kkalkulat id-dħul taxxabbli ta’ tali kumpannija fil-Ġermanja.


12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


13 – Ara l-punti 25 u 28.


14 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C-177/88, Ġabra p. I-3941, punti 10 sa 14) u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Darmon, fil-punti 23 sa 25.


15 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 , Gilly (C-336/96 Ġabra p. I-2793) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li din ta’ l-aħħar ma tammontax għal restrizzjoni li teħtieġ ġustifikazzjoni.


16 – Ġabra 2006, p. I-11673


17 – Ara l-punti 45 et seq iktar ’l isfel, b’mod partikolari l-punti 49 u 50.


18 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża C-1/93 Halliburton, Ġabra 1994, p. I-1137, punt 18 (għalkemm dak kien każ ċar ta’ diskriminazzjoni, il-propożizzjoni hija ġenerali).


19 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 35), li tirreferi għas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C-250/95, Ġabra p. I-2471, punt 26), u tal-11 ta’ Marzu 2004, Hughes de Lasteyrie du Saillant (C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 49). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 47).


20 – Sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249) u tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-300/90, Ġabra p. I-305; Sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 18); Sentenza tat-18 ta’ Lulju 1998 ICI (C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 29); u s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42).


21 – Per eżempju, din il-ġustifikazzjoni ma ġietx aċċettata fis-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe (C-347/04, Ġabra p. I-2647), tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulairs et; (C-152/03, Ġabra p. I-1711), tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling (C-209/01, Ġabra p. I-13389), tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C-436/00, Ġabra p. I-10829 jew tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-478/98, Ġabra p. I-7587).


22 – Ġabra 2002, p. I-11819.


23 – Ara l-punti 24 sa 28.


24 – Skond il-Paragrafu 3c ta’ l-EStG; ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


25 – Stabbilit fil-punti 4 u 5 iktar ’il fuq.